2015
Kun Sors ta’ Dawl
Awwissu 2015


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Awissu 2015

Kun Sors ta’ Dawl

Immaġni
Il-President Thomas S. Monson

Jiena kelli l-privileġġ li nattendi bosta ċelebrazzjonijiet kulturali li huma marbuta mad-dedikazzjoni tat-tempji. Kollha kemm huma verament għoġbuni, fosthom l-aktar waħda riċenti li attendejt f’ Novembru li għadda ġewwa Phoenix, Arizona, fl-Istati Uniti.

Iż-żgħażagħ Qaddisin tal-Aħħar Jiem li ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet kulturali tellgħu programm mill-aktar meraviljuż u memorabbli. Is-sena l-oħra ġewwa Phoenix, ftit qabel ma’ bdiet iċ-ċelebrazzjoni, jiena għedt lill-parteċipanti, “Intom ulied id-dawl.”

Nixtieq li ż-żgħażagħ kollha tal-Knisja jkunu jafu li huma wlied id-dawl. F’ dan is-sens, huma għandhom responsabbiltà li “jiddu fid-dinja bħal kwiekeb” (Filippin 2:15). Huma għandhom id-dmir li jaqsmu l-veritajiet tal-evanġelju ma’ ħaddieħor. Huma msejħin sabiex jieqfu bħad-dawl tat-tempju, jirriflettu d-dawl tal-evanġelju f’ dinja li, aktar ma tmur, aktar qed tiddallam. Huma mitlubin sabiex jaraw li d-dawl tagħhom jibqa’ jiddi u jħeġġeġ kontinwament.

Sabiex aħna nkunu “eżempju għal dawk li jemmnu” (1 Timotju 4:12), hemm bżonn nemmnu aħna stess. Hemm bżonn niżviluppaw biżżejjed fidi li nsalvaw spiritwalment u nwasslu d-dawl lil ħaddieħor. Jeħtieġ li nieħdu ħsieb it-testimonjanza tagħna sakemm issir ankra għal ħajjitna.

Fost l-aktar modi effettivi li għandna bżonn illum biex niksbu u nżommu l-fidi hemm il-qari u l-istudju tal-iskrittura u li nitolbu ta’ spiss u b’ mod konsistenti. Lilkom, iż-żgħażagħ tal-Knisja ngħidilkom, jekk għadkom m’għamiltux dan, żviluppaw minn issa drawwa li kuljum tistudjaw l-iskrittura u titolbu. Mingħajr dawn iż-żewġ drawwiet essenzjali, l-influwenzi ta’ madwarna kif ukoll ir-realtajiet iebsa tal-ħajja jafu jnaqqsulkom jew saħansitra jitfulkom għal kollox id-dawl tagħkom.

Żmien iż-żogħżija mhux żmien faċli. Huwa l-aktar żmien li fih Satana jġarrabkom u jagħmel dak kollu li jista’ sabiex ibegħidkom mit-triq li twassalkom lura lejn id-dar tagħkom fis-smewwiet. Iżda hekk kif intom taqraw u titolbu u hekk kif intom isservu u tobdu, intom issiru tafu aħjar “id-dawl li jiddi fid-dlam” (D&C 6:21), l-Eżemplar u l-qawwa tagħna—l-istess Mulej Ġesù Kristu. Huwa d-dawl li għandna nixegħlu biex inkeċċu d-dalma ta’ madwarna (ara 3 Nephi 18:24).

B’ testimonjanza b’ saħħitha tas-Salvatur u l-evanġelju rrestawrat Tiegħu, l-opportunitajiet li intom għandkom biex fihom tiddu huma bla limitu. Jinsabu madwarkom kuljum, tkun xi tkun iċ-ċirkustanza li tkunu fiha. Hekk kif intom timxu wara l-eżempju tas-Salvatur, intom ikollkom l-opportunità li tkunu dawl, biex ngħidu hekk, fil-ħajja ta’ dawk ta’ madwarkom—kemm jekk huma membri tal-familja tagħkom, kemm jekk ħbieb tagħkom tal-iskola, kemm jekk ħaddiema kollegi tagħkom, kemm jekk nies li tiltaqgħu magħhom, u saħansitra nies li lanqas biss tafuhom.

Meta intom tkunu dawl għad-dinja, in-nies ta’ madwarkom iħossu fikom spirtu speċjali li jkunu jixtiequ li jkun parti minn ħajjithom u huma jimxu wara l-eżempju tagħkom.

Jiena nitlob b’ ħerqa lilkom, il-ġenituri u l-mexxejja taż-żgħażagħ tagħna, sabiex tgħinuhom jieqfu sodi għall-verità u għas-sewwa. Għinuhom ikabbru l-perspettiva tagħhom tat-tagħlim, tal-għarfien u tas-servizz fis-saltna ta’ Alla. Ibnu fihom il-qawwa li jirreżistu t-tentazzjoni tad-dinja. Agħtuhom ir-rieda li jgħixu ħajja ta’ virtù u fidi, li jitolbu dejjem u jħarsu lejn Alla bħala l-ankra kostanti tagħhom.

Lilkom, iż-żgħażagħ tagħna ngħidilkom, Missierna tas-Smewwiet iħobbkom. Jalla intom tħossu wkoll l-imħabba li l-mexxejja tal-Knisja għandhom għalikom. Jalla intom ikollkom dejjem ix-xewqa li taqdu lil Missierkom tas-Smewwiet u lil Ibnu. U jalla intom dejjem timxu fil-verità u tieqfu bħala dawl fost ulied Alla.

Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

Ikkunsidraw li tiddiskutu ma’ dawk li tgħallmu xi jfisser li huma jkunu “ulied id-dawl.” Dan x’ responsabbiltà jpoġġi fuqhom? Tistgħu tiddiskutu żminijiet meta d-dawl tagħhom kien partikolarment qawwi u x’ wassal għal dan. Ikkunsidraw li tistaqsuhom biex jaħsbu dwar xi ħadd speċifiku, bħal xi żagħżugħ, xi kollega tax-xogħol, jew xi membru tal-familja tagħhom li għandu bżonn id-dawl. Imbagħad tkunu tistgħu titolbu flimkien dwar xi mod kif tistgħu taqsmu d-dawl ma’ dik il-persuna.

Ipprintja