Skrittura
Mormon 7


Kapitlu 7

Mormon jistieden lil‑Lamaniti tal‑aħħar żminijiet biex jemmnu fi Kristu, jaċċettaw l‑evanġelju tiegħu, u jiksbu s‑salvazzjoni—Dawk kollha li jemmnu l‑Bibbja jemmnu wkoll il‑Ktieb ta’ Mormon. Madwar 385 W.K.

1 U issa, araw, jiena se ngħid xi ħaġa lill‑fdal ta’ dan il‑poplu li ħelisha mill‑mewt, jekk Alla jiżvelalhom kliemi, biex huma jkunu jafu dwar l‑għemejjel ta’ missirijiethom; iva, jiena se nkun qed nindirizza lilkom, intom il‑fdal tad‑dar ta’ Iżrael; u dan huwa l‑kliem li jiena se ngħid:

2 Intom tafu li intom mid‑dar ta’ Iżrael.

3 Intom tafu li jeħtieġ li tindmu, għax inkella ma tistgħux tiksbu s‑salvazzjoni.

4 Intom tafu li jeħtieġ li twarrbu l‑armi tagħkom tal‑gwerra, u ma tieħdux gost aktar bit‑tixrid tad‑demm, u jeħtieġ li ma terġgħux taqbduhom b’idejkom, sakemm Alla ma jordnalkomx tagħmlu dan.

5 Intom tafu li jeħtieġ li intom titgħallmu dwar missirijietkom, u tindmu minn dnubietkom u minn ħżunitkom, u temmnu f’Ġesù Kristu, li huwa l‑Iben ta’ Alla, li ġie maqtul mil‑Lhud, u bil‑qawwa tal‑Missier reġa’ qam, u b’hekk kiseb ir‑rebħa fuq il‑qabar; u n‑niggieża tal‑mewt sejra tinbela wkoll permezz tiegħu.

6 U huwa jġib fis‑seħħ il‑qawmien tal‑mejtin, li permezz tagħha l‑bniedem jiġi mqajjem sabiex jieqaf quddiem it‑tribunal tiegħu.

7 U huwa ġab fis‑seħħ il‑fidwa tad‑dinja, li permezz tagħha min f’jum il‑ħaqq jinstab bla ħtija quddiemu jitħalla jgħammar fil‑preżenza ta’ Alla fis‑saltna tiegħu, fejn hemm huwa jgħanni bla heda għanjiet ta’ tifħir lill‑Missier, u l‑Iben, u l‑Ispirtu s‑Santu, li huma Alla wieħed, flimkien mal‑korijiet tas‑sema, fi stat ta’ ferħ bla tmiem.

8 Għalhekk indmu, u tgħammdu f’isem Ġesù, u imxu skont l‑evanġelju ta’ Kristu, li se jiġi żvelat lilkom, mhux biss permezz ta’ din il‑kitba iżda wkoll permezz tal‑kitba li se tasal għand il‑Ġentili mil‑Lhud, liema kitba se tasal għandkom mill‑Ġentili.

9 Għax araw, din il‑kitba ġiet miktuba bil‑għan li intom taslu biex temmnu l‑kitba l‑oħra; u jekk intom temmnu l‑kitba l‑oħra intom temmnu din ukoll; u jekk intom temmnu din il‑kitba intom ikollkom għarfien ta’ missirijietkom, kif ukoll tal‑għemejjel tal‑għaġeb li ġew imwettqa fosthom permezz tal‑qawwa ta’ Alla.

10 U intom tkunu tafu wkoll li intom fdal ta’ nisel Ġakobb; għalhekk intom parti mill‑poplu tal‑ewwel patt; u jekk intom temmnu fi Kristu, u titgħammdu, l‑ewwel, permezz tal‑ilma, u wara, permezz tan‑nar u l‑Ispirtu s‑Santu, u timxu wara l‑eżempju tas‑Salvatur tagħna, skont kif ordnalna nagħmlu hu, dan ikun ta’ siwi kbir għalikom f’jum il‑ħaqq. Ammen.