Skrittura
3 Nefi 16


Kapitlu 16

Ġesù se jżur nagħaġ oħra minn fost in‑nagħaġ il‑mitlufa ta’ Iżrael—Fl‑aħħar żminijiet l‑evanġelju se jasal għand il‑Ġentili u mbagħad għand id‑dar ta’ Iżrael—Il‑poplu tal‑Mulej sejjer jara b’għajnejh lill‑Mulej rieġa’ lura f’Sijon. Madwar 34 W.K.

1 U tassew, tassew, ngħidilkom li jien għandi nagħaġ oħra li mhumiex minn din l‑art, lanqas mill‑art ta’ Ġerusalemm, lanqas mill‑inħawi ta’ madwar l‑art fejn jien mort biex naqdi.

2 Għax dawk li qed nitkellem dwarhom huma dawk li għadhom ma semgħux leħni; u jien fl‑ebda ħin ma wrejt lili nnifsi lilhom.

3 Iżda jiena ngħatajt kmandament mill‑Missier li jien għandi mmur fosthom, u jeħtieġ li huma jisimgħu leħni, u li għandhom jingħaddu man‑nagħaġ tiegħi, sabiex ikun hemm merħla waħda u ragħaj wieħed; għalhekk jiena sejjer nuri lili nnifsi lilhom.

4 U nordnalkom sabiex tiktbu dak li jiena qed ngħid wara li nħallikom, ħalli f’każ li n‑nies tiegħi f’Ġerusalemm, dawk li rawni b’għajnejhom u kienu miegħi fil‑ministeru tiegħi, ma jitolbux lill‑Missier f’ismi, permezz tal‑Ispirtu s‑Santu huma jsiru jafu dwarkom u dwar it‑tribujiet l‑oħra li dwarhom ma jafux, u l‑kliem li intom se tiktbu għandu jiġi mħares u għandu jiġi żvelat lill‑Ġentili, biex permezz tal‑milja tal‑Ġentili, il‑fdal ta’ nisilhom, li sejjer jitferrex fuq wiċċ l‑art minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom, ikun jista’ jinġieb lura, jew aħjar, ikun jista’ jinġieb lura għall‑għarfien tiegħi, il‑Feddej tagħhom.

5 U mbagħad jiena niġborhom mill‑erba’ rkejjen tad‑dinja; u mbagħad jiena nġib fis‑seħħ il‑patt li l‑Missier għamel mal‑poplu kollu tad‑dar ta’ Iżrael.

6 U henjin huma l‑Ġentili, minħabba l‑fidi tagħhom fija, permezz tal‑Ispirtu s‑Santu, li magħhom huwa jixhed dwari u dwar il‑Missier.

7 Araw, minħabba l‑fidi tagħhom fija, jgħid il‑Missier, u minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tagħkom, O dar ta’ Iżrael, fl‑aħħar żminijiet il‑verità sejra tasal għand il‑Ġentili, biex il‑milja ta’ dawn il‑ħwejjeġ tkun żvelata lilhom.

8 Iżda ħażin ikun għalihom, jgħid il‑Missier, dawk il‑Ġentili li jibqgħu ma jemmnux—għax minkejja kollox huma ġew fuq wiċċ din l‑art, u xerrdu lill‑poplu tiegħi li ġej mid‑dar ta’ Iżrael; u l‑poplu tiegħi li ġej mid‑dar ta’ Iżrael safa mkeċċi minn fosthom, u spiċċa mgħaffeġ taħt saqajhom;

9 U minħabba l‑ħniena ta’ Alla mal‑Ġentili, kif ukoll minħabba l‑ħaqq tal‑Missier fuq il‑poplu tiegħi, li ġej mid‑dar ta’ Iżrael, tassew, tassew, ngħidilkom, li wara dan kollu, jien wassalt lill‑poplu tiegħi, li ġej mid‑dar ta’ Iżrael, biex jisfa kkastigat, mgħakkes, u maqtul, u mkeċċi ’l barra minn fosthom, u jsir poplu mibgħud minnhom, li jkun ta’ għajb u f’ilsien kulħadd—

10 U dan hu li l‑Missier ordnali biex ngħidilkom: F’dak il‑jum li fih il‑Ġentili jidinbu kontra l‑evanġelju tiegħi, u jwarrbu l‑milja tal‑evanġelju tiegħi, u jkunu minfuħin fil‑kburija ta’ qalbhom aktar minn kull ġens ieħor, u aktar min‑nies tad‑dinja kollha, u fosthom ma jsaltan xejn għajr gideb, u qerq, u kattiverja, u kull tip ta’ ipokresija, u qtil, u frodi saċerdotali, u żína, u abominazzjonijiet sigrieti; u jekk huma jwettqu dawk il‑ħwejjeġ kollha, u jwarrbu l‑milja tal‑evanġelju tiegħi, araw, jgħid il‑Missier, jiena nieħu minn fosthom il‑milja tal‑evanġelju tiegħi.

11 U mbagħad jiena niftakar fil‑patt li jien għamilt mal‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael, u jiena nwassal l‑evanġelju tiegħi lilhom.

12 U lilek nurik, O dar ta’ Iżrael, li l‑Ġentili mhu se jkollhom l‑ebda setgħa fuqkom; iżda jiena niftakar fil‑patt li għamilt magħkom, O dar ta’ Iżrael, u intom taslu biex tagħrfu l‑milja tal‑evanġelju tiegħi.

13 Iżda jekk il‑Ġentili jindmu u jduru lejja, jgħid il‑Missier, araw huma se jkunu magħduda mal‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael.

14 U jiena ma nħallix li l‑poplu tiegħi, li ġej mid‑dar ta’ Iżrael, jgħaddi minn fosthom, u jgħaffiġhom taħt saqajh, jgħid il‑Missier.

15 Iżda jekk huma ma jdurux lejja, u jisimgħu kliemi, jiena nħalli lin‑nies tiegħi, O dar ta’ Iżrael, jgħaddu minn fosthom, u jgħaffġuhom taħt saqajhom, u huma jsiru bħall‑melħ li qata’, li ma baqa’ tajjeb għal xejn ħlief biex jintrema barra, u jintrifes mill‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael.

16 Tassew, tassew, ngħidilkom, dan hu li ordnali l‑Missier—li jiena għandi nagħti din l‑art lil dan il‑poplu bħala wirtu.

17 Imbagħad ikun ġie fis‑seħħ kliem il‑profeta Isaija, li jgħid:

18 L‑għassiesa tiegħek jgħollu leħinhom; lkoll flimkien huma jgħannu, għax huma jaraw b’għajnejhom lill‑Mulej rieġa’ lura f’Sijon.

19 Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm, għannu lkoll bil‑ferħ; għax farraġ il‑Mulej il‑poplu tiegħu, huwa feda lil Ġerusalemm.

20 Kixef il‑Mulej id‑driegħ tiegħu qaddis, quddiem il‑ġnus kollha; u raw it‑truf kollha tal‑art is‑salvazzjoni ta’ Alla.