2017
Il-Ġust Jgħix bil-Fidi
April 2017


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, April 2017

Il-Ġust Jgħix bil-Fidi

Ir-Rabbi u Dak li Jagħmel is-Sapun

Hemm storja Lhudija antika dwar wieħed li jagħmel is-sapun li ma kienx jemmen f’ Alla. Darba waħda hekk kif kien miexi flimkien ma’ wieħed rabbi, huwa qal, “Hawn xi ħaġa li ma nistax nifhem. Ilna nħaddnu r-reliġjon għal eluf ta’ snin. Iżda kull fejn tħares ħlief ħażen, korruzzjoni, diżonestà, inġustizzja, uġigħ, ġuħ u vjolenza ma tarax. Jidher li wara kollox ir-reliġjon ma wasslitx biex id-dinja titjieb. Għalhekk jien nistaqsik, għal x’hiex tiswa?”

Ir-rabbi ma weġibx mill-ewwel iżda kompla miexi flimkien ma’ dak li jagħmel is-sapun. Eventwalment huma waslu f’ post fejn kien hemm it-tfal jilagħbu, uħud minnhom mimlijin bit-trab li kienu qed jilagħbu fih.

“Hawn xi ħaġa li ma nistax nifhem,” qal ir-rabbi. “Ħares lejn dawk it-tfal. Is-sapun ilu jeżisti għal eluf ta’ snin, u madankollu dawk it-tfal huma verament maħmuġin. X’ jiswa s-sapun?”

Dak li jagħmel is-sapun wieġeb, “Iżda rabbi, mhux sewwa li tagħti t-tort lis-sapun għal dawk it-tfal maħmuġin. Hemm bżonn li s-sapun tużah biex ikun jista’ jwettaq l-għan tiegħu.”

Ir-rabbi tbissem u qal, “Eżattament.”

Kif Għandna Ngħixu?

L-Appostlu Pawlu, hekk kif kien qed jikkwota profeta mit-Testment il-Qadim, qal fil-qosor xi tfisser li tkun bniedem li temmen meta kiteb, “Il-ġust jgħix bil-fidi” (Rumani 1:17).

Jista’ jkun li f’ din id-dikjarazzjoni sempliċi aħna nifhmu d-differenza li hemm bejn reliġjon li hi dgħajfa u mhux effettiva u oħra li għandha l-qawwa li tittrasforma l-ħajja tan-nies.

Iżda biex nifhmu xi tfisser li tgħix bil-fidi, jeħtieġ nifhmu x’inhi l-fidi.

Il-fidi hija aktar minn sempliċiment twemmin. Hija fiduċja sħiħa f’ Alla u din nakkumpanjawha bl-għemil tagħna.

Hija aktar milli sempliċiment nixtiequ xi ħaġa.

Hija aktar minn sempliċiment noqogħdu bilqiegħda, u bil-mossi li nagħmlu b’ rasna nuru li qed naqblu. Meta ngħidu “il-ġust jgħix bil-fidi,” aħna nkunu qed infissru li aħna ggwidati u mmexxija mill-fidi tagħna. Aħna naġixxu b’ mod li huwa konsistenti mal-fidi tagħna—mhux sempliċiment billi nobdu bla ma naħsbu iżda minħabba l-imħabba kbira u sinċiera li aħna għandna lejn Alla tagħna u minħabba l-għerf imprezzabbli li Huwa żvela lil uliedu.

Il-fidi għandna nuruha wkoll permezz ta’ għemilna; inkellha tkun bla ħajja (ara Ġakbu 2:17). M’hi fidi xejn. Ma jkollhiex qawwa li tibdel lil ebda individwu, u ferm anqas lid-dinja.

L-irġiel u n-nisa ta’ fidi jafdaw f’ Missierhom tas-Smewwiet li tant Hu ħanin—anke fi żmien ta’ inċertezza, anke fi żmien ta’ dubju u avversità fejn huma jafu ma jkunux jistgħu jaraw jew jifhmu b’ ċarezza.

L-irġiel u n-nisa ta’ fidi jimxu bil-ħerqa kollha fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jimxu wara l-eżempju tas-Salvatur għażiż tagħhom, Ġesù Kristu. Il-fidi timmotivana u, fil-fatt tispirana biex ninklinaw qlubna lejn is-smewwiet u biex b’ mod attiv nilħqu, ngħinu u nbierku lil għajrna.

Ir-reliġjon mingħajr azzjoni hija bħas-sapun li jibqa’ fil-kaxxa. Taf ikollha potenzjal tal-għaġeb, iżda fir-realtà ftit ikollha qawwa li tista’ tagħmel differenza sakemm ma twettaqx l-għan intenzjonat tagħha. L-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu huwa evanġelju ta’ azzjoni. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tgħallem ir-reliġjon vera bħala messaġġ ta’ tama, fidi u karità, li jinkludi wkoll li ngħinu lil ħaddieħor fi ħwejjeġ spiritwali u temporali.

Ftit tax-xhur ilu, jien u marti Harriet konna qed nivvjaġġaw bħala familja flimkien ma’ wħud minn uliedna fiz-zona tal-Mediterran. Aħna morna nżuru xi kampijiet tar-refuġjati u ltqajna ma’ ċerti familji li ġejjin minn pajjiżi mifnija bil-gwerra. Dawn in-nies ma kinux tat-twemmin tagħna, iżda xorta waħda kienu ħutna u kellhom bżonn l-għajnuna b’ mod urġenti. Ħassejna ġo qalbna sentiment mill-aktar qawwi hekk kif aħna esperjenzajna verament kif il-fidi attiva tal-membri tal-Knisja tagħna twassal l-għajnuna u-t-tama lil ħutna li jinsabu fil-bżonn, hi x’inhi r-reliġjon, in-nazzjonalità jew il-livell ta’ edukazzjoni tagħhom.

Il-fidi akkumpanjata minn azzjoni konsistenti timla’ l-qalb bit-tjubija, il-moħħ bl-għerf u l-għarfien, u r-ruħ bil-paċi u l-imħabba.

Il-fidi tagħna tista’ tbierek u tinfluwenza b’ mod tajjeb kemm lil dawk ta’ madwarna kif ukoll lilna stess.

Il-fidi tagħna tista’ timla d-dinja bit-tjubija u l-paċi.

Il-fidi tagħna tista’ tittrasforma l-mibegħda f’ imħabba u l-għedewwa fi ħbieb.

Il-ġusti, mela, jgħixu billi jaġixxu skont il-fidi; huma jgħixu billi jafdaw f’ Alla u jimxu fi triqtu.

U din hija t-tip ta’ fidi li tista’ tittrasforma l-individwi, il-familji, il-ġnus u d-dinja.