2018
Dejjem Niftakru Fih
February 2018


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, Frar 2018

Dejjem Niftakru Fih

Tistgħu flimkien miegħi timmaġinaw lill-profeta Moroni jnaqqax fuq il-pjanċi tad-deheb l-aħħar kliem li hemm miktub fil-Ktieb ta’ Mormon? Huwa kien waħdu. Huwa kien ra l-waqgħa tal-ġens tiegħu, tal-poplu tiegħu u tal-familja tiegħu. Il-pajjiż kien “ġrajja waħda kontinwa” ta’ gwerra (Mormon 8:8). Madankollu huwa kien mimli tama, għaliex seta’ jara żmienna! U minn fost il-ħwejjeġ kollha li seta’ kiteb dwarhom, huwa għażel li jistedinna biex niftakru (ara Moroni 10:3).

Il-President Spencer W. Kimball (1895-1985) kien iħobb jgħallem li l-aktar kelma importanti fid-dizzjunarju probabbilment kienet il-kelma ftakru. Peress li aħna għamilna ċerti patti ma’ Alla, huwa qal, “l-akbar bżonn tagħna hu li niftakru” fihom.1

Intom tistgħu ssibu l-kelma ftakru matul l-iskrittura kollha. Meta Nefi kien iwiddeb lil ħutu, huwa spiss kien jistedinhom biex jiftakru kliem il-Mulej u jiftakru kif Alla kien salva lil missirijiethom (ara 1 Nephi 15:11, 25; 17:40).

Fl-aħħar diskors meraviljuż tiegħu, is-Sultan Benjamin uża l-kelma ftakru seba’ darbiet. Huwa ttama li n-nies tiegħu kienu se jiftakru “il-kobor ta’ Alla … u t-tjubija u sabar tiegħu” lejhom (Mosiah 4:11; ara wkoll 2:41; 4:28, 30; 5:11–12).

Meta s-Salvatur waqqaf is-sagrament, Huwa stieden lid-dixxipli Tiegħu biex jieklu u jixorbu mill-emblemi “b’ tifkira” tas-sagrifiċċju Tiegħu (Luqa 22:19). F’ kull talba tas-sagrament li intom u jien nisimgħu, il-kelma dejjem hi l-kelma li tiġi qabel il-kelma ftakru (ara D&C 20:77, 79).

Il-messaġġ tiegħi huwa stedina, sewwasew appell, biex tiftakru. Dawn huma tliet suġġerimenti dwar dak li kull ġimgħa intom tistgħu tiftakru fih meta intom tieklu u tixorbu mill-emblemi sagri tas-sagrament. Nittama li jkunu ta’ għajnuna għalikom, kif kienu għalija.

Ftakru f’ Ġesù Kristu

L-ewwel, ftakru fis-Salvatur. Ftakru Huwa min kien meta kien hawn fid-dinja, kif Huwa tkellem dwar l-oħrajn u kif Huwa wera t-tjubija fl-għemejjel Tiegħu. Ftakru Huwa ma’ min kien jgħaddi ħinu u Huwa x’ għallem. Is-Salvatur “għadda jagħmel il-ġid” (Atti 10:38). Huwa żar lill-morda. Huwa kien lest li dejjem jagħmel ir-rieda ta’ Missieru.

Fuq kollox, aħna nistgħu niftakru l-prezz kbir li Huwa ħallas, sforz l-imħabba Tiegħu għalina, biex inaddafna mit-tbajja’ ta’ dnubietna. Hekk kif aħna niftakru fih, ix-xewqa tagħna li nimxu warajh tikber. Aħna jkollna x-xewqa li nkunu ftit aktar twajbin, li naħfru aktar u li nkunu lesti li nfittxu r-rieda ta’ Alla u nagħmluha.

Ftakru x’ Għandkom Tagħmlu Aħjar

Diffiċli naħsbu dwar is-Salvatur—il-purità u l-perfezzjoni Tiegħu—mingħajr ma naħsbu wkoll dwar kemm aħna difettużi u imperfetti meta mqabblin Miegħu. Aħna għamilna patt li nobdu l-kmandamenti Tiegħu, iżda ħafna drabi ma jirnexxilniex nilħqu dan l-istandard tant għoli. Iżda s-Salvatur kien jaf li kien se jkun hekk, u b’ hekk Huwa tana l-ordinanza tas-sagrament.

Is-sagrament għandu l-għeruq tiegħu fid-drawwa tat-Testment il-Qadim li wieħed joffri s-sagrifiċċji, li kienet tinkludi fiha l-konfessjoni tad-dnub (ara Levitku 5:5). Aħna m’għadniex nissagrifikaw aktar l-annimali, iżda aħna xorta waħda nistgħu noffru dnubietna. L-iskrittura dan issejjaħlu sagrifiċċju ta’ “qalb maqsuma u spirtu sogħbien” (3 Nephi 9:20). Ejjew għas-sagrament b’ qalb niedma (ara D&C 59:12; Moroni 6:2). Hekk kif tagħmlu dan, intom tiksbu maħfra ta’ dnubietkom u ma titbiegħdu qatt mit-triq li twassalkom lura lejn Alla.

Ftakru fil-Progress li Intom Qed Tagħmlu

Hekk kif waqt l-ordinanza tas-sagrament intom teżaminaw ħajjitkom, nittama li ħsibijietkom ikunu ċċentrati mhux biss fuq xi ħwejjeġ mhux xierqa li intom stajtu wettaqtu iżda wkoll fuq it-tajjeb li wettaqtu—mumenti fejn intom ħassejtu li Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur kienu kuntenti bikom. Jista’ jkun li waqt is-sagrament intom tkunu tridu tħallu ħin biex fih intom titolbu lil Alla biex jgħinkom tagħrfu dawn il-ħwejjeġ. Jekk tagħmlu dan, inwegħidkom li intom żgur tħossu xi ħaġa ġo fikom. Intom tħossu fikom it-tama.

Meta jiena għamilt dan, l-Ispirtu aċċertani li filwaqt li jiena żgur m’inix perfett, illum jiena aħjar milli kont ilbieraħ. U dan jimlini bil-kunfidenza li, grazzi għas-Salvatur, għada nkun saħansitra aħjar milli jien illum.

Dejjem huwa żmien twil, u jimplika li dan jeħtieġ minna ħafna sforz iffukat. Mill-esperjenza intom tafu kemm hu diffiċli li kuxjenzjożament tibqgħu taħsbu l-ħin kollu fuq ħaġa waħda. Iżda minkejja li intom tafu ma żżommux kontinwment il-wegħda li dejjem tiftakru fih, Huwa dejjem jiftakar fikom.

Is-Salvatur jaf x’inhuma l-isfidi tagħkom. Huwa jaf x’ jiġifieri li tħossukom qed tinħakmu mill-problemi tal-ħajja. Huwa jaf kemm intom verament teħtieġu dik il-barka li tinkiseb meta intom dejjem tiftakru fih u tobduh—“biex [intom] dejjem ikollkom l-Ispirtu tiegħu magħkom” (D&C 20:77; enfażi miżjuda).

Għalhekk, kull ġimgħa Huwa jilqagħkom lura mal-mejda tas-sagrament, fejn għal darb’oħra joffrilkom iċ-ċans li tixhdu Miegħu li dejjem lesti tiftakru fih.

Nota

  1. Spencer W. Kimball, “Circles of Exaltation” (indirizz mogħti lill-edukaturi reliġjużi tas-Sistema Edukattiva tal-Knisja, 28 ta’ Ġunju, 1968), 5.

Ipprintja