Skrittura
3 Nefi 10


Kapitlu 10

Jaqa’ s‑skiet fil‑pajjiż għal bosta sigħat—Jinstama’ leħen Kristu jwiegħed li se jiġbor lin‑nies tiegħu flimkien kif qroqqa tiġbor il‑flieles tagħha—L‑aktar nies twajbin fost il‑poplu ġew imħarsa. Madwar 34–35 W.K.

1 U issa araw, ġara li n‑nies kollha tal‑pajjiż semgħu l‑kliem li ntqal, u taw xhieda tiegħu. U wara li ntqal dan il‑kliem waqa’ s‑skiet fil‑pajjiż għal bosta sigħat;

2 Għax in‑nies tant stagħġbu li ma komplewx jibku u jixhru aktar għat‑telfien ta’ qrabathom li sfaw maqtula; għalhekk waqa’ s‑skiet madwar il‑pajjiż kollu għal bosta sigħat.

3 U ġara li n‑nies reġgħu semgħu leħen, liema leħen kulħadd semgħu u ta xhieda tiegħu, jgħid:

4 O nies ta’ dawn l‑ibliet il‑kbar li waqgħu, intom li ġejjin min‑nisel ta’ Ġakobb, iva, li intom mid‑dar ta’ Iżrael, kemm‑il darba jiena ġbartkom flimkien kif qroqqa tiġbor il‑flieles taħt ġwinħajha, u jiena ħadt ħsiebkom.

5 U kemm‑il darba wkoll jiena ġbartkom flimkien kif qroqqa tiġbor il‑flieles taħt ġwinħajha, iva, O nies tad‑dar ta’ Iżrael, intom li waqajtu; iva, O nies tad‑dar ta’ Iżrael, intom li tgħammru f’Ġerusalemm, intom ukoll li waqajtu; iva, kemm il‑darba ridt niġborkom flimkien kif qroqqa tiġbor il‑flieles tagħha, u intom ma ridtux.

6 O wlied id‑dar ta’ Iżrael, li jien kelli ħniena minnkom, jien lest niġborkom flimkien kemm‑il darba kif qroqqa tiġbor il‑flieles tagħha taħt ġwinħajha, jekk intom tindmu u dduru lejja b’impenn sħiħ f’qalbkom.

7 Iżda jekk ma tagħmlux dan, O dar ta’ Iżrael, l‑inħawi li intom tgħammru fihom se jispiċċaw ħerba sa meta jiġi fis‑seħħ il‑patt li sar ma’ missirijietkom.

8 U issa ġara li wara li n‑nies semgħu dan il‑kliem, araw, huma nfexxew jibku u jnewħu għal darb’oħra minħabba t‑telfien ta’ qrabathom u ħbiebhom.

9 U ġara li b’hekk għaddew it‑tlett ijiem. U sebħet l‑għodwa, u d‑dalma għebet minn fuq wiċċ l‑art, u l‑art ma komplietx titriegħed, u l‑blat ma kompliex jinqasam, u t‑tnehid tal‑biża’ waqaf, u waqaf ukoll it‑tgeġwiġ kollu.

10 U l‑art reġgħet ġiet ħaġa waħda, u baqgħet ferma; u l‑biki, u t‑tnehid u t‑tinwiħ ta’ dawk li baqgħu ħajjin waqaf; u l‑biki tagħhom inbidel f’ferħ, u t‑tnehid tagħhom inbidel f’tifħir u radd il‑ħajr lill‑Mulej Ġesù Kristu, il‑Feddej tagħhom.

11 U sa issa ġiet fis‑seħħ l‑iskrittura li ġiet imħabbra mill‑profeti.

12 U dawk li salvaw kienu l‑aktar nies twajbin minn fost il‑poplu, u kienu huma li laqgħu fosthom lill‑profeti u ma ħaġġruhomx; u dawk li ħelsuha kienu dawk li ma ċarċrux demm il‑qaddisin—

13 U huma ħelsuha u ma ġewx mirduma u midfuna fl‑art; u ma ġewx mgħarrqa f’qiegħ il‑baħar; u ma nħarqux bin‑nar, u lanqas ma ħaduha għal isfel u mietu mgħaffġin; u lilhom ma ġarrhomx ir‑riefnu; u huma lanqas ma nħakmu mill‑biża’ minħabba l‑fwar tad‑duħħan u d‑dalma.

14 U issa, ħa jifhem min jaqra; u min għandu l‑iskrittura ħa jifliha, u jara jekk dawn l‑imwiet u din il‑qerda permezz tan‑nar u d‑duħħan, u permezz tat‑tempesti u l‑irwiefen, u permezz ta’ qsim l‑art biex fiha tilqagħhom, u dan kollu, jara jekk dan seħħx biex jiġu fis‑seħħ il‑profeziji ta’ bosta profeti qaddisa.

15 Araw, jiena ngħidilkom, Iva, mal‑miġja ta’ Kristu ħafna kienu li taw xhieda ta’ dawn il‑ħwejjeġ, u huma sfaw maqtula għaliex taw xhieda ta’ dawn il‑ħwejjeġ.

16 Iva, il‑profeta Żenos ta xhieda ta’ dawn il‑ħwejjeġ, u anke Żenok tkellem dwarhom, għax huma kienu jixhdu dwarna b’mod partikolari, aħna li aħna fdal ta’ nisilhom.

17 Araw, missierna Ġakobb ukoll xehed dwar fdal ta’ nisel Ġużeppi. U araw, m’aħniex aħna fdal ta’ nisel Ġużeppi? U dawn il‑ħwejjeġ, li jixhdu għalina, mhumiex huma miktubin fuq il‑pjanċi tar‑ram li missierna Leħi ġab miegħu minn Ġerusalemm?

18 U ġara li fl‑aħħar jiem tas‑sena erbgħa u tletin, araw, jiena se nurikom li n‑nies ta’ Nefi li spiċċaw ħelsuha, u dawk li kienu jissejħu Lamaniti, li ħelsuha, raw b’għajnejhom għemejjel ta’ tjubija kbira, u barkiet kbar ġew imsawba fuqhom, hekk li ftit wara t‑tlugħ is‑sema ta’ Kristu huwa tabilħaqq wera lilu nnifsu lilhom—

19 U lilhom huwa wera l‑ġisem tiegħu, u lilhom huwa għallem; u rakkont tal‑ministeru tiegħu se jingħata aktar ’il quddiem. Għalissa, għalhekk, jien se ntemm kitbieti.