2016
Ferħ għal Dawk li Nħobbu
Jannar 2016


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Jannar 2016

Ferħ għal Dawk li Nħobbu

Ilkoll kemm aħna nixtiequ l-ferħ lil dawk li nħobbu, u nixtiquhom jgħaddu mill-anqas uġigħ possibbli. Hekk kif naqraw ċerti rakkonti ta’ ferħ—u ta’ uġigħ—fil-Ktieb ta’ Mormon, qalbna titqanqal meta nġibu quddiem għajnejna lill-maħbubin tagħna. Dan huwa rakkont veru ta’ żmien ta’ ferħ:

“U ġara li ma kien hemm l-ebda tilwim fil-pajjiż, minħabba l-imħabba ta’ Alla li kienet tgħammar f’ qalb il-poplu.

“U ma kien hemm l-ebda għira, l-ebda ġlied, l-ebda tixwix, l-ebda żína, l-ebda gideb, l-ebda qtil, jew xi tip ta’ nuqqas ta’ rażan; u bla dubju ma kienx hawn poplu aktar kuntent fost il-popli kollha li ġew maħluqa minn id Alla.”

Imbagħad naqraw:

“U kemm kienu imberkin! Għax il-Mulej berikom fl-għemejjel kollha tagħhom; iva, huma komplew jitbierku u jgħixu fir-riżq sa mija u għaxar snin wara; u għaddiet l-ewwel ġenerazzjoni mill-miġja ta’ Kristu, u ma kien hemm l-ebda tilwim fil-pajjiż kollu” (4 Nephi 1:15–16, 18).

Il-dixxipli ta’ Kristu li jħobbu lil xulxin jitolbu u jaħdmu biex kemm huma kif ukoll oħrajn jiksbu din il-barka. Minn rakkonti mill-Ktieb ta’ Mormon u, għal ħafna minna, mill-istess esperjenza tagħna, aħna nafu li r-rigal tal-ferħ huwa xi ħaġa li jista’ jkun tagħna. Aħna nafu li t-triq li twassal għall-ferħ hija mmarkata b’ mod tajjeb. Nafu wkoll li mhux faċli li nibqgħu ferħanin sakemm ma nħallux, kif kien il-każ tan-Nefiti wara ż-żjara tas-Salvatur, “l-imħabba ta’ Alla” tgħammar f’ qalbna.

Dik l-imħabba kienet tinsab f’ qalb in-Nefiti għaliex huma żammew il-liġi li għamel dan possibbli. Summarju ta’ din il-liġi jinsab fit-talba sagramentali, li tibda b’ talba mqanqla lil Missier tas-Smewwiet li tant iħobbna. B’ qalbna mimlija fidi fis-Salvatur personali tagħna, aħna nitolbuh b’ imħabba kbira. Aħna nikkommettu ruħna b’ intenzjoni ġenwina li nieħdu fuqna ismu, li niftakru fih u nżommu l-kmandamenti Tiegħu kollha. Finalment, aħna neżerċitaw il-fidi li l-Ispirtu s-Santu, it-tielet membru tad-Divinità, ikun dejjem magħna, fejn jagħti xhieda f’ qalbna tal-Missier u tal-Iben il-Maħbub Tiegħu. (Ara D&C 20:77, 79.)

Bis-sħubija tal-Ispirtu s-Santu, qalbna tista’ tinbidel sabiex aħna nkunu nixtiequ u nilqgħu l-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet u tal-Mulej Ġesù Kristu. Il-mod kif aħna nistgħu niksbu l-imħabba ta’ Alla f’ qalbna huwa wieħed sempliċi daqs il-mod kif nistgħu nitilfu s-sentiment ta’ mħabba f’ qalbna. Per eżempju, xi ħadd jaf jagħżel li jitlob anqas ta’ spiss lil Missierna tas-Smewwiet jew ma jħallasx dieċmi sħiħa jew ma jibqax jiffesteġġja fuq il-kelma ta’ Alla jew jinjora lill-foqra u lil dawk fil-bżonn.

U l-għażla li ma nżommux il-kmandamenti tal-Mulej tista’ twassal biex l-Ispirtu ma jibqax jgħammar f’ qalbna. B’ telfa bħal din, il-ferħ jonqos.

Il-ferħ li nixtiequ lill-maħbubin tagħna jiddependi fuq l-għażliet tagħhom. Inħobbu kemm inħobbu lil uliedna, lil xi investigatur jew lil sħabna, aħna ma nistgħux nisfurzawhom iżommu l-kmandamenti sabiex huma jkunu jistgħu jikkwalifikaw għall-Ispirtu s-Santu li jista’ jmiss u jibdel qalbhom.

Għalhekk l-aqwa għajnuna li nistgħu nagħtu hi kull ħaġa li twassal lil dawk li aħna nħobbu li jagħżlu b’ mod tajjeb. Alma għamel dan permezz ta’ stedina li tistgħu tagħmlu intom stess:

“Kunu umli quddiem il-Mulej, u lissnu l-isem imqaddes tiegħu, u ishru u itolbu kontinwament, sabiex ma tiġikomx tentazzjoni aktar milli tifilħu għaliha, u b’ hekk tiġu mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, issiru umli, mansi, sottomessi, paċenzjużi, mimlija mħabba u sabar;

“Kollkom fidi fil-Mulej; mimlijin tama li se tirċievu l-ħajja eterna; mimlijin dejjem bl-imħabba ta’ Alla f’ qalbkom, sabiex tiġu eżaltati fl-aħħar jum u tidħlu fil-mistrieħ tiegħu” (Alma 13:28–29).

Nitlob li dawk li intom tħobbu jaċċettaw l-istedina spirata li jagħżlu t-triq li twassal għall-ferħ dejjiem.

Tagħlim minn Dan il-Messaġġ

Il-President Eyring jgħallem li l-ferħ li aħna nħossu fil-ħajja jiddependi mid-deċiżjonijiet li aħna nagħmlu. Hekk kif intom tiddiskutu dan il-messaġġ, ikkunsidraw li tiffukaw fuq dawk il-ħwejjeġ li l-President Eyring semma li aħna nistgħu nagħżlu li nagħmlu (per eżempju nitolbu, naħdmu, neżerċitaw il-fidi, u nikkommettu ruħna b’ intenzjoni ġenwina) li jwassluna fit-triq tal-ferħ. Tistgħu tistiednu lil dawk li intom tgħallmu biex jiktbu xi żewġ jew tliet ħwejjeġ li huma jistgħu jagħmlu li jidderiġuhom aħjar għat- “triq li twassal għall-ferħ dejjem.”

Ipprintja