2015
Familji u Talb
Settembru 2015


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Settembru 2015

Familji u Talb

Darba waħda bil-lejl, hekk kif kont ninsab bilqiegħda ħdejn is-sodda ta’ missieri, huwa beda jkellimni dwar it-tfulija tiegħu. Huwa tkellem dwar l-imħabba tal-ġenituri tiegħu fi żminijiet diffiċli u dwar l-imħabba ta’ Missieru tas-Smewwiet u tas-Salvatur. Jien kont naf li hu kien qed imut bil-kanċer, għalhekk ma kontx nissorprendi ruħi li xi kultant kien iħawwad is-sentimenti li kellu lejn Missieru tas-Smewwiet mal-imħabba u t-tjubija ta’ missieru fid-dinja. Missieri spiss kien jgħid li meta huwa jitlob, kien jimmaġina lil Missieru tas-Smewwiet jitbissem.

Il-ġenituri tiegħu għallmuh bl-eżempju tagħhom li għandu jitlob bħallikieku qed jitkellem ma’ Alla u li Alla jwieġeb it-talb tiegħu b’ imħabba. Huwa baqa’ jimxi wara dan l-eżempju sal-aħħar ta’ ħajtu. Meta l-uġigħ sar mill-aktar intens, sibnieh għarkopptejh filgħodu ħdejn is-sodda. Kien dgħajjef wisq biex jerġa’ jitla’ lura fis-sodda. Huwa qalilna li fit-talb tiegħu kien qed jistaqsi lil Missierna tas-Smewwiet għalfejn kellu jsofri daqstant meta dejjem ipprova jagħmel it-tajjeb. Huwa qal li rċieva tweġiba mill-aktar ħanina: “Alla jeħtieġ ulied qalbiena.”

U għalhekk huwa baqa’ għaddej b’ kuraġġ sal-aħħar, b’ fidi li Alla verament iħobbu, li sema’ talbu u kien hemm biex jissapportjah. Huwa kien imbierek li kien jaf kmieni f’ ħajtu xi ħaġa li qatt ma nesa, li Alla, li kien verament iħobbu, seta’ dejjem ikun viċin tiegħu permezz tat-talb.

Kien għalhekk li l-Mulej għallem lill-ġenituri, “U huma għandom jgħallmu wkoll lil uliedhom jitolbu, u jimxu b’ mod xieraq quddiem il-Mulej” (D&C 68:28).

L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ġie rrestawrat—bil-Ktieb ta’ Mormon u l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju li jistgħu jissiġillaw il-familji—għaliex Joseph Smith meta kien għadu tifel talab bil-fidi. Huwa kiseb dik il-fidi ġo familja fidila mimlija mħabba.

Għoxrin sena ilu, il-Mulej ta lill-familji dan il-kunsill f’ “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” mill-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu: “Żwiġijiet u familji ta’ suċċess huma mibnija u sostnuti fuq il-prinċipji tal-fidi, tat-talb, tal-indiema, tal-maħfra, tar-rispett, tal-imħabba, tal-kompassjoni, tax-xogħol u ta’ attivitajiet rikreattivi xierqa.”1

Aħna lkoll għandna nkunu verament grati għall-familja ta’ Joseph Smith il-Profeta għat-trobbija tiegħu. Il-familja tiegħu hija eżempju mhux biss ta’ fidi u talb iżda wkoll ta’ ndiema, maħfra, rispett, imħabba, kompassjoni, xogħol u attivitajiet rikreattivi xierqa.

Il-ġenerazzjonijiet li jiġu warajkom jafu jsejħulkom imbierka għall-eżempju ta’ talb fil-familja tagħkom. Jista’ jkun li intom ma trabbux xi qaddej kbir ta’ Alla, iżda tistgħu permezz tat-talb tagħkom u l-eżempju tagħkom ta’ fedeltà tgħinu lill-Mulej Ġesù Kristu jrawwem dixxipli twajba u maħbuba.

Fost dak kollu li tafu tagħżlu li tagħmlu sabiex tgħinu lill-Mulej, it-talb għandu jkun fil-qalba ta’ kollox. Apparentament jeżistu nies ordinarji li, meta huma jitolbu, jispiraw oħrajn sabiex jiftħu għajnejhom ħalli jaraw ma’ min qed jitkellmu. Intom tistgħu tkunu dan it-tip ta’ nies.

Aħsbu x’ jista’ jfisser dan għal dawk li jinżlu għarkupptejhom magħkom fit-talb tal-familja. Meta huma jħossu li intom tkunu qed titkellmu ma’ Alla bil-fidi, il-fidi tagħhom tikber biex huma wkoll jitkellmu ma’ Alla. Meta intom titolbu biex tirringrazzjaw lil Alla għal barkiet li huma jafu li rċevew, il-fidi tagħhom tikber li Alla verament iħobbhom u li Huwa jwieġeb it-talb tagħkom u jwieġeb tagħhom ukoll. Dan jista’ jseħħ fit-talb tal-familja biss meta intom tesperjenzaw u tibqgħu tesperjenzaw din l-istess esperjenza fit-talb privat tagħkom.

Jiena għadni nħossni mbierek minħabba li kelli missier u omm li tkellmu ma’ Alla. L-eżempju tagħhom tal-qawwa tat-talb fil-familji għadu jbierek il-ġenerazzjonijiet li ġew warajhom.

Uliedi u n-neputijiet tiegħi huma mberkin kuljum bl-eżempju tal-ġenituri tiegħi. Għaddiet għandhom il-fidi li Dak Alla li tant iħobbhom jisma’ u jwieġeb it-talb. Intom ukoll tistgħu toħolqu dan it-tip ta’ wirt fil-familja tagħkom. Jiena nitlob li hekk tagħmlu.

Nota

  1. “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Nov. 2010, 129.

Niċċelebraw l-20 anniversarju tal-Proklamazzjoni dwar il-Familja

“Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” tgħallimna prinċipji li għadhom japplikaw għal żmienna daqs kemm kienu japplikaw l-ewwel darba li ġiet ippreżentata fit-23 ta’ Settembru, 1995. Ikkunsidraw li tistiednu lill-individwi u l-familji li intom tgħallmu sabiex jiċċelebraw l-20 anniversarju tal-proklamazzjoni billi:

  1. Jagħmlu lista ta’ prinċipji li hemm fiha li għalihom għandhom sinifikat speċjali. (Araw kif il-President Eyring jagħmel dan bit-talb fil-messaġġ li hemm aktar ’il fuq.)

  2. Jiddiskutu kif kull prinċipju jista’ jberikom kemm illum kif ukoll fil-futur.

  3. Ifasslu ċerti għanijiet speċifiċi biex jinkorporaw dawk il-prinċipji f’ ħajjithom u jaqsmuhom ma’ ħaddieħor.

Ipprintja