Kapitlu 3
Mormon ixandar l‑indiema lin‑Nefiti—Huma jiksbu rebħa kbira u jibdew jiftaħru bihom infushom—Mormon ma jaċċettax li jkun il‑mexxej tagħhom, u t‑talb li jitlob għalihom hu talb bla fidi—Il‑Ktieb ta’ Mormon jistieden lit‑tnax‑il tribù ta’ Iżrael biex jemmnu fl‑evanġelju. Madwar 360–362 W.K.
1 U ġara li għal għaxar snin sħaħ il‑Lamaniti ma reġgħux ġew biex jiġġieldu. U araw, jiena qabbadt lin‑nies tiegħi, in‑Nefiti, sabiex iħejju artijiethom u l‑armi tagħhom u jlestu ruħhom għall‑battalja.
2 U ġara li l‑Mulej qalli: Mur u ħabbar lil dan il‑poplu—Indmu, u ejjew għandi, u tgħammdu, u ibnu għal darb’oħra l‑knisja tiegħi, u intom teħilsuha mill‑qerda.
3 U jiena mort inħabbar lil dan il‑poplu, iżda kien kollu ta’ xejn; għax huma ma rrealizzawx li kien il‑Mulej li wera ħniena magħhom, u li tahom iċ‑ċans li jindmu. U araw, huma webbsu qalbhom kontra l‑Mulej Alla tagħhom.
4 U ġara li wara li għaddew għaxar snin, u b’hekk, b’kollox, kienu għaddew tliet mija u sittin sena mill‑miġja ta’ Kristu, is‑sultan tal‑Lamaniti bagħatli ittra, biex jinfurmani li huma kienu qed iħejju biex jerġgħu jiġu għal battalja kontrina.
5 U ġara li jiena ordnajt lin‑nies tiegħi sabiex jinġabru flimkien fl‑art ta’ Ħerba, ġo belt li kienet tinsab mal‑fruntiera, qrib il‑passaġġ dejjaq li jwassal sal‑art tan‑nofsinhar.
6 U poġġejna hemm l‑armati tagħna, ħalli nkunu nistgħu nwaqqfu l‑armati Lamaniti, ma jmorrux jieħdu f’idejhom xi art minn tagħna; għalhekk aħna saħħaħna lilna nfusna bil‑forza kollha tagħna.
7 U ġara li fis‑sena tliet mija u wieħed u sittin, il‑Lamaniti niżlu fil‑belt ta’ Ħerba biex jiġġieldu kontrina; u ġara li f’dik is‑sena aħna spiċċajna biex għelibnihom, hekk li huma reġgħu lura għal darb’oħra lejn artijiethom.
8 U fis‑sena tliet mija u tnejn u sittin huma reġgħu ġew biex jiġġieldu. U aħna erġajna għelibnihom, u qtilna ħafna minnhom, u xħetna l‑mejtin tagħhom fil‑baħar.
9 U issa, minħabba dil‑ħaġa daqstant kbira li wettqu n‑nies tiegħi, in‑Nefiti, huma bdew jiftaħru bihom infushom, u bdew jaħilfu quddiem is‑smewwiet li huma kienu sejrin jivvendikaw irwieħhom għad‑demm ta’ ħuthom li sfaw maqtula mill‑għedewwa tagħhom.
10 U huma ħalfu quddiem is‑smewwiet, kif ukoll quddiem it‑tron ta’ Alla, li huma kienu se jmorru jaħbtu għall‑għedewwa tagħhom, u jeqirduhom minn fuq wiċċ l‑art.
11 U ġara li jiena, Mormon, minn dakinhar ’il quddiem, ma ridt bl‑ebda mod inkun il‑kmandant u l‑mexxej ta’ dan il‑poplu, minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tagħhom.
12 Araw, jiena lilhom mexxejt, minkejja ħżunithom, jien kemm‑il darba mexxejthom waqt il‑battalja, u lilhom jien ħabbejt b’qalbi kollha bl‑imħabba ta’ Alla li kienet tinsab fija, u jien ftaħt qalbi ma’ Alla tiegħi fit‑talb li tlabt għalihom il‑jum kollu; madankollu, talbi kien mingħajr fidi, minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom.
13 Tliet darbiet jiena ħlisthom minn idejn l‑għedewwa tagħhom, u huma xorta waħda baqgħu ma nidmux minn dnubiethom.
14 U meta huma spiċċaw jaħilfu b’dak kollu li l‑Mulej u s‑Salvatur tagħna Ġesù Kristu qalilhom biex ma jaħilfux bih, u kienu se jmorru għall‑battalja kontra l‑għedewwa tagħhom, u jivvendikaw irwieħhom minnhom għad‑demm ta’ ħuthom, araw jiena smajt leħen il‑Mulej jgħidli:
15 Il‑vendetta f’idejja, huwa jiena li npattiha; u għax dan il‑poplu baqa’ ma nidimx minkejja li lilhom jiena ħlist, araw, huma sejrin jinqerdu minn fuq wiċċ l‑art.
16 U ġara li jien bl‑ebda mod ma ridt immur neħodha mal‑għedewwa tiegħi; u jien għamilt sewwasew kif kien ordnali l‑Mulej; u issa qed nagħmilha biss ta’ xhud biex nuri lid‑dinja dak kollu li jiena rajt u smajt, skont il‑manifestazzjonijiet tal‑Ispirtu li xehed miegħi dwar ħwejjeġ li għad iridu jseħħu.
17 Għalhekk jiena se nikteb lilkom il‑Ġentili, kif ukoll lilkom li ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael, meta jingħata bidu għall‑ħidma, biex intom tkunu tistgħu titħejjew biex terġgħu lura fl‑art ta’ wirtkom;
18 Iva, araw, jiena se nikteb lit‑truf kollha tal‑art; iva, se nikteb lilkom, it‑tnax‑il tribù ta’ Iżrael, li se jsir ħaqq minnkom skont għemilkom mit‑tnax li Ġesù għażel biex ikunu d‑dixxipli tiegħu fl‑art ta’ Ġerusalemm.
19 U se nikteb ukoll lill‑fdal ta’ dan il‑poplu, li se jsir ħaqq minnhom ukoll mit‑tnax li Ġesù għażel f’din l‑art; u se jsir ħaqq minnhom mit‑tnax l‑oħra li Ġesù għażel fl‑art ta’ Ġerusalemm.
20 U dan kien li żvela miegħi l‑Ispirtu; għalhekk jiena se nikteb lilkom ilkoll. U hu għalhekk li jiena se niktbilkom, biex tkunu tafu li intom ilkoll jeħtieġ li tieqfu quddiem it‑tribunal ta’ Kristu, iva, sewwasew kull bniedem li jagħmel parti mill‑familja umana ta’ Adam; u jeħtieġ li intom tieqfu quddiemu biex isir ħaqq minnkom skont l‑għemejjel tagħkom, sew jekk huma tajbin u sew jekk huma ħżiena;
21 U sabiex intom temmnu wkoll fl‑evanġelju ta’ Ġesù Kristu, li se jiġi mxandar fostkom; u anke biex il‑Lhud, il‑poplu tal‑patt tal‑Mulej, ikun jista’ jkollhom xhieda oħra minbarra dak, l‑istess Ġesù, li lilu huma raw u semgħu, dak li lilu huma qatlu, dak li kien il‑veru Kristu u l‑veru Alla.
22 Kemm nixtieq li jiena nista’ nipperswadi lit‑truf kollha tal‑art biex jindmu u jlestu ruħhom ħalli jieqfu quddiem it‑tribunal ta’ Kristu.