Skrittura
3 Nefi 23


Kapitlu 23

Ġesù japprova kliem Isaija—Huwa jordna lin‑nies biex ifittxu kliem il‑profeti—Il‑kliem ta’ Samwel il‑Lamanita dwar il‑Qawmien jiġi miżjud mal‑kitbiet tagħhom. Madwar 34 W.K.

1 U issa, araw, jien ngħidilkom, li jeħtieġ li taqraw bir‑reqqa dawn il‑ħwejjeġ. Iva, jiena qed nagħtikom kmandament biex intom taqraw bir‑reqqa dawn il‑ħwejjeġ; għax kliem Isaija huwa mill‑aktar siewi.

2 Għax huwa tkellem tassew dwar kull ħaġa li tikkonċerna lin‑nies tiegħi li ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael; għalhekk jeħtieġ li huwa jkellem ukoll lill‑Ġentili.

3 U dak kollu li huwa qal ġie fis‑seħħ u għad jiġi fis‑seħħ sewwasew skont il‑kliem li huwa qal.

4 Għalhekk agħtu widen għal kliemi; iktbu dak li għidtilkom jiena; u dan il‑kliem għandu jasal għand il‑Ġentili skont l‑orarju u r‑rieda tal‑Missier.

5 U kull min jagħti widen għal kliemi u jindem u jitgħammed, huwa isalva. Fittxu kliem il‑profeti, għax se jkunu ħafna li se jixhdu dwar dawn il‑ħwejjeġ.

6 U issa ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem huwa kellimhom mill‑ġdid, wara li fissrilhom l‑iskrittura kollha li ġiet mogħtija lilhom, u qalilhom: Araw, qed nitlobkom biex tiktbu skrittura oħra, li għadkom ma ktibtuhiex.

7 U ġara li huwa qal lil Nefi: Mur ġib l‑annali li inti żammejt għandek.

8 U meta Nefi mar u ġab l‑annali, u poġġihom quddiemu, huwa ħares lejhom u qal:

9 Tassew ngħidilkom, jiena ordnajt lill‑qaddej tiegħi Samwel il‑Lamanita biex huwa jixhed quddiem dan il‑poplu li se jkunu bosta l‑qaddisin, fil‑jum li fih il‑Missier jigglorifika ismu permezz tiegħi, li sejrin iqumu mill‑mewt u se jidhru lill‑bosta, u lilhom sejrin jaqdu. U hu qalilhom: Mhux hekk ġara?

10 U d‑dixxipli tiegħu weġbuh u qalulu: Iva Mulej, Samwel ħabbar dan skont kliemek, u dan kollu ġie fis‑seħħ.

11 U Ġesù qalilhom: Mela għalfejn intom ma ktibtux dan, li kienu bosta l‑qaddisin li qamu mill‑mewt u dehru lill‑bosta u lilhom bdew jaqdu?

12 U ġara li Nefi ftakar li dan ma kienx ġie miktub.

13 U ġara li Ġesù ordna li dan kollu għandu jiġi miktub; għalhekk dan ġie miktub sewwasew kif ordnalhom hu.

14 U issa ġara li meta Ġesù fissrilhom l‑iskrittura kollha, li huma kienu kitbu, fil‑milja tagħha, huwa ordnalhom biex imorru jgħallmu l‑ħwejjeġ li huwa kien fissrilhom.