Kapitlu 5
Mormon jerġa’ jieħu f’idejh it‑tmexxija tal‑armati Nefiti f’battalji li jwasslu għal ħafna tixrid ta’ demm u qtil—Il‑Ktieb ta’ Mormon se jinġieb għad‑dawl biex jikkonvinċi lill‑ulied kollha ta’ Iżrael li Ġesù hu l‑Kristu—Minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom, il‑Lamaniti jispiċċaw imxerrdin ma’ kullimkien, u l‑Ispirtu ma jibqax jgħammar aktar magħhom—Fl‑aħħar żminijiet huma jirċievu l‑evanġelju mingħand il‑Ġentili. Madwar 375–384 W.K.
1 U ġara li jiena mort fost in‑Nefiti, u mort lura minn kelmti meta kont ħlift li qatt ma kont se ngħinhom aktar; u huma reġgħu poġġewni fit‑tmexxija tal‑armati tagħhom, għax kienu jħarsu lejja bħala xi ħadd li seta’ jeħlishom minn hemmhom.
2 Iżda araw, jien ma kelli l‑ebda tama, għax kont naf li l‑Mulej kien se jagħmel ħaqq minnhom; għax huma ma kinux nidmu minn ħżunithom, iżda baqgħu jitqabdu għal ħajjithom bla ma jduru lejn dak l‑Esseru li ħalaqhom.
3 U ġara li l‑Lamaniti ġew biex jaħbtu għalina hekk kif konna qed naħarbu lejn il‑belt tal‑Ġordan; iżda araw, huma ġew imġiegħla jerġgħu lura hekk li dik id‑darba ma rnexxielhomx jieħdu l‑belt f’idejhom.
4 U ġara li huma reġgħu ġew biex jaħbtu għalina, u aħna bqajna nżommu l‑belt taħt idejna. U kien hemm ukoll bliet oħra li n‑Nefiti bqajna nżommu taħt idejna, li l‑fortizzi tagħhom żammewhom milli jinfiltraw fir‑reġjun ta’ madwarna, u jeqirdu lil kull min jgħammar f’artna.
5 Iżda ġara li l‑inħawi kollha li aħna għaddejna minnhom, fejn in‑nies li kienu jgħammru fihom baqgħu ma marrux jinġabrux mal‑oħrajn, spiċċaw inqerdu mil‑Lamaniti, u l‑ibliet, u l‑irħula tagħhom spiċċaw inħarqu bin‑nar; u b’hekk għaddew tliet mija u disgħa u sebgħin sena.
6 U ġara li fis‑sena tliet mija u tmenin il‑Lamaniti ġew biex jiġġieldu kontrina, u aħna waqafnielhom b’qawwa; iżda kien kollu ta’ xejn, għax huma tant kienu numerużi, li spiċċaw biex għaffġu lin‑nies Nefiti taħt saqajhom.
7 U ġara li aħna erġajna ħrabna minn fejn konna, u dawk fostna li bdew jiġru aktar mil‑Lamaniti spiċċaw ħelsuha, iżda dawk li ma bdewx jiġru aktar mil‑Lamaniti spiċċaw miknusa u meqruda.
8 U issa araw jiena, Mormon, ma nixtieqx nitturmenta ruħ il‑bnedmin billi noqgħod niddeskrivilhom xena orribbli ta’ qtil u tixrid id‑demm bħal dik li jiena rajt quddiem għajnejja; iżda jien, għax naf mingħajr l‑iċken dubju li dan kollu għad isir magħruf, u li dak kollu li hu moħbi għad jiġi żvelat minn fuq il‑bjut—
9 U għax naf ukoll li l‑għarfien ta’ dan kollu għad jasal għand il‑fdal ta’ dan il‑poplu, kif ukoll għand il‑Ġentili, li kif qal il‑Mulej sejrin ixerrdu lil dan il‑poplu, u li se jqisu lil dan il‑poplu bħallikieku mhu xejn—għalhekk jiena se nikteb daqsxejn ta’ sommarju żgħir, għax ma nazzardax nikteb rakkont sħiħ ta’ dak kollu li jiena rajt, minħabba l‑kmandament li jiena rċevejt, kif ukoll biex intom ma tmorrux tinħakmu minn daqstant niket minħabba ħżunit dan il‑poplu.
10 U issa araw, dan hu dak li jiena se ngħid lil nisilhom, kif ukoll lill‑Ġentili li jimpurtahom mid‑dar ta’ Iżrael, li jirrealizzaw u jagħrfu minn fejn ġejjin barkiethom.
11 Għax jiena naf li dawn in‑nies jitnikktu bil‑kbir minħabba d‑diżastri li jolqtu lid‑dar ta’ Iżrael; iva, huma jitnikktu tassew minħabba l‑qerda ta’ dan il‑poplu; huma jitnikktu tassew li dawn in‑nies baqgħu ma nidmux, huma li setgħu ġew milqugħin f’dirgħajn Ġesù.
12 Issa dawn il‑ħwejjeġ inkitbu għall‑fdal tad‑dar ta’ Ġakobb u nkitbu b’dan il‑mod, għaliex ġie mgħarraf lili minn Alla li minħabba ħżunithom huma mhumiex se jirċevuhom; u jeħtieġ li huma jinħbew għall‑Mulej ħalli jkunu jistgħu jinġiebu għad‑dawl fiż‑żmien dovut tiegħu.
13 U dan huwa l‑kmandament li jiena rċevejt; u araw, huma sejrin jinġiebu għad‑dawl skont il‑kmandament tal‑Mulej meta, fl‑għerf tiegħu, huwa jħoss li jkun wasal iż‑żmien.
14 U araw, huma se jaslu għand il‑Lhud li ma jemmnux; u huma se jaslu għandhom għal dan il‑għan—ħalli huma jipperswadu ruħhom li Ġesù hu l‑Kristu, Bin Alla l‑ħaj; li l‑Missier se jġib fis‑seħħ, permezz tal‑akbar Għażiż tiegħu, l‑għan kbir u għal dejjem tiegħu, li huwa se jirrestawra lil‑Lhud, jew lid‑dar kollha ta’ Iżrael, fl‑art ta’ wirthom, li ġiet mogħtija lilhom mill‑Mulej Alla tagħhom biex jiġi fis‑seħħ il‑patt li huwa għamel;
15 Kif ukoll biex nisel dan il‑poplu jkun jista’ jemmen b’mod aktar sħiħ l‑evanġelju tiegħu, li se jitwassal lilhom mill‑Ġentili; għax dan il‑poplu sejjer jinxtered, u se jsir poplu ismar, maħmuġ u disgustanti, ferm aktar minn kull poplu ieħor li qatt għammar fostna, iva, u li qatt għammar fost il‑Lamaniti, u dan minħabba n‑nuqqas ta’ fidi u minħabba l‑idolatrija tagħhom.
16 Għax araw, l‑Ispirtu tal‑Mulej diġà waqaf jgħammar ma’ missirijiethom; u huma jinsabu fid‑dinja mingħajr Kristu u mingħajr Alla; u huma ġew imġiegħla jaħarbu bħal karfa mar‑riħ.
17 Huma darba kienu poplu mill‑aktar dħuli, u kellhom lil Kristu bħala r‑ragħaj tagħhom; iva, huma kienu mmexxijin sewwasew minn Alla l‑Missier.
18 Iżda issa, araw, huma jinsabu mmexxijin minn Satana, l‑istess kif karfa tiġi mmexxija permezz tar‑riħ, jew kif dgħajsa tixxengel ’l hemm u ’l hawn fuq mewġ il‑baħar, mingħajr qlugħ jew ankra, bla ma ħadd jidderieġiha; u huma l‑istess, bħalha.
19 U araw, il‑Mulej żamm għandu barkiethom, li huma setgħu rċevew f’arthom, ħalli jagħtihom lill‑Ġentili li sejrin jirtu l‑art.
20 Iżda araw, għad jiġri li huma għad jiġu mġiegħla jaħarbu u jitferrxu mill‑Ġentili; u wara li jiġu mġiegħla jaħarbu u jitferrxu mill‑Ġentili, araw, imbagħad il‑Mulej sejjer jiftakar fil‑patt li hu għamel ma’ Abraham u mad‑dar kollha ta’ Iżrael.
21 U l‑Mulej se jiftakar ukoll fit‑talb tal‑ġusti, li wasallu f’isimhom.
22 Imbagħad, O Ġentili, intom kif tistgħu tibqgħu weqfin quddiem il‑qawwa ta’ Alla, jekk intom ma tindmux u ma terġgħux lura mill‑għemejjel ħżiena tagħkom?
23 Tafu li intom tinsabu f’idejn Alla? Tafu li huwa mogħni b’kull qawwa, u b’ordni waħda mingħandu l‑art bħal ktieb titkebbeb?
24 Għalhekk, indmu, u umiljaw ruħkom quddiemu, biex huwa ma jagħmilx ħaqq minnkom u jikkundannakom—ħalli l‑ebda fdal ta’ Ġakobb ma jiġi fostkom bħal iljun, u jqattagħkom biċċiet, u ħadd minnkom ma jeħlisha.