Skrittura
Mormon 8


Kapitlu 8

Il‑Lamaniti jmorru jfittxu lin‑Nefiti u jeqirduhom—Il‑Ktieb ta’ Mormon se jinġieb għad‑dawl bil‑qawwa ta’ Alla—Ħażin ikun għalihom dawk li jlissnu kliem ta’ rabja u jeħduha kontra l‑ħidma tal‑Mulej—Il‑kitba tan‑Nefiti sejra tinġieb għad‑dawl fi żmien ta’ ħażen, deġenerazzjoni, u apostasija. Madwar 400–421 W.K.

1 Araw, jiena, Moroni, sejjer intemm ir‑rakkont ta’ missieri, Mormon. Araw, jien għandi biss ftit ħwejjeġ x’nikteb, li se niktibhom b’ordni ta’ missieri.

2 U issa ġara li wara l‑battalja kbira u tal‑għaġeb li seħħet f’Kumora, araw, il‑Lamaniti baqgħu jimxu wara n‑Nefiti, li kienu ħarbu lejn in‑naħa tan‑nofsinhar, sakemm qabduhom u qerduhom kollha.

3 U anke lil missieri qatlu, u jiena tħallejt sewwasew waħdi biex nikteb il‑ġrajja ta’ niket dwar il‑qerda ta’ niesi. Iżda araw, huma m’għadhomx aktar hawn, u jiena sejjer nobdi l‑kmandament ta’ missieri. U jekk huma humiex se joqtluni jew le, jien ma nafx.

4 Għalhekk jiena se nikteb u wara se naħbi l‑annali taħt l‑art; u fejn se mmur mhuwiex importanti.

5 Araw, missieri kiteb dan ir‑rakkont, u huwa kiteb x’inhu l‑għan tiegħu. U araw, jiena wkoll kont nikteb dan li kieku fuq il‑pjanċi kelli fejn nikteb, iżda m’għandix; u metall m’għandix, għax ninsab waħdi. Missieri safa maqtul waqt il‑battalja, flimkien ma’ qrabati kollha, u la għandi ħbieb u lanqas fejn immur; u kemm il‑Mulej se jippermettili li ngħix ma nafx.

6 Araw, għaddew erba’ mitt sena mill‑miġja ta’ Sidna s‑Salvatur.

7 U araw, il‑Lamaniti baqgħu jsegwu lill‑poplu tiegħi, in‑Nefiti, minn belt għall‑oħra u minn post għall‑ieħor, u bdew joqtluhom sakemm spiċċaw qatlu lil kulħadd; u kbira kienet il‑waqgħa tagħhom; iva, kbira u tal‑għaġeb hija l‑qerda tal‑poplu tiegħi, in‑Nefiti.

8 Iżda araw, kienet id il‑Mulej li għamlet dan kollu. U araw ukoll, il‑Lamaniti jinsabu fi gwerra bejniethom; u wiċċ din l‑art jinsab maħkum kollu minn ċiklu kontinwu ta’ qtil u tixrid ta’ demm; u ħadd ma jaf meta se tiġi fi tmiemha l‑gwerra.

9 U issa, araw, jiena mhu se ngħid xejn aktar dwarhom, għax fuq wiċċ l‑art ħadd ma baqa’ ħlief il‑Lamaniti u l‑briganti.

10 U m’hawn ħadd li kapaċi jagħraf lill‑veru Alla għajr għad‑dixxipli ta’ Ġesù, li se jkomplu jgħammru fuq l‑art sakemm il‑ħażen tan‑nies ma jkunx kiber tant li l‑Mulej ma jħallihomx jgħammru aktar fost il‑poplu; u jekk huma humiex se jibqgħu jgħammru aktar fuq wiċċ l‑art ħadd ma jaf.

11 Iżda araw, jien u missieri rajniehom b’għajnejna, u lilna huma bdew jaqdu.

12 U kull min jaċċetta din il‑kitba, u ma joqgħodx jipprova jsib x’jikkritika fiha minħabba xi difetti li jista’ fiha, huwa jiġi mogħti għarfien ta’ ħwejjeġ akbar minn dawn. Araw, jiena Moroni; u li kieku kien possibbli, kont niżvelalkom kull ħaġa.

13 Araw, jiena mhux se nkompli nitkellem aktar dwar dan il‑poplu. Jiena bin Mormon, u missieri ġej min‑nisel ta’ Nefi.

14 U jiena l‑istess persuna li ħbejt din il‑kitba għall‑Mulej; il‑pjanċi tagħha m’għandhom l‑ebda valur, skont l‑ordni li tani l‑Mulej. Għax huwa tabilħaqq qal li ħadd m’għandu jeħodhom għandu biex jagħmel xi gwadann minnhom; iżda l‑kitba li fihom għandha valur kbir; u dak li jiżvelaha, lilu l‑Mulej ibierek.

15 Għax ħadd m’għandu l‑abbiltà li jiżvelaha sakemm din ma tingħatax lilu minn Alla; għax Alla jrid li dan isir b’ħarsitna ffukata biss fuq il‑glorja tiegħu, jew għall‑ġid tal‑poplu tal‑patt tal‑Mulej, il‑poplu tal‑qedem li ilu żmien twil imxerred.

16 U hieni jkun dak li jiżvela din il‑ħaġa; għax hija sejra tgħaddi mid‑dlam għad‑dawl, skont il‑kelma ta’ Alla; iva, hija sejra tinħareġ minn ġewwa l‑art, u sejra tiddi minn ġod‑dlam, u se tiġi żvelata lin‑nies; u dan se jseħħ permezz tal‑qawwa ta’ Alla.

17 U jekk fiha xi żbalji dawn huma żbalji ta’ bniedem. Iżda araw, aħna ma nafu bl‑ebda żbalji; madankollu Alla konxju ta’ kollox; għalhekk, dak li joqgħod jara x’se jikkritika fiha, ikun tajjeb li joqgħod attent ħalli ma jispiċċax fil‑periklu tan‑nar tal‑infern.

18 U dak li jgħidilkom: Jew turihomli, jew tispiċċa tintlaqat ħażin—agħrfuh li hu ma jistax jordnalkom xi ħaġa li hija pprojbita mill‑Mulej.

19 Għax araw, min jiġġudika bil‑għaġla, bil‑għaġla għad jiġi ġġudikat; għax skont għemilu jkun il‑ħlas tiegħu; għalhekk dak li jsawwat lil ħuh għad jiġi msawwat ukoll mill‑Mulej.

20 Araw x’tgħid l‑iskrittura—l‑ebda bniedem m’għandu jsawwat lil ħuh jew jiġġudikah; għax f’idejja l‑ġudizzju, jgħid il‑Mulej, u f’idejja wkoll il‑vendetta, u huwa jiena li npattiha.

21 U dak li jlissen kliem ta’ rabja u jeħodha kontra l‑ħidma tal‑Mulej, u kontra l‑poplu tal‑patt tal‑Mulej li huwa mid‑dar ta’ Iżrael, u jgħid: Aħna se neqirdu l‑ħidma tal‑Mulej, u l‑Mulej mhuwiex se jiftakar fil‑patt li huwa għamel mad‑dar ta’ Iżrael—huwa jispiċċa fil‑periklu li jitqaċċat u jinxteħet fin‑nar;

22 Għax il‑Mulej se jibqa’ għaddej bl‑għanijiet eterni tiegħu sakemm il‑wegħdiet kollha tiegħu jiġu fis‑seħħ.

23 Iflu sew il‑profeziji ta’ Isaija. Araw, jiena ma nistax niktibhom. Iva, araw jien ngħidilkom, li dawk il‑qaddisin li ħallew din id‑dinja qabli, li kienu jgħammru f’din l‑art, għad jgħajtu sewwasew minn ġot‑trab u jitolbu lill‑Mulej; u daqs kemm hu ħaj il‑Mulej huwa sejjer jiftakar fil‑patt li huwa għamel magħhom.

24 U huwa konxju mit‑talb li huma talbu f’isem ħuthom. U huwa konxju mill‑fidi tagħhom, għax f’ismu huma jistgħu jċaqalqu l‑muntanji; u f’ismu huma jistgħu jwasslu biex l‑art titheżżeż; u bil‑qawwa ta’ kelmtu huma jwasslu biex il‑ħitan tal‑ħabs jikkrollaw; iva, in‑nar tal‑forn xejn ma jagħmlilhom, kif ma jagħmlulhom xejn il‑bhejjem selvaġġi jew is‑sriep velenużi, u dan minħabba l‑qawwa ta’ kelmtu.

25 Għax araw, huma talbu wkoll f’isem dak li l‑Mulej se jwasslu biex jiżvela dawn il‑ħwejjeġ.

26 U ħadd m’għandu jgħid li dawn il‑ħwejjeġ qatt mhu se jseħħu, għax m’hemm l‑ebda dubju li se jseħħu, għax il‑Mulej qal dan; għax minn ġo l‑art sejrin joħorġu, permezz ta’ id il‑Mulej, u ħadd ma jista’ jżomm dan milli jiġri; u dan se jseħħ fi żmien meta se jingħad li żmien il‑mirakli għadda; u dan se jseħħ bħallikieku xi ħadd qed jitkellem mill‑imwiet.

27 U dan se jseħħ fi żmien meta demm il‑qaddisin se jgħajjat lill‑Mulej minħabba l‑alleanzi sigrieti u l‑għemejjel tad‑dlam.

28 Iva, dan se jseħħ fi żmien meta n‑nies se jiċħdu l‑qawwa ta’ Alla, u meta l‑knejjes se jitniġġsu u se jkunu minfuħin fil‑kburija ta’ qalbhom; iva, sewwasew dan se jkun żmien meta l‑mexxejja tal‑knejjes u l‑għalliema se jikbru fil‑kburija ta’ qalbhom, tant li huma jibdew jgħiru għal dawk li jagħmlu parti mill‑istess knejjes tagħhom.

29 Iva, dan se jseħħ fi żmien li fih tinstama’ l‑għajta tan‑nirien, u t‑tempesti, u ta’ dħaħen kbar f’artijiet barranin;

30 U se tinstama’ wkoll l‑għajta tal‑gwerer, tax‑xnigħat ta’ gwerer, u tat‑theżżiż f’diversi nħawi.

31 Iva, dan se jseħħ fi żmien meta se jkun hawn tniġġis kbir fuq wiċċ l‑art; żmien li se jkun hawn qtil u serq, u gideb, u qerq, u żína, u kull xorta ta’ abominazzjonijiet; fi żmien meta se jkun hawn ħafna li jgħidu, Agħmel din, jew agħmel dan, u xejn ma jimporta, għax il‑Mulej se jsostnikom fl‑aħħar jum. Iżda dawn ħażin ikun għalihom, għax qalbhom hi mimlija mrar, u l‑ħażen jassarhom.

32 Iva, dan se jseħħ fi żmien meta se jinbnew knejjes li se jgħidu: Ejjew għandi, u bi fluskom dnubietkom ikunu maħfura.

33 O poplu ħażin, pervers u ta’ ras iebsa, għalfejn bnejtu knejjes għall‑profitt tagħkom sabiex takkwistaw? Għalfejn bdiltu l‑kelma mqaddsa ta’ Alla, u minħabba f’hekk qed tistiednu li ġġibu saħta fuq ruħkom? Araw, ħarsu lejn ir‑rivelazzjonijiet ta’ Alla; għax araw, għad jasal żmien meta dan kollu se jiġi fis‑seħħ.

34 Araw, il‑Mulej urieni ħwejjeġ mill‑aktar kbar u tal‑għaġeb li jikkonċernaw dak li dalwaqt se jiġi fis‑seħħ, f’dak iż‑żmien li fih dawn il‑ħwejjeġ sejrin iseħħu fostkom.

35 Araw, jiena qed inkellimkom bħallikieku tinsabu hawn, meta mhux il‑każ. Iżda araw, Ġesù Kristu ppermetta li jien narakom, u jien konxju ta’ kulma tagħmlu.

36 U jiena naf li intom timxu bil‑kburija f’qalbkom; u huma biss il‑ftit fostkom li mhumiex minfuħin fil‑kburija ta’ qalbhom, liema kburija twassalhom biex jilbsu lbies mill‑ifjen, u ġġib magħha l‑għira, il‑ġlied, u l‑malizzja, u l‑persekuzzjoni, u kull xorta ta’ ħażen; u l‑knejjes tagħkom, iva, sewwasew kull waħda minnhom, hija mniġġsa minħabba l‑kburija ta’ qalbkom.

37 Għax araw, l‑imħabba tagħkom lejn il‑flus, u lejn ġidkom, u lejn l‑ilbies fin tagħkom, u lejn it‑tiżjin tal‑knejjes tagħkom hija akbar mill‑imħabba tagħkom lejn il‑foqra u dawk fil‑bżonn, u lejn il‑morda u l‑magħkusa.

38 O nies imniġġsa u ta’ wiċċ b’ieħor, u intom l‑għalliema li tbigħu lilkom infuskom għal dak li jispiċċa jikkunsmakom, għalfejn ikkontaminajtu l‑knisja mqaddsa ta’ Alla? Għalfejn tistħu tieħdu fuqkom isem Kristu? Għalfejn ma tikkunsidrawx kemm l‑hena li ma tintemmx hi ta’ valur akbar mill‑miżerja li ma tispiċċa qatt—u dan kollu minħabba t‑tifħir tad‑dinja?

39 Għalfejn toqogħdu tiżżejnu b’dak li hu bla ħajja, waqt li tħallu lill‑imġewħin, u lil dawk li huma fil‑bżonn, u lill‑għerja, u lill‑morda u l‑magħkusa jgħaddu minn ħdejkom, u lanqas biss tagħtu kashom?

40 Iva, għalfejn tinvolvu rwieħkom f’għemejjel mistkerrha u sigrieti biex takkwistaw, u twasslu lir‑romol biex imorru jixhru quddiem il‑Mulej, u lill‑għorfni twassluhom ukoll biex imorru jixhru quddiem il‑Mulej, u twasslu wkoll biex demm missirijiethom u żwieġhom isejjaħ minn ġo l‑art lill‑Mulej biex huwa jitħallas minnkom?

41 Araw, ix‑xabla tal‑vendetta tinsab imdendla fuqkom; u ż‑żmien ma jdumx ma jasal meta huwa jara li intom se jkollkom tħallsu għad‑demm tal‑qaddisin, għax huwa ma jiflaħx jarahom jibku aktar.