Skrittura
3 Nefi 3


Kapitlu 3

Giddjani, il‑mexxej Gadjantun, jordna lil Lakonew u lin‑Nefiti sabiex iċedu u jċedu wkoll artijiethom—Lakonew jaħtar lil Gidgiddoni bħala l‑kap kmandant tal‑armati—In‑Nefiti jinġabru f’Żaraħemla u f’Kotran biex jiddefendu lilhom infushom. Madwar 16–18 W.K.

1 U issa ġara li fis‑sena sittax mill‑miġja ta’ Kristu ’l hawn, Lakonew, il‑gvernatur tal‑pajjiż, irċieva ittra mingħand il‑mexxej u l‑gvernatur ta’ din it‑tajfa ta’ briganti; u dan kien il‑kliem li huwa kiteb, fejn qal:

2 Lakonew, kap gvernatur mill‑aktar nobbli tal‑pajjiż, ara, jien qed niktiblek din l‑ittra, biex inwassallek kliem ta’ tifħir minħabba l‑fermezza tiegħek u tal‑poplu tiegħek, li intom taffermaw dak li intom tqisuh bħala d‑dritt u l‑libertà tagħkom; iva, intom bqajtu sodi, bħallikieku kontu qed tiġu sostnuti minn Alla, biex tiddefendu l‑libertà u l‑propjetà tagħkom, kif ukoll lil pajjiżkom, jew aħjar lil dak li tqisuh bħala pajjiżkom.

3 U jiena nħoss li tkun ħasra, Lakonew, O bniedem mill‑aktar nobbli, jekk intom tkunu daqstant boloh u fiergħa li taħsbu li tistgħu teħduha ma’ daqstant nies qalbiena li jinsabu taħt il‑kmand tiegħi, liema nies bħalissa jinsabu lesti għall‑ġlied, u qed jistennew b’ħerqa kbira li ngħidilhom—Morru aħbtu għan‑Nefiti u eqirduhom.

4 U jiena, li naf xi spirtu invinċibbli għandhom, għax lilhom jiena ppruvajt fil‑kamp tal‑battalja, u li naf x’mibegħda eterna għandhom lejkom minħabba l‑mod mill‑aktar ħażin kif imxejtu magħhom, għalhekk jekk jiġu biex jaħbtu għalikom huma jispiċċaw jeqirdukom għal kollox.

5 Għalhekk jiena ktibt din l‑ittra, u ssiġillajtha b’idi stess, għax jien tassew nixtiqilkom il‑ġid, minħabba li intom daqstant sodi f’dak li temmnu fih, li huwa ġust, u minħabba l‑ispirtu nobbli tagħkom fil‑kamp tal‑battalja.

6 Għalhekk jien qed niktiblek, biex nurik bix‑xewqa li għandi li intom tgħaddu blietkom, artijietkom, u ġidkom f’idejn in‑nies tiegħi ħalli huma ma jiġux u jżurukom permezz tax‑xabla u intom tispiċċaw tinqerdu.

7 Jew fi kliem ieħor, jien qed nitlobkom iċċedu lilkom infuskom f’idejna, u tingħaqdu magħna u ssiru familjari mal‑għemejjel sigrieti tagħna, u ssiru ħutna ħalli tkunu tistgħu ssiru bħalna—mhux ilsiera tagħna, iżda ħutna u tkunu sħab magħna f’kulma għandna.

8 U ara, naħliflek b’ġurament, li jekk tagħmlu dan intom ma tinqerdux; iżda jekk ma tagħmlux dan, naħliflek b’ġurament, li x‑xahar id‑dieħel jiena nordna l‑armati tiegħi biex jaħbtu għalikom, u huma la se jibqgħu lura u lanqas mhuma se jħennu għalikom, iżda jispiċċaw joqtlukom, u jħallu x‑xabla tinżel fuqkom sakemm ma jibqa’ ħadd aktar minnkom.

9 U ara, jiena Giddjani; u jien il‑gvernatur ta’ din l‑għaqda sigrieta ta’ Gadjantun; liema għaqda u l‑għemejjel tagħha naf li huma tajbin; u ilhom minn żmien il‑qedem u issa għaddew f’idejna.

10 U jien lilek, Lakonew, qed niktiblek din l‑ittra, u nittama li intom tgħaddu f’idejna, mingħajr ebda tixrid ta’ demm, artijietkom u ġidkom, biex dawn in‑nies tiegħi jkunu jistgħu jieħu lura f’idejhom id‑drittijiet u l‑gvern tagħhom, liema nies inqatgħu minn magħkom minħabba ħżunitkom meta ħadtulhom id‑drittijiet tagħhom li jiggvernaw, u jekk ma tagħmlux dan, se nara li intom tħallsu għall‑ħsara li saritilhom. Jiena Giddjani.

11 U issa ġara li meta Lakonew irċieva din l‑ittra huwa stagħġeb bil‑kbir, minħabba l‑mod skjett li bih Giddjani talab li huma jingħataw l‑art tan‑Nefiti, u kif hu hedded lin‑nies li huma jridu jħallsu għall‑ħsara li għamlu lil dawk li ma saritilhom l‑ebda ħsara, iżda pjuttost kienu huma stess li għamlu l‑ħsara lilhom infushom billi nqatgħu minn ma’ ħuthom u ngħaqdu ma’ dawk il‑briganti mill‑aktar ħżiena u abominabbli.

12 Issa araw, dan Lakonew, il‑gvernatur, kien bniedem ġust, li ma kienx se jiġi ntimidat mit‑talbiet u t‑theddid ta’ wieħed brigant; għalhekk huwa ma tax każ tal‑ittra ta’ Giddjani, il‑gvernatur tal‑briganti, iżda huwa ordna lin‑nies tiegħu sabiex jitolbu lill‑Mulej ħalli jqawwihom għal meta l‑briganti jiġu biex jaħbtu għalihom.

13 Iva, huwa ħareġ proklama fejn talab lin‑nies kollha biex jiġbru flimkien f’post wieħed lin‑nisa tagħhom u lil uliedhom, kif ukoll il‑merħliet u l‑baqar tagħhom, u ġidhom kollu minbarra arthom.

14 U huwa ordna biex jibnu madwarhom fortifikazzjonijiet, u li dawn għandhom ikunu mill‑aktar b’saħħithom. U huwa ordna biex l‑armati, kemm tan‑Nefiti kif ukoll tal‑Lamaniti, jew ta’ dawk kollha li kienu jingħaddu man‑Nefiti, jitpoġġew mal‑madwar biex jgħassuhom, u jipproteġuhom mill‑briganti lejl u nhar.

15 Iva, huwa qalilhom: Daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, jekk intom ma tindmux mill‑ħażen kollu tagħkom, u ma ssejħux lill‑Mulej, intom bl‑ebda mod ma teħilsuha minn idejn dawk il‑briganti Gadjantuni.

16 U l‑kliem u l‑profeziji ta’ Lakonew tant kienu meqjusa u tal‑għaġeb li wasslu lin‑nies kollha biex jinħakmu minn biża’; u bil‑qawwa kollha tagħhom huma bdew jagħmlu kif qalilhom Lakonew.

17 U ġara li Lakonew ħatar kap kmandanti fuq l‑armati tan‑Nefiti, biex lilhom huma jmexxu meta l‑briganti jinżlu mix‑xagħri u jaħbtu għalihom.

18 Issa ġara li ġie maħtur l‑ogħla wieħed fost il‑kap kmandanti kollha, li kien il‑kmandant il‑kbir tal‑armati kollha tan‑Nefiti, u ismu kien Gidgiddoni.

19 Issa kienet id‑drawwa fost in‑Nefiti kollha li huma jaħtru bħala kap kmandanti (għajr għal meta huma kienu fi żmien ta’ ħażen) lil xi ħadd li kellu l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni u tal‑profezija; għalhekk, dan Gidgiddoni kien profeta kbir fosthom, u kien ukoll il‑prim imħallef.

20 Issa n‑nies qalu lil Gidgiddoni: Itlob lill‑Mulej, biex iħallina mmorru fuq il‑muntanji u ġewwa x‑xagħri, ħalli nkunu nistgħu naħbtu għall‑briganti u neqirduhom f’artijiethom stess.

21 Iżda Gidgiddoni qalilhom: Il‑Mulej dan ma jridux; għax jekk aħna mmorru biex naħbtu għalihom il‑Mulej jispiċċa jagħtina f’idejhom; għalhekk jeħtieġ li aħna nħejju ruħna fil‑qalba ta’ artijietna, u jeħtieġ li niġbru flimkien l‑armati kollha tagħna, u ma mmorrux naħbtu għalihom, iżda għandna nibqgħu nistennew sakemm ikunu huma li jiġu jaħbtu għalina; għalhekk, daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, jekk aħna nagħmlu dan huwa jagħtihom f’idejna.

22 U ġara li fis‑sena sbatax, fl‑aħħar jiem tas‑sena, Lakonew ħareġ proklama madwar il‑pajjiż kollu, u huma ħadu ż‑żwiemel tagħhom, u l‑karrijiet tagħhom, u l‑baqar tagħhom, u l‑merħliet tagħhom, u l‑bhejjem tagħhom, u l‑qamħ tagħhom, u kulma kellhom, u telqu jimxu minn hemm bl‑eluf u bl‑għexieren ta’ eluf tagħhom, sakemm waslu lkoll fil‑post magħżul biex fih jinġabru lkoll flimkien, biex jiddefendu lilhom infushom kontra l‑għedewwa tagħhom.

23 U din l‑art magħżula kienet l‑art ta’ Żaraħemla, u l‑art li kienet tinsab bejn l‑art ta’ Żaraħemla u l‑art ta’ Kotran, iva, mal‑fruntiera li kien hemm bejn l‑art ta’ Kotran u l‑art ta’ Ħerba.

24 U kienu eluf kbar in‑nies, li kienu jissejħu Nefiti, li nġabru flimkien f’dina l‑art. Issa Lakonew ordna biex huma jinġabru flimkien fl‑art tan‑nofsinhar, minħabba s‑saħta kbira li kienet waqgħet fuq l‑art tat‑tramuntana.

25 U huma ffortifikaw irwieħhom kontra l‑għedewwa tagħhom; u bdew jgħammru lkoll f’art waħda, fi grupp wieħed, u huma nħakmu lkoll minn biża’ minħabba dak li kien qalilhom Lakonew, hekk li huma nidmu minn dnubiethom kollha; u bdew joffru talbhom lill‑Mulej Alla tagħhom, biex hu jeħlishom meta l‑għedewwa tagħhom jinżlu biex jiġġieldu kontrihom.

26 U huma kienu mnikktin bil‑kbir minħabba l‑għedewwa tagħhom. U Gidgiddoni ordnalhom jagħmlu armi tal‑gwerra ta’ kull għamla, u ordnalhom sabiex jarmaw irwieħhom sewwa permezz tal‑armaturi, u tat‑tarki, kemm kbar kif ukoll żgħar, skont kif jgħidilhom hu.