Skrittura
3 Nefi 12


Kapitlu 12

Ġesù jsejjaħ u jawtorizza lit‑tnax‑il dixxiplu—Huwa jagħmel diskors lin‑Nefiti li jixbah id‑Diskors fuq il‑Muntanja—Huwa jħabbrilhom il‑Beatitudnijiet—It‑tagħlim tiegħu jittraxxendi u jieħu preċedenza fuq il‑liġi ta’ Mosè—Huwa jordna lill‑bnedmin biex ikunu perfetti sewwasew kif inhuma perfetti Hu u Missieru—Qabbel Mattew 5. Madwar 34 W.K.

1 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem lil Nefi, u lil dawk li huwa sejjaħ, (issa l‑għadd ta’ dawk li huwa sejjaħ, u li rċevew il‑qawwa u l‑awtorità li jgħammdu, kien ta’ tnax) araw, huwa medd idu lejn il‑miġemgħa, u b’leħen għoli qal: Henjin intom jekk tagħtu widen għall‑kliem ta’ dawn it‑tnax li jiena għażilt minn fostkom biex jaqdukom, u biex ikunu l‑qaddejja tagħkom; u lilhom jiena tajthom il‑qawwa biex ikunu jistgħu jgħammdukom bl‑ilma; u wara li titgħammdu bl‑ilma, araw, jiena ngħammidkom bin‑nar u bl‑Ispirtu s‑Santu; għalhekk, henjin intom jekk temmnu fija u titgħammdu, wara li intom rajtuni u tafu li jiena hu.

2 U għal darb’oħra, kemm se jkunu aktar henjin dawk li se jemmnu fi kliemkom għaliex intom se tixhdu li lili rajtuni, u li tafu li jiena hu. Iva, henjin huma dawk li jemmnu fi kliemkom, u jinżlu sal‑qiegħ tal‑umiltà u jitgħammdu, għax fuqhom jissawwab in‑nar u l‑Ispirtu s‑Santu, u huma jiksbu maħfra ta’ dnubiethom.

3 Iva, henjin il‑foqra fl‑ispirtu li jiġu għandi, għax tagħhom hija s‑saltna tas‑smewwiet.

4 U henjin ukoll dawk kollha li huma mnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.

5 U henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jiksbu l‑art.

6 U henjin dawk kollha li huma bil‑ġuħ u l‑għatx għall‑ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin bl‑Ispirtu s‑Santu.

7 U henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu l‑ħniena.

8 U henjin dawk kollha li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.

9 U henjin dawk kollha li jġibu l‑paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.

10 U henjin dawk kollha li huma ppersegwitati minħabba ismi, għax tagħhom hija s‑saltna tas‑smewwiet.

11 U henjin intom, meta n‑nies jgħajrukom u jippersegwitawkom, u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontrikom, minħabba fija;

12 Għax intom se tithennew u se tifirħu tassew, għax ħlaskom se jkun kbir fis‑smewwiet; għax hekk kienu jippersegwitawhom lill‑profeti li kienu qabilkom.

13 Tassew, tassew, ngħidilkom, jiena rrid li intom tkunu l‑melħ tal‑art; iżda jekk il‑melħ jaqta’, l‑art biex terġa’ tieħu t‑togħma? Il‑melħ ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min‑nies.

14 Tassew, tassew, ngħidilkom, jiena rrid li intom tkunu d‑dawl ta’ dan il‑poplu. Belt li tkun qiegħda fuq għolja ma tistax tinħeba.

15 Araw, in‑nies jixegħlu l‑musbieħ u jqegħduh taħt is‑siegħ? Le, iqegħduh fuq l‑imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid‑dar;

16 Għalhekk, hekk għandu jiddi d‑dawl tagħkom quddiem dan il‑poplu, biex huma jaraw l‑għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis‑smewwiet.

17 Xejn taħsbu li jien ġejt inwaqqa’ l‑liġi jew il‑profeti. Jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwettaqhom;

18 Tassew ngħidilkom, anqas l‑iżgħar ittra jew tikka waħda mil‑liġi ma titneħħa, sa ma fija jkun seħħ kollox.

19 Għax araw, jiena tajtkom il‑liġi u l‑kmandamenti ta’ Missieri, biex intom temmnu fija, u tindmu minn dnubietkom, u tiġu għandi b’qalb maqsuma u spirtu niedem. Araw, quddiemkom għandkom il‑kmandamenti, u l‑liġi ġiet fis‑seħħ.

20 Għalhekk ejjew għandi u ssalvaw; għax tassew ngħidilkom, li jekk intom ma tħarsux il‑kmandamenti tiegħi, il‑kmandamenti jiena tajtkom bħalissa, intom bl‑ebda mod ma tidħlu fis‑saltna tas‑smewwiet.

21 Smajtu intom li ntqal min‑nies ta’ dari, u dan tistgħu tarawh miktub quddiemkom, li intom m’għandkomx toqtlu; u jekk xi ħadd joqtol ikun suġġett għall‑ħaqq ta’ Alla;

22 Iżda jien ngħidilkom, li min jinkorla għal ħuh ikun suġġett għall‑ħaqq tiegħu. U jekk xi ħadd lil ħuh jgħidlu, Ġifa, ikun suġġett għall‑kundanna tas‑sinedriju; u jekk xi ħadd jgħidlu, Iblah, ikun suġġett għan‑nar tal‑infern.

23 Għalhekk, jekk inti tiġi għandi, jew għandek ix‑xewqa li tiġi għandi, u tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek—

24 Mur fittex lil ħuk, u l‑ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja għandi b’impenn sħiħ f’qalbek, u jiena nilqgħek għandi.

25 Lill‑għadu tiegħek ħudu bil‑kelma t‑tajba waqt li tkun għadek miegħu fit‑triq, li ma jmurx f’xi ħin jaqbdek, u jixħtek fil‑ħabs.

26 Tassew, tassew ngħidilkom, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast sa l‑aħħar senina. U waqt li tkun fil‑ħabs se tkun tista’ tħallas imqar senina? Tassew, tassew, ngħidilkom, Le.

27 Araw, intqal min‑nies ta’ dari, la tagħmilx adulterju;

28 Iżda jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju f’qalbu.

29 Araw, jiena nagħtikom kmandament, li intom għandkom taraw li xejn minn dan m’għandu jidħol ġewwa qalbkom;

30 Għaliex ikun aħjar li tiċċaħħdu minn dawn il‑ħwejjeġ, billi terfgħu salibkom, milli tispiċċaw tinxteħtu fl‑infern.

31 Hemm miktub li min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l‑kitba tad‑divorzju.

32 Tassew, tassew, ngħidilkom, li kull min jibgħat lil martu, barra f’każ ta’ żína, iwaqqagħha fl‑adulterju; u kull min jiżżewweġ waħda ddivorzjata ikun qed jagħmel adulterju.

33 U hemm miktub ukoll, tonqosx mill‑wegħda li ħlift imma rodd lill‑Mulej il‑wegħdiet li ħliftlu;

34 Iżda tassew, tassew, ngħidilkom biex ma taħilfu xejn; la bis‑sema, għax hu t‑tron ta’ Alla;

35 U lanqas bl‑art, għax fuqha jserraħ riġlejh;

36 U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas xagħra waħda biss ma għandek il‑ħila tagħmilha sewda jew bajda;

37 Mela ħa jkun id‑diskors tagħkom, Iva, iva; Le, le; għax kull ma hu iżjed minn hekk ġej mill‑ħażin.

38 U araw, hemm miktub, għajn b’għajn u sinna b’sinna;

39 Iżda jiena ngħidilkom biex ma teħduhiex mal‑ħażen, iżda jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal‑lemin, dawwarlu l‑ieħor ukoll;

40 U lil min itellgħek il‑qorti u jeħodlok il‑libsa, ħallilu wkoll il‑mantar tiegħek;

41 U jekk xi ħadd iġiegħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn.

42 Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.

43 U araw, hemm miktub ukoll, ħobb lil għajrek, u obgħod lill‑għadu tiegħek;

44 Iżda araw jiena ngħidilkom, ħobbu lill‑għedewwa tagħkom, bierku lil min jisħetkom, agħmlu t‑tajjeb lil min jobgħodkom, u itolbu għal dawk li japprofittaw ruħhom minnkom u jippersegwitawkom;

45 Biex intom tkunu wlied Missierkom li hu fis‑smewwiet; għax hu jtalla’ x‑xemx tiegħu sew fuq il‑ħżiena u sew fuq it‑tajbin.

46 Għalhekk dawk il‑ħwejjeġ ta’ dari, li kienu taħt il‑liġi, ġew fis‑seħħ permezz tiegħi.

47 Il‑qadim għadda, u daħal il‑ġdid.

48 Għalhekk nitlobkom sabiex tkunu perfetti sewwasew kif jiena jien, jew kif inhu perfett Missierkom li hu fis‑smewwiet.