Kapitlu 14
Ġesù jordna: Tiġġudikawx; itolbu lil Alla; iftħu għajnejkom mill‑profeti foloz—Huwa jwiegħed is‑salvazzjoni lil dawk li jagħmlu r‑rieda tal‑Missier—Qabbel Mattew 7. Madwar 34 W.K.
1 U issa ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem huwa reġa’ dar lejn il‑miġemgħa, u fetaħ fommu u qalilhom: Tassew, tassew, ngħidilkom, Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati.
2 Għax bl‑istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl‑istess kejl li tkejlu intom, jitkejjel lilkom.
3 U għaliex tħares lejn it‑tibna li hemm f’għajn ħuk, u ma tarax it‑travu li għandek f’għajnek int?
4 Jew kif tmur tgħid lil ħuk: Ħa nneħħilek it‑tibna minn għajnek—meta inti stess f’għajnek għandek travu?
5 Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l‑ewwel it‑travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t‑tibna minn għajn ħuk.
6 Tagħtux lill‑klieb dak li hu qaddis, u tixħtux il‑ġawhar tagħkom quddiem il‑ħnieżer li ma jmorrux jgħaffġuhom b’saqajhom u mbagħad iduru għalikom u jqattgħukom bi snienhom.
7 Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom.
8 Għax kull min jitlob, jaqla’; min ifittex isib; u min iħabbat jiftħulu.
9 Jew min hu dak il‑bniedem fostkom li jekk ibnu jitolbu biċċa ħobż sejjer jagħtih ġebla?
10 Jew jekk jitolbu ħuta, sejjer jagħtih serp?
11 Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar Missierkom li hu fis‑smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu?
12 Mela dak kollu li tridu li l‑bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom, għax din hi l‑liġi u l‑profeti.
13 Għaddu mill‑bieb id‑dejjaq; għax wiesa’ l‑bieb u spazjuża t‑triq li tieħu għat‑telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha;
14 Iżda kemm huwa dejjaq il‑bieb u dejqa t‑triq li tieħu għall‑ħajja, u ftit huma li jsibuha.
15 Iftħu għajnejkom mill‑profeti foloz, li jiġu għandkom lebsin ta’ nagħaġ, iżda minn ġewwa jkunu lpup ħattafa.
16 Mill‑frott tagħhom tagħrfuhom. Jaqaw jiġbru għeneb mix‑xewk, jew tin mill‑għollieq?
17 Hekk kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel; imma siġra ħażina frott ħażin tagħmel.
18 Siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, anqas siġra ħażina ma tagħmilx frott tajjeb.
19 Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin‑nar.
20 Għalhekk, mill‑frott tagħhom tagħrfuhom.
21 Mhux kull min jgħidli, Mulej, Mulej, jidħol fis‑saltna tas‑smewwiet; iżda min jagħmel ir‑rieda ta’ Missieri li hu fis‑smewwiet.
22 F’dak il‑jum ikun hemm ħafna li jgħiduli: Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna, u mhux f’ismek keċċejna x‑xjaten, u f’ismek għamilna bosta għemejjel tal‑għaġeb?
23 Mbagħad jien ngħidilhom: Lilkom qatt ma kont nafkom; warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l‑ħażen.
24 Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq blata—
25 U niżlet ix‑xita, ġew il‑widien, qamu l‑irwiefen u ħabtu fuq dik id‑dar; iżda ma ġġarrfitx, għax kellha s‑sisien tagħha fuq blata.
26 Iżda kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir‑ramel—
27 Niżlet ix‑xita, ġew il‑widien, qamu l‑irwiefen u ħabtu fuq dik id‑dar; u hija ġġarrfet, u kbira kienet il‑qerda tagħha.