Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Settembru 2016
Wara l-Imħabba, X’ Hemm?
Il-profeta għażiż tagħna, il-President Thomas S. Monson, għallem li “l-imħabba hija l-veru assenza tal-evanġelju.”1
L-imħabba tant hija importanti li Ġesù sejħilha “l-ewwel u l-akbar kmandament” u qal li kull parti oħra mil-liġi u minn kliem il-profeti tiddependi fuqha.2
L-imħabba hija l-mottiv ewlieni għal dak kollu li nagħmlu fil-Knisja. Kull programm, kull laqgħa, kull azzjoni li aħna parti minnhom bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu għandhom ikunu riżultat ta’ din il-kwalità—għaliex mingħajr il-karità, “l-imħabba pura ta’ Kristu,” aħna m’aħna xejn.3
La darba aħna nifhmu dan b’ moħħna kollu u b’ qalbna kollha, la darba aħna niddikjaraw l-imħabba tagħna lejn Alla u lejn għajrna—x’ nistgħu nagħmlu aktar?
Biżżejjed li aħna nħossu fina l-kompassjoni u l-imħabba lejn ħaddieħor? Inkunu aħna qed nissodisfaw l-obbligu tagħna lejn Alla billi niddikjaraw l-imħabba tagħna lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna?
Il-Parabbola taż-Żewġ Ulied Subien
Fit-tempju ġewwa Ġerusalemm, il-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-Lhud marru fuq Ġesù biex jippruvaw jaqbduh f’ xi kelma li setgħu jakkużawh biha. Is-Salvatur, madankollu, ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni billi qalilhom storja.
“Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied,” Huwa beda jgħidilhom. Il-missier mar għand l-ewwel iben u talbu jmur jaħdem fl-għalqa tad-dwieli. Iżda ibnu rrifjuta. Aktar tard dak l-iben “biddel il-fehma u mar.”
Il-missier imbagħad mar għand it-tieni iben u talbu jmur jaħdem fl-għalqa tad-dwieli. It-tieni iben żgurah li kien se jmur, iżda qatt ma mar.
Imbagħad is-Salvatur dar fuq il-qassisin u x-xjuħ u staqsiehom, “Liema wieħed minn dawn iż-żewġ ulied wettaq ir-rieda ta’ missieru?”
Huma kellhom jammettu li kien l-ewwel iben—dak li qal li ma kienx se jmur iżda li aktar tard nidem u mar jaħdem fl-għalqa tad-dwieli.4
Is-Salvatur uża din l-istorja biex jenfasizza prinċipju importanti—huma dawk li jobdu l-kmandamenti li verament iħobbu lil Alla.
Jista’ jkun li għalhekk Ġesù talab lin-nies sabiex jisimgħu u jimxu wara l-kliem tal-Fariżej u l-kittieba iżda mhux wara l-eżempju tagħhom.5 Dawn l-għalliema reliġjużi ma kinux jgħixu dak li jippridkaw. Kienu jħobbu jitkellmu dwar ir-reliġjon, iżda sfortunatament ma kinux qed jgħixu l-assenza tiegħu.
L-Għemejjel u s-Salvazzjoni Tagħna
F’ waħda mill-aħħar lezzjonijiet li s-Salvatur ta lid-dixxipli Tiegħu, Huwa kellimhom dwar il-Ġudizzju finali. Il-ħżiena u t-twajbin se jkunu sseparati minn xulxin. It-twajbin se jirtu l-ħajja eterna; il-ħżiena se jiġu kkastigati b’ kastig etern.
X’ kienet id-differenza li kien hemm bejn iż-żewġ gruppi?
Dawk li wrew l-imħabba tagħhom permezz tal-għemejjel tagħhom ġew salvati. Dawk li ma għamlux dan ġew ikkundannati.6 Il-konverżjoni vera għall-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u l-valuri u l-prinċipji tiegħu nuruha permezz tal-għemejjel tagħna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Ultimament, li sempliċiment niddikjaraw l-imħabba tagħna lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna mhux se tkun biżżejjed għalina biex aħna nikkwalifikaw għall-eżaltazzjoni. Għaliex, kif għallem Ġesù, “mhux kull min jgħidli, Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet.”7
X’ Jiġi wara l-Imħabba?
It-tweġiba għall-mistoqsija “Wara l-imħabba, x’hemm?” tista’ tkun waħda mill-aktar sempliċi u ċara. Jekk aħna verament inħobbu lis-Salvatur, aħna nressqu qlubna lejh u mbagħad nimxu fit-triq li minnha jimxu d-dixxipli Tiegħu. Meta aħna nħobbu lil Alla, aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nobdu l-kmandamenti Tiegħu.8
Jekk aħna verament inħobbu lill-proxxmu tagħna, aħna noffru lilna nfusna biex ngħinu “lill-foqra u lil dawk fil-bżonn, lill-morda u lil dawk li qed isofru.”9 Għaliex dawk li jwettqu dawn l-għemejjel altruwisti ta’ kompassjoni u servizz,10 huma dawk li verament huma d-dixxipli ta’ Ġesù Kristu.
Dan hu dak li jiġi wara l-imħabba.
Din hija l-assenza tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
© 2016 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fil-Ġermanja. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/16. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/16. Traduzzjoni ta’ First Presidency Message, September 2016. Maltese. 12869 159