Skrittura
3 Nefi 4


Kapitlu 4

L‑armati Nefiti jegħlbu lill‑briganti Gadjantuni—Giddjani jinqatel, u s‑suċċessur tiegħu, Żemnarija, jiġi mgħallaq—In‑Nefiti jroddu ħajr lill‑Mulej għar‑rebħiet tagħhom. Madwar 19–22 W.K.

1 U ġara li fl‑aħħar jiem tas‑sena tmintax dawk l‑armati ta’ briganti lestew ruħhom għall‑battalja, u bdew neżlin minn ġol‑għoljiet, u minn ġol‑muntanji, u mix‑xagħri, u mill‑fortizzi tagħhom, u mill‑moħbiet tagħhom, u huma niżlu ħabta u sabta u bdew jieħdu f’idejhom l‑artijiet, kemm dawk li kienu fl‑art tan‑nofsinhar kif ukoll dawk li kienu fl‑art tat‑tramuntana, u bdew jieħdu f’idejhom l‑artijiet kollha li abbandunaw in‑Nefiti, u l‑ibliet li kienu spiċċaw bla nies.

2 Iżda araw, fl‑artijiet li kienu abbandunaw in‑Nefiti, la kien hemm bhejjem selvaġġi u lanqas annimali li n‑Nefiti setgħu jikkaċċjaw għajr għan‑naħa fejn kien hemm ix‑xagħri.

3 U minħabba n‑nuqqas ta’ ikel, il‑briganti setgħu jgħixu biss fin‑naħa tax‑xagħri; għax f’artijiethom in‑Nefiti ma kienu ħallew xejn, u huma kienu ġabru l‑merħliet u l‑baqar tagħhom kollha u ġidhom kollu, u bdew jgħammru lkoll fi grupp wieħed.

4 Għalhekk, il‑briganti ma kellhomx ċans jisirqu u jiksbu l‑ikel, ħlief jekk huma jitilgħu biex jiġġieldu kontra n‑Nefiti; u n‑Nefiti kienu jinsabu lkoll fi grupp wieħed, u l‑għadd tagħhom kien wieħed mill‑aktar kbir, u huma kienu ħażnu għalihom infushom għadd ta’ provvisti, kif ukoll għadd ta’ żwiemel u bhejjem, u merħliet ta’ kull għamla, ħalli jkunu jistgħu jkomplu jsostnu lilhom infushom għal perjodu ta’ seba’ snin, f’liema perjodu huma kienu qed jittamaw li jeqirdu lill‑briganti minn fuq wiċċ l‑art; u b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmintax.

5 U ġara li fis‑sena dsatax Giddjani sab li kien hemm bżonn li huwa jmur għall‑battalja kontra n‑Nefiti, għax ma kienx hemm mod ieħor kif huma setgħu jkomplu jsostnu lilhom infushom bla ma jissakkeġġjaw, jisirqu u joqtlu.

6 U huma m’azzardawx jinfirxu ma’ wiċċ l‑art biex ikunu jistgħu jkabbru l‑qamħ, ma jmorrux in‑Nefiti jaħbtu għalihom u joqtluhom; għalhekk Giddjani ordna lill‑armati tiegħu biex matul din is‑sena huma għandhom imorru jiġġieldu kontra n‑Nefiti.

7 U ġara li huma telgħu għall‑ġlied; u dan seħħ fis‑sitt xahar; u araw, kemm kien kbir u tal‑biża’ l‑jum li fih huma telgħu għall‑ġlied; u huma libsu kif jilbsu l‑briganti; u ma’ qaddhom libsu l‑ġild tal‑ħaruf, u bid‑demm kienu miżbugħin, u rashom kienet mqaxxra, u kienu lebsin elmu f’rashom; u kemm kienet sinifikanti u tal‑biża’ d‑dehra tal‑armati ta’ Giddjani, minħabba l‑armaturi li kienu lebsin u d‑demm li kienu miżbugħin bih.

8 U ġara li l‑armati tan‑Nefiti, meta raw id‑dehra tal‑armata ta’ Giddjani, inxteħtu mal‑art, u għollew ħarsithom lejn il‑Mulej Alla tagħhom, biex huwa jħenn għalihom u jeħlishom mill‑għedewwa tagħhom.

9 U ġara li meta l‑armati ta’ Giddjani raw dan, huma ferħu u bdew jgħajtu b’leħen għoli, għaliex bdew jassumu li n‑Nefiti kienu waqgħu mal‑art bil‑biża’ għax beżgħu mill‑armati tagħhom.

10 Iżda hawn huma ħarġu ddiżappuntati, għax in‑Nefiti mhux minnhom bdew jibżgħu; iżda huma bdew jibżgħu minn Alla tagħhom u talbuh sabiex jipproteġihom; għalhekk, meta l‑armati ta’ Giddjani taw salt għal fuqhom huma kienu lesti biex jaffrontawhom; iva, huma kienu lesti għalihom bil‑qawwa kollha tal‑Mulej.

11 U kien f’dan is‑sitt xahar li ngħata bidu għall‑battalja; u kbira u tal‑biża’ kienet il‑battalja li huma kellhom, iva, kbir u tal‑biża’ kien il‑massakru li seħħ fosthom, tant li qatt ma kien seħħ massakru akbar fost il‑poplu kollu ta’ Leħi sa minn meta huwa ħalla Ġerusalemm.

12 U minkejja t‑theddid ta’ Giddjani u l‑ġuramenti kollha li huwa ħa, araw, in‑Nefiti spiċċaw biex għelbuhom, hekk li huma bdew jirtiraw u jitilqu minn quddiemhom.

13 U ġara li Gidgiddoni ordna l‑armati tiegħu biex jibqgħu jimxu warajhom sewwasew sal‑fruntieri tax‑xagħri, u ordnalhom biex ma jħennu għall‑ebda wieħed li jispiċċa f’idejhom; u b’hekk huma komplew isegwuhom u joqtluhom sal‑fruntieri tax‑xagħri, sewwasew sakemm wettqu dak li kien ordnalhom Gidgiddoni.

14 U ġara li Giddjani, li kompla jirreżisti u jitqabad b’mod mill‑aktar qalbieni, baqa’ jiġi segwit hekk kif kien qed jipprova jaħrab; u peress li kien tant għajjien minħabba daqstant ġlied, spiċċaw biex qabduh u qatluh. U b’hekk ġiet fi tmiemha l‑ħajja ta’ Giddjani l‑brigant.

15 U ġara li l‑armati tan‑Nefiti reġgħu lura mill‑ġdid fil‑post ta’ difiża tagħhom. U ġara li din is‑sena, is‑sena dsatax, għaddiet, u l‑briganti ma reġgħux ġew lura għall‑ġlied; lanqas ma ġew lura fis‑sena għoxrin.

16 U fis‑sena wieħed u għoxrin huma baqgħu ma telgħux għall‑ġlied, iżda telgħu biex jassedjaw minn kull naħa lin‑nies ta’ Nefi; għax ħasbu li jekk huma jiżolaw lin‑nies ta’ Nefi minn artijiethom, u jaraw li ma jkunux jistgħu joħorġu mill‑ebda naħa, u jaraw li jneħħulhom kull privileġġ li joħorġu ’l barra minn fejn jinsabu, b’hekk iwassluhom biex jagħtu lilhom infushom f’idejhom, skont xewqathom.

17 Issa huma ħatru mexxej ieħor, li kien jismu Żemnarija; għalhekk kien dan Żemnarija li ordna li huma jagħmlu dan l‑assedju.

18 Iżda araw, dan kien ta’ vantaġġ għan‑Nefiti; għax kien impossibbli li l‑briganti setgħu jassedjaw għal ħin twil biżżejjed, b’mod li seta’ jħalli daqstant effett fuq in‑Nefiti, minħabba l‑provvista mill‑aktar kbira li huma kellhom maħżuna.

19 Kif ukoll minħabba n‑nuqqas ta’ provvisti li kien hemm fost il‑briganti; għax araw, huma ma kellhom xejn x’jieklu ħlief laħam, liema laħam kienu ġabuh mix‑xagħri;

20 U ġara li fix‑xagħri ftit li xejn kien għad baqa’ bhejjem selvaġġi hekk li l‑briganti kienu għoddhom se jmutu bil‑ġuħ.

21 U n‑Nefiti komplew mexjin bla heda, lejl u nhar, u bdew jaħbtu għall‑armati tagħhom, u spiċċaw biex qatlu eluf u għexieren ta’ eluf minnhom.

22 U b’hekk in‑nies ta Żemnarija wrew ix‑xewqa li ma jkomplux għaddejjin bil‑pjan tagħhom, minħabba l‑qerda tant kbira li bdew jesperjenzaw billejl u binhar.

23 U ġara li Żemnarija ordna lin‑nies tiegħu biex ma jkomplux għaddejjin bl‑assedju, u ordnalhom biex jerħulha lejn l‑aktar inħawi mbiegħda tal‑art tat‑tramuntana.

24 U issa, Gidgiddoni, li kien jaf il‑pjan tagħhom x’kien, u li kien jaf ukoll bid‑dgħufija tagħhom minħabba n‑nuqqas ta’ ikel, u x’massakru kbir kien seħħ fosthom, għalhekk mal‑lejl huwa bagħat l‑armati tiegħu, u neħħewlhom kull aċċess li kellhom minn fejn jaħarbu, u huwa poġġa l‑armati tiegħu fil‑post li minnu setgħu jaħarbu.

25 U huma għamlu dan matul il‑lejl, u mbagħad irħewlha għal wara l‑briganti, biex l‑għada, hekk kif il‑briganti bdew telqin minn hemm, huma sabu ma’ wiċċhom l‑armati tan‑Nefiti, kemm quddiemhom kif ukoll warajhom.

26 U l‑briganti li kienu jinsabu fin‑naħa tan‑nofsinhar spiċċaw maqtugħin ukoll mill‑postijiet ta’ refuġju tagħhom. U dan kollu seħħ fuq ordni ta’ Gidgiddoni.

27 U kien hemm bosta eluf li taw lilhom infushom bħala priġunieri f’idejn in‑Nefiti, u l‑bqija sfaw maqtula.

28 U l‑mexxej tagħhom, Żemnarija, ittieħed u ġie mgħallaq ma’ siġra, iva, sewwasew huwa tħalla mdendel ma’ ras is‑siġra sakemm miet. U wara li ħallewh imdendel hemm sakemm raw li kien mejjet, huma qaċċtu s‑siġra u din spiċċat mal‑art, u huma għajtu b’leħen għoli u qalu:

29 Jalla l‑Mulej jibqa’ jħares lin‑nies tiegħu fis‑sewwa u fil‑qdusija tal‑qalb, ħalli lil dawk kollha li jippruvaw joqtluhom, minħabba l‑poter u l‑alleanzi sigriet, iwassluhom biex jaqgħu mal‑art, l‑istess kif waqa’ mal‑art dan ir‑raġel.

30 U huma bdew jithennew u b’leħen wieħed għajtu mill‑ġdid u qalu: Jalla l‑Alla ta’ Abraham, u l‑Alla ta’ Iżakk, u l‑Alla ta’ Ġakobb, jibqa’ jħares lil dan il‑poplu fis‑sewwa, diment li huma jkomplu jsejħu isem Alla tagħhom u jitolbuh iħarishom.

31 U ġara li huma lkoll nfexxew ikantaw u jfaħħru lil Alla tagħhom għal dil‑ħaġa daqstant kbira li huwa għamel magħhom, fejn huwa ħarishom milli jaqgħu f’idejn l‑għedewwa tagħhom.

32 Iva, huma għajtu: Hosanna lil Alla l‑Għoli. U huma għajtu: Ikun imbierek isem il‑Mulej Alla li Jista’ Kollox, li hu Alla l‑għoli.

33 U qalbhom imtliet bil‑hena, hekk li dmugħ ta’ ferħ beda nieżel ma’ ħaddejhom, minħabba t‑tjubija kbira ta’ Alla, li ħelishom minn idejn l‑għedewwa tagħhom; u huma kien jafu li kien minħabba l‑indiema tagħhom u l‑umiltà tagħhom li huma ġew meħlusin mill‑qerda ta’ dejjem.