Kapitlu 4
Tkompli l‑gwerra u jkompli t‑tixrid tad‑demm—Il‑ħżiena jikkastigaw lill‑ħżiena—Il‑ħażen jinxtered aktar minn qatt qabel ma’ Iżrael kollu—In‑nisa u t‑tfal jiġu ssagrifikati lill‑allat foloz—Il‑Lamaniti jibdew jeqirdu lin‑Nefiti kollha li jsibu quddiemhom. Madwar 363–375 W.K.
1 U issa ġara li fis‑sena tliet mija u tlieta u sittin in‑Nefiti telqu mill‑art ta’ Ħerba u flimkien mal‑armati tagħhom telgħu biex jiġġieldu kontra l‑Lamaniti.
2 U ġara li l‑armati tan‑Nefiti ġew imġiegħla jirtiraw għal darb’oħra lejn l‑art ta’ Ħerba. U meta kienu għadhom maħkumin minn għeja kbira, ħabtu għalihom il‑Lamaniti, b’armata ta’ suldati mimlijin enerġija; u huma ġġieldu battalja mill‑aktar qalila, hekk li l‑Lamaniti spiċċaw ħadu f’idejhom il‑belt ta’ Ħerba, u qatlu bosta Nefiti, u qabdu ħafna minnhom bħala priġunieri.
3 U l‑bqija spiċċaw ħarbu u ngħaqdu man‑nies li kienu jgħammru fil‑belt ta’ Teankum. Issa l‑belt ta’ Teankum kienet tinsab fil‑fruntieri ma’ xatt il‑baħar; u kienet tinsab ukoll qrib il‑belt ta’ Ħerba.
4 U peress li marru jaħbtu għal‑Lamaniti, l‑armati tan‑Nefiti bdew jintlaqtu ħażin; għax kieku ma kienx għal dan, il‑Lamaniti ma kien ikollhom l‑ebda kontroll fuqhom.
5 Iżda araw, il‑ħżiena se jintlaqtu mill‑ħaqq ta’ Alla; u hu permezz tal‑ħżiena li l‑ħżiena jiġu kkastigati; għax huma l‑ħżiena li jipprovokaw qlub ulied il‑bnedmin u jwassluhom biex ixerrdu d‑demm.
6 U ġara li l‑Lamaniti bdew jitħejjew sabiex jiġu jaħbtu għall‑belt ta’ Teankum.
7 U ġara li fis‑sena tliet mija u erbgħa u sittin il‑Lamaniti ġew biex jaħbtu għall‑belt ta’ Teankum, ħalli jkunu jistgħu jieħdu f’idejhom ukoll il‑belt ta’ Teankum.
8 U ġara li huma ġew imġiegħla jerġgħu lura min‑Nefiti. U meta n‑Nefiti raw li kienu ġegħlu lil‑Lamaniti jmorru lura minn fejn ġew, huma bdew jiftaħru bihom infushom; u mingħajr ma talbu għall‑għajnuna divina, huma marru u ħadu f’idejhom mill‑ġdid il‑belt ta’ Ħerba.
9 U issa, dan kollu ġie fis‑seħħ, u kienu eluf li sfaw maqtula, sew minn naħa u sew minn oħra, sew Nefiti u sew Lamaniti.
10 U ġara li s‑sena tliet mija u sitta u sittin ġiet fi tmiemha, u l‑Lamaniti reġgħu ġew biex jiġġieldu kontra n‑Nefiti; madankollu n‑Nefiti baqgħu ma nidmux mill‑għemejjel ħżiena tagħhom, iżda komplew jippersistu kontinwament fi ħżunithom.
11 U mhuwiex possibbli li lsien jiddeskrivi, jew li bniedem jikteb deskrizzjoni perfetta tax‑xena mill‑aktar orribbli ta’ tixrid ta’ demm u qtil li kien hemm fost il‑poplu, kemm dak Nefita u kemm dak Lamanita; u kull qalb spiċċat twebbset, hekk li huma bdew jieħdu gost kontinwament bit‑tixrid tad‑demm.
12 U skont il‑kelma tal‑Mulej, qatt qabel ma deher daqstant ħażen fost l‑ulied kollha ta’ Leħi, kif ukoll fost id‑dar kollha ta’ Iżrael, daqs il‑ħażen li kien hemm fost dan il‑poplu.
13 U ġara li l‑Lamaniti spiċċaw ħadu f’idejhom il‑belt ta’ Ħerba, u huma għamlu dan peress li kienu aktar numerużi milli kienu n‑Nefiti.
14 U huma marru jaħbtu wkoll għall‑belt ta’ Teankum, u keċċew ’il barra minnha lil dawk kollha li kienu jgħammru fiha, u f’idejhom qabdu bħala priġunieri kemm nisa kif ukoll tfal, u offrewhom bħala sagrifiċċji lill‑allat foloz tagħhom.
15 U ġara li fis‑sena tliet mija u sebgħa u sittin, in‑Nefiti, li kienu nkorlati waħda sew peress li l‑Lamaniti kienu ssagrifikaw lin‑nisa u t‑tfal tagħhom, marru b’saħna kbira fuqhom jeħduha kontra l‑Lamaniti, hekk li huma spiċċaw għelbu lil‑Lamaniti għal darb’oħra, u keċċewhom ’il barra minn artijiethom.
16 U l‑Lamaniti damu sas‑sena tliet mija u ħamsa u sebgħin biex reġgħu lura ħalli jeħduha kontra n‑Nefiti.
17 U f’din is‑sena huma niżlu biex jeħduha kontra n‑Nefiti bil‑forzi kollha tagħhom; u kemm kienu ma nafux, minħabba l‑għadd kbir tagħhom.
18 U minn dak inhar ’il quddiem in‑Nefiti qatt ma rnexxielhom jegħlbu aktar lil‑Lamaniti, iżda huma bdew jinqerdu bħan‑nida li tgħib meta tfeġġ ix‑xemx.
19 U ġara li l‑Lamaniti ġew biex jaħbtu għall‑belt ta’ Ħerba; u fl‑art ta’ Ħerba faqqgħet gwerra mill‑aktar qalila, li fiha spiċċaw għelbu lin‑Nefiti.
20 U huma ħarbu għal darb’oħra minn quddiemhom, u waslu fil‑belt ta’ Bogħaż; u hemm bdew jirreżistu lil‑Lamaniti bi qlubija liema bħalha, hekk li baqgħu ma ġewx megħluba mil‑Lamaniti sakemm dawn reġgħu ġew lura għat‑tieni darba.
21 U meta huma ġew lura għat‑tieni darba, in‑Nefiti kienu mġiegħla jaħarbu u ħafna sfaw maqtula f’massakru mill‑aktar kbir; u n‑nisa u t‑tfal tagħhom ġew għal darb’oħra ssagrifikati lill‑allat foloz.
22 U ġara li n‑Nefiti reġgħu ħarbu minn quddiemhom, u ħadu magħhom lil dawk kollha li kienu jgħammru kemm fl‑ibliet kif ukoll fl‑irħula.
23 U issa jiena, Mormon, għax qed nara li l‑Lamaniti se jispiċċaw jagħmlu ħerba sħiħa mill‑pajjiż, mort fuq l‑għolja ta’ Sim, u minn hemm ħadt għandi l‑annali kollha li kien ħeba Ammaron għall‑Mulej.