Fuljetti għat-Tagħlim
Kif Nista’ Nżomm il-Liġi tal-Kastità?


Kif Nista’ Nżomm il-Liġi tal-Kastità?

tennis players

Alla jeħtieġ minn uliedu li jkollhom standard morali għoli. Biex iżżomm il-liġi tal-kastità, inti għandek tbiddel il-ħsibijiet, il-kliem u l-għemejjel mhux xierqa b’ oħrajn edifikanti. Il-prinċipji li ġejjin jgħinuk:

Ħsibijiet. Ħsibijiet pożittivi u kostruttivi jkeċċu kull ħsieb negattiv u immorali minn ħajtek. Hekk kif timla ħajtek bi ħsibijiet u attivitajiet edifikanti, inti tikber fil-kapaċità tiegħek li tibdel u tegħleb ħsibijiet negattivi b’ dawk pożittivi. Meta inti taqra l-iskrittura, isservi l-familja tiegħek, taħdem b’ diliġenza u tieħu sehem f’ attivitajiet rikreattivi li jedifikawk, inti tkun qed tgħin biex tikkontrolla ħsibijietek.

Evita kull forma ta’ pornografija. Hija ħaġa vizzjuża u qerrieda. Tisirqek mir-rispett lejk innifsek u mill-apprezzament tiegħek lejn dak li hu sabiħ fil-ħajja. Tħallix li f’ moħħok jgħammru ħsibijiet oxxeni jew immorali. Tara, taqra u tisma’ xejn li juri jew jiddeskrivi l-ġisem uman jew il-kondotta sesswali b’ mod dispreġjattiv. Evita li tħares lejn xi ħadd bi ħsibijiet impuri, u evita films, programmi televiżivi, siti fuq l-internet, mużika, kotba, rivisti u attivitajiet li huma indeċenti jew espliċiti.

Kliem. Ara li kliemek jedifika u jsaħħaħ lil ħaddieħor. Elimina mill-konverżazzjonijiet tiegħek kliem, ċajt u temi degradanti, vulgari u sesswalment espliċiti.

Għemejjel. Dejjem uri rispett lejn ħaddieħor. Ilbes b’ mod modest. Jekk iżżomm f’ moħħok li kull persuna huwa iben jew bint Alla, u jekk tagħmel dak kollu li tista’ biex tgħin lil ħaddieħor jimxi wara l-pjan Tiegħu, imbagħad tissaħħaħ fix-xewqa tiegħek li żżomm il-liġi tal-kastità.

couple in garden

Iddeċiedi minn issa li m’ inti sa tagħmel xejn barra miż-żwieġ li jista’ jeċita ġewwa fik dawk l-emozzjonijiet qawwija li għandek tesprimihom biss fiż-żwieġ. Tqajjimx dawn l-emozzjonijiet f’ xi persuna oħra jew inkella fik innifsek. Tiħux sehem f’ atti omosesswali jew lesbjani jew f’ xi attivitajiet immorali oħra. Ara li post l-attivitajiet li fihom tista’ tiġi mħajjar li tikser il-liġi tal-kastità timlih b’ attivitajiet u passatempi kostruttivi. Fiż-żwieġ, ibqa’ assolutament fidil lejn il-mara jew ir-raġel tiegħek kemm fi ħsiebek kif ukoll f’ għemilek.

Peress li meta tgħix il-liġi tal-kastità inti tersaq aktar viċin Alla, Satana jħajrek sabiex tikser dan il-kmandament. Huwa jaf meta inti tħossok waħdek, konfuż jew imdejjaq, u huwa jipprova jwaqqgħek fit-tentazzjoni meta inti tkun l-aktar dgħajjef. Itlob lil Missierek tas-Smewwiet għall-għajnuna, u Huwa jagħtik is-saħħa sabiex tirreżisti t-tentazzjoni (ara 1 Korintin 10:13). Hekk kif inti tafda fih u timxi wara dawn il-prinċipji, inti tkun kapaċi tegħleb it-tentazzjoni.