2015
Temmu t-Tellieqa bit-Torċa għadha Taqbad
Ottubru 2015


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Ottubru 2015

Temmu t-Tellieqa bit-Torċa għadha Taqbad

Fil-Greċja tal-qedem, kien hemm atleti li kienu jikkompetu f’ tellieqa tar-rilej tissejjaħ lampadedromja.1 Fit-tellieqa, l-atleti kienu jżommu torċa f’ idhom u kienu jgħadduha lill-atleta ta’ warajhom sakemm l-aħħar membru fit-tim kien jaqsam il-linja fejn kienet tintemm it-tellieqa.

Il-premju ma kienx jingħata lit-tim li kien jiġri l-aktar—kien jingħata lill-ewwel tim li kien jasal sal-linja finali bit-torċa għadha taqbad.

Hawnhekk nistgħu nitgħallmu lezzjoni mill-aktar profonda, waħda mgħallma mill-profeti tal-qedem u dawk moderni: filwaqt li huwa importanti li nibdew it-tellieqa, huwa ferm aktar importanti li ntemmuha bit-torċa għadha taqbad.

Salamun Beda bil-Kbir

Il-kbir Sultan Salamun huwa eżempju ta’ xi ħadd li beda bil-kbir. Meta kien għadu żagħżugħ, huwa “kien iħobb il-Mulej, u kien jimxi skont il-preċetti ta’ David missieru” (1 Slaten 3:3). Alla kien kuntent bih u staqsieh, “Itlobni x’nagħtik” (1 Slaten 3:5).

Minflok ma talab għal xi rikkezzi jew li jagħtih ħajja twila, Salamun talab li jkollu “moħħ ħafif biex jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħu, u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin” (1 Slaten 3:9).

Dan għoġob lill-Mulej tant li Huwa mhux biss bierek lil Salamun bl-għerf iżda wkoll b’ ġid materjali mill-aktar kbir u b’ ħajja twila.

Għalkemm Salamun kien verament għaqli u wettaq bosta ħwejjeġ kbar, huwa ma baqax sod sat-tmiem. Sfortunatament, aktar tard f’ ħajtu, “l-imġiba ta’ Salamun, li ma baqax ħaġa waħda mal-Mulej sa l-aħħar, lill-Mulej xejn ma għoġbitu” (1 Slaten 11:6).

Intemmu t-Tellieqa Tagħna

Kemm-il -darba bdejna xi ħaġa u ma temmejnihiex? Dieta? Programm ta’ eżerċizzju? Impenn li naqraw l-iskrittura kuljum? Deċiżjonijiet li nkunu dixxipli aħjar ta’ Ġesù Kristu?

Kemm-il darba fix-xahar ta’ Jannar aħna nagħmlu reżoluzzjoni u għall-ewwel ftit ġranet, jew għall-ewwel ġimgħat jew forsi anke għall-ewwel ftit xhur, nimxu magħha b’ determinazzjon kbira, iżda mbagħad insibu li sakemm jasal Ottubru, il-fjamma tal-impenn tagħna ma tkun xejn aktar minn daqsxejn irmied kiesaħ?

Darba waħda jiena rajt stampa daqsxejn umoristika ta’ kelb mixħut ħdejn biċċa karta li huwa kien qatta’ biċċiet. Kienet tgħid, “Ċertifikat ta’ Taħriġ ta’ Kelb Ubbidjenti.”

Xi kultant aħna hekk qisna.

Ikollna intenzjoni tajba; nibdew b’ saħħitna; inkunu rridu nuru l-aħjar tagħna. Iżda fl-aħħar aħna nħallu r-reżoluzzjonijiet tagħna jsiru rmied, inwarrbuhom u ninsewhom.

Hija fin-natura umana li aħna naqgħu, infallu u xi kultant inkunu rridu nirtiraw mit-tellieqa. Iżda bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna kkommettejna ruħna li mhux biss nibdew it-tellieqa iżda wkoll li ntemmuha—u ntemmuha bit-torċa tagħna għadha taqbad b’ qawwa. Is-Salvatur wiegħed lid-dixxipli Tiegħu, “Min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva” (Mattew 24:13).

Ippermettuli nipparafraża dak li wiegħed is-Salvatur fi żmienna: Jekk aħna nżommu l-kmandamenti Tiegħu u ntemmu t-tellieqa bit-torċa għadha taqbad, aħna jkollna l-ħajja eterna, li hija l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla (ara D&C 14:7; ara wkoll 2 Nephi 31:20).

Id-Dawl li Qatt ma Jintefa

Xi kultant wara li aħna naqgħu, infallu jew anke naqtgħu qalbna, aħna nitilfu kull kuraġġ u nispiċċaw nemmnu li n-nar intefa u t-tellieqa tlifnieha. Iżda jiena nixhed li d-Dawl ta’ Kristu ma jista’ jintefa qatt. Huwa jiddi fl-aktar lejl mudlam u jista’ jerġa’ jdawwal qlubna jekk aħna ndawru qlubna lejh (ara 1 Slaten 8:58).

Naqgħu kemm-il darba naqgħu u tkun kemm tkun kbira l-waqgħa, id-Dawl ta’ Kristu jibqa’ dejjem jaqbad b’ qawwa. U anke fl-aktar lejl mudlam, jekk aħna nersqu pass lejh, id-dawl Tiegħu jikkonsma kull dell u jerġa’ jkebbes ruħna.

Din it-tellieqa tagħna bħala dixxipli mhijiex xi ġirja sfrenata u bla nifs; hija maratona. U ftit li xejn tagħmel differenza kemm se niġru. Fil-fatt, l-uniku mod kif nistgħu nitilfu t-tellieqa huwa billi finalment ngħejjew u naqtgħu qalbna.

Sakemm aħna nkomplu nqumu fuq saqajna u nimxu lejn is-Salvatur tagħna, aħna nirbħu t-tellieqa bit-torċa tagħna għadha taqbad b’ qawwa.

Għax it-torċa ma tirrappreżentax lilna jew dak li aħna nagħmlu.

Tirrappreżenta lis-Salvatur tad-dinja.

U dak huwa dawl li qatt ma jista’ jintefa. Huwa Dawl li jibla’ kull dalma, ifejjaq kull ferita, u jiddi anke fil-mumenti tal-akbar niket u ta’ dalma mill-aktar dipressanti.

Huwa Dawl li jiżboq kull għarfien.

Jalla lkoll kemm aħna ntemmu l-vjaġġ li aħna bdejna. U bl-għajnuna tas-Salvatur u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu, aħna ntemmu t-tellieqa b’ ferħ u bit-torċa tagħna għadha taqbad.

Nota

  1. Harpers Dictionary of Classical Antiquities (1898), “Lampadedromia,” www.perseus.tufts.edu/hopper. Pawsanja ddeskriva tellieqa bit-torċa imma differenti minn din, li fiha dawk li jkunu qed iġorru t-torċa, possibbilment wieħed minn kull tribù, ma jgħaddux it-torċa tagħhom lil xulxin. Iżda l-istess bħal fil- lampadedromja, ir-rebbieħ ikun l-ewwel wieħed li jasal fi tmiem it-tellieqa bit-torċa tiegħu għadha taqbad.

Tagħlim minn dan il-Messaġġ

Ikkunsidraw li tħeġġu lil dawk li intom tgħallmu biex jirriflettu fuq fejn huma jinsabu bħalissa fit-“tlielaq” ta’ ħajjithom. It-torċa tagħhom jinsabu jaqbdu b’ qawwa? Tistgħu taqraw il-frażi li tgħid li d-Dawl ta’ Kristu huwa “Dawl li jibla’ kull dalma, ifejjaq kull ferità, u jiddi anke fil-mumenti tal-akbar niket u ta’ dalma mill-aktar dipressanti.” Imbagħad ikkunsidraw li tiddiskutu ma’ dawk li intom tgħallmu kif id-Dawl ta’ Kristu influwenza ħajjithom fil-passat u kif qed jinfluwenza ħajjithom illum.

Ipprintja