Il‑Ktieb ta’ Mormon
Kapitlu 1
Ammaron jagħti struzzjonijiet lil Mormon dwar l‑annali sagri—Jingħata bidu għal gwerra bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti—It‑Tliet Nefiti jittieħdu minn fuq l‑art—Jiddomina l‑ħażen, in‑nuqqas ta’ twemmin, is‑seħer, u l‑magħmul. Madwar 321–326 W.K.
1 U issa jiena, Mormon, se nikteb rakkont ta’ dak kollu li jiena rajt u smajt, u se nsejjaħlu l‑Ktieb ta’ Mormon.
2 U fiż‑żmien li Ammaron ħeba l‑annali għall‑Mulej, huwa ġie fuqi, (jien kelli madwar għaxar snin, u kont bdejt nitgħallem xi ftit skont it‑tagħlim ta’ niesi) u Ammaron qalli: Qed nara li inti tifel bil‑għaqal, u kapaċi tosserva malajr;
3 Għalhekk, meta jkollok madwar erbgħa u għoxrin sena rridek tiftakar dak kollu li inti qgħadt tosserva dwar dan il‑poplu; u meta jkollok dik l‑età rridek tmur fl‑art ta’ Antum, fuq għolja li se jkun jisimha Sim; u hemmhekk jiena se naħbi għall‑Mulej l‑inċiżjonijiet sagri kollha relatati ma’ dan il‑poplu.
4 U ara, inti għandek tieħu għandek il‑pjanċi ta’ Nefi, u l‑bqija għandek tħallihom fejn huma; u fuq il‑pjanċi ta’ Nefi ara li tnaqqax dak kollu li inti qgħadt tosserva dwar dan il‑poplu.
5 U jiena, Mormon, li ġej min‑nisel ta’ Nefi, (u isem missieri kien Mormon) ftakart dak kollu li ordnali nagħmel Ammaron.
6 U ġara li meta jiena kelli ħdax‑il sena, missieri ħadni fl‑art tan‑nofsinhar, sewwasew fl‑art ta’ Żaraħemla.
7 Wiċċ l‑art kollha kien imtela’ bil‑bini u n‑nies kienu numerużi kważi daqs ir‑ramel tal‑baħar.
8 U ġara li f’din is‑sena ngħata bidu għal gwerra bejn in‑Nefiti, li kienu jikkonsistu min‑Nefiti u l‑Ġakobbin u l‑Ġużeppin u ż‑Żoramiti; u din kienet gwerra bejn in‑Nefiti, u l‑Lamaniti u l‑Lemweliti u l‑Ismagħelin.
9 Issa l‑Lamaniti u l‑Lemweliti u l‑Ismagħelin kienu jissejħu Lamaniti, u ż‑żewġ naħat kienu Nefiti u Lamaniti.
10 U ġara li l‑gwerra li faqqgħet fosthom bdiet mill‑fruntiera ta’ Żaraħemla, ħdejn l‑ilmijiet ta’ Sidon.
11 U ġara li n‑Nefiti ġabru flimkien għadd kbir ta’ rġiel, hekk li spiċċaw qabżu t‑tletin elf ruħ. U ġara li f’din l‑istess sena huma ħadu sehem f’għadd ta’ battalji, li fihom in‑Nefiti għelbu lil‑Lamaniti u spiċċaw qatlu ħafna minnhom.
12 U ġara li l‑Lamaniti rtiraw il‑pjan li kellhom, u fl‑art bdiet issaltan il‑paċi; u l‑paċi baqgħet issaltan għal madwar erba’ snin, li matulhom ma kien hemm l‑ebda tixrid ta’ demm.
13 Iżda l‑ħażen reġa’ beda jgħolli rasu fuq wiċċ l‑art kollha, hekk li l‑Mulej ħa minn fosthom lid‑dixxipli maħbubin tiegħu, u l‑għemejjel tal‑mirakli u l‑fejqan spiċċaw waqfu ħesrem minħabba l‑ħażen tal‑poplu.
14 U huma ma baqgħux jirċievu aktar doni mingħand il‑Mulej, u l‑Ispirtu s‑Santu fuq ħadd ma niżel aktar, minħabba l‑ħażen u n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom.
15 U jiena, li kelli ħmistax‑il sena u kont bil‑għaqal mhux ħażin, ġie jżurni l‑Mulej, u jiena doqt u għaraft it‑tjubija ta’ Ġesù.
16 U jiena ppruvajt inxandar il‑kelma lil dawn in‑nies, iżda ma stajtx niftaħ fommi, u ġejt miżmum milli nxandrilhom il‑kelma; għax araw, huma, minn jeddhom, ħaduha kontra Alla; u d‑dixxipli maħbubin ittieħdu minn fuq l‑art, minħabba ħżunithom.
17 Iżda jiena bqajt ngħammar fosthom, imma ġejt miżmum milli nxandrilhom il‑kelma, minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom; u minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom l‑art ġiet misħuta minħabba fihom.
18 U dawn il‑briganti Gadjantuni, li kienu fost il‑Lamaniti, spiċċaw infestaw il‑pajjiż kollu, hekk li n‑nies li kienu jgħammru fih bdew jaħbu t‑teżori tagħhom fl‑art; u huma saru jiżolqu, għax il‑Mulej seħet il‑pajjiż, hekk li ma setgħux jeħduhom lura jew jerġgħu jeħduhom f’idejhom.
19 U ġara li kien hemm min beda jagħmel is‑seħer, u l‑magħmul u l‑maġija; u l‑qawwa tal‑malinn ħakmet il‑wiċċ kollu tal‑art, u b’hekk ġie fis‑seħħ il‑kliem li kien qal Abinadi, u li kien qal ukoll Samwel il‑Lamanita.