Skrittura
3 Nefi 18


Kapitlu 18

Ġesù waqqaf is‑sagrament fost in‑Nefiti—Huma ġew ordnati sabiex jitolbu dejjem f’ismu—Min jiekol ġismu u jixrob demmu bla ma jixraqlu jiġi kkundannat—Id‑dixxipli jingħataw il‑qawwa li jagħtu l‑Ispirtu s‑Santu. Madwar 34 W.K.

1 U ġara li Ġesù ordna lid‑dixxipli tiegħu biex iġibulu ftit ħobż u nbid.

2 U waqt li huma marru għall‑ħobż u l‑inbid, huwa ordna lil dawk li kienu fost il‑miġemgħa biex ipoġġu bilqiegħda mal‑art.

3 U meta d‑dixxipli ġew lura bil‑ħobż u l‑inbid, huwa ħa l‑ħobż, qasmu u bierku; u tah lid‑dixxipli u ordnalhom sabiex jieklu.

4 U meta huma kielu u xebgħu, huwa ordnalhom biex jagħtu lill‑miġemgħa.

5 U meta dawk li kienu fost il‑miġemgħa kielu u xebgħu, huwa qal lid‑dixxipli: Araw, fostkom se jiġi ordnat xi ħadd li lilu jiena se nagħti l‑qawwa li jaqsam il‑ħobż u jbierku u jagħtih lin‑nies tal‑knisja tiegħi, sewwasew lil dawk kollha li jemmnu u jitgħammdu f’ismu.

6 U qisu li intom dejjem tagħmlu dan, l‑istess kif għamilt jien, sewwasew kif jiena qsamt il‑ħobż, beriktu u tajtu lilkom.

7 U dan għandkom tagħmluh b’tifkira ta’ ġismi, li jien lilkom urejtu. U permezz ta’ dan intom tixhdu mal‑Missier li dejjem sejrin tiftakru fija. U jekk intom dejjem tiftakru fija intom ikollkom l‑Ispirtu tiegħi magħkom.

8 U ġara li meta huwa qal dan il‑kliem, huwa ordna lid‑dixxipli tiegħu biex jieħdu u jixorbu mill‑inbid li kien hemm fil‑kalċi, u ordnalhom ukoll sabiex jagħtu lill‑miġemgħa ħalli huma wkoll ikunu jistgħu jixorbu minnu.

9 U ġara li huma hekk għamlu, u huma xorbu minnu u xebgħu; u huma taw lill‑miġemgħa, u huma xorbu minnu u xebgħu.

10 U meta d‑dixxipli għamlu dan, Ġesù qalilhom: Henjin intom minħabba li għamiltu dan, għax intom obdejtu l‑kmandamenti tiegħi, u permezz ta’ dan qed tixhdu mal‑Missier li intom lesti tagħmlu dak li ordnajtilkom jien.

11 U intom għandkom dejjem tagħmlu dan għal dawk kollha li jindmu u jitgħammdu f’ismi; u dan għandkom tagħmluh b’tifkira ta’ demmi, li jien xerridt għalikom, ħalli tkunu tistgħu tixhdu mal‑Missier li intom dejjem lesti tiftakru fija. U jekk intom tiftakru dejjem fija intom ikollkom l‑Ispirtu tiegħi magħkom.

12 U jiena nagħtikom kmandament li intom għandkom tagħmlu dawn il‑ħwejjeġ. U jekk intom tagħmlu dejjem dawn il‑ħwejjeġ, henjin intom, għaliex intom mibnija fuq il‑blata tiegħi.

13 Iżda dawk fostkom li jagħmlu aktar jew anqas minn hekk, mhumiex mibnija fuq il‑blata tiegħi, iżda huma mibnija fuq pedament tar‑ramel; u meta tinżel ix‑xita, u jiġi l‑għargħar, u jonfħu l‑irwiefen u fuqhom jibdew iħabbtu, huma jikkrollaw, u l‑bibien tal‑infern jinsabu miftuħin bil‑lest biex jilqgħuhom.

14 Għalhekk henjin intom jekk tħarsu l‑kmandamenti tiegħi, li l‑Missier ordnali biex nagħtikom.

15 Tassew, tassew, ngħidilkom, jeħtieġ li intom tishru u titolbu dejjem, ħalli ma tispiċċawx imġarrbin mix‑xitan u hu jeħodkom fil‑jasar tiegħu.

16 U kif jiena tlabt fostkom hekk ukoll għandkom titolbu intom fil‑knisja tiegħi, fost in‑nies tiegħi li jindmu u jitgħammdu f’ismi. Araw, jiena d‑dawl; jiena tajtkom eżempju.

17 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem lid‑dixxipli tiegħu, huwa reġa’ dar fuq il‑folla u qalilhom:

18 Araw, tassew, tassew, ngħidilkom, jeħtieġ li tishru u titolbu dejjem biex ma tidħlux fit‑tiġrib; għax Satana jridkom f’idejh, biex jgħaddikom mill‑għarbiel bħall‑qamħ.

19 Għalhekk jeħtieġ li titolbu dejjem lill‑Missier f’ismi;

20 U kull ma titolbu lil Missieri f’ismi, li hu sewwa, u temmnu li se jingħatalkom, araw, dan jingħatalkom.

21 Itolbu fil‑familji tagħkom lill‑Missier, dejjem f’ismi, biex martkom u wliedkom ikunu mberkin.

22 U araw, intom għandkom tiltaqgħu flimkien ta’ spiss; u m’għandkom iżżommu lil ħadd milli jiġi għandkom meta tiltaqgħu flimkien, iżda araw li tħalluhom jiġu għandkom u żżommuhomx milli jagħmlu dan;

23 Iżda intom għandkom titolbu għalihom, u ma tkeċċuhomx ’il barra; u jekk huma jibdew jiġu għandkom ta’ spiss għandkom titolbu għalihom lill‑Missier, f’ismi.

24 Għalhekk, żommu dawlkom fil‑għoli sabiex idawwal lid‑dinja. Araw, jiena d‑dawl li intom għandkom iżżommu fil‑għoli—sewwasew dak li lili rajtuni nagħmel. Araw, intom tistgħu taraw li jiena tlabt lill‑Missier, u intom lkoll xhieda ta’ dan.

25 U tistgħu taraw li jiena ma ordnajt lil ħadd minnkom biex jitlaq, iżda minflok ordnajtilkom biex tiġu għandi, ħalli tkunu tistgħu tħossu u taraw; mela l‑istess għandkom tagħmlu intom fid‑dinja; u kull min jikser dan il‑kmandament ikun qed jippermetti lilu nnifsu li jiddaħħal fit‑tiġrib.

26 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem, huwa reġa’ xeħet għajnejh fuq id‑dixxipli li huwa għażel, u qalilhom:

27 Araw, tassew, tassew, ngħidilkom, jiena se nagħtikom kmandament ieħor, u mbagħad jeħtieġ li mmur għand Missieri biex inkun nista’ nwettaq kmandamenti oħra li huwa tani.

28 U issa araw, dan hu l‑kmandament li jien se nagħtikom, li intom għandkom taraw li ma jkun hemm ħadd li konxjament jiekol ġismi u jixrob demmi bla ma jixraqlu, meta intom tamministrawhom;

29 Għax kull min jiekol ġismi u jixrob demmi bla ma jixraqlu jkun qed jiekol u jixrob il‑kundanna ta’ ruħu; għalhekk jekk tkunu tafu b’xi ħadd li ma jixraqlux li jiekol ġismi u jixrob demmi araw li żżommuh milli jagħmel dan.

30 Madankollu, intom m’għandkomx tkeċċuh ’il barra minn fostkom, iżda lilu għandkom taqdu u għandkom titolbu għalih lill‑Missier, f’ismi; u jekk huwa jindem u jitgħammed f’ismi, mbagħad araw li tilqgħuh fostkom, u tagħtuh minn ġismi u demmi.

31 Iżda jekk jibqa’ ma jindimx huwa m’għandux ikun magħdud mal‑poplu tiegħi, li ma jmurx jeqred lill‑poplu tiegħi, għax araw, jiena nagħraf in‑nagħaġ tiegħi, u huma magħduda.

32 Madankollu, m’għandkomx tkeċċuh ’il barra mis‑sinagogi tagħkom, jew mill‑postijiet li fihom tqimu, għax lil min hu bħalu għandkom tkomplu taqdu; għax ma tafux jekk huma xi darba għad jerġgħu lura u jindmu, u jiġu għandi b’impenn sħiħ f’qalbhom, u araw, lilhom jiena nfejjaq; u intom tkunu l‑mezz għalfejn huma kisbu s‑salvazzjoni.

33 Għalhekk, araw li tħarsu dan il‑kliem li jiena ordnajtilkom ħalli ma taqgħux taħt il‑kundanna; għax ħażin għalih dak li jaqa’ taħt il‑kundanna tal‑Missier.

34 U jiena qed nagħtikom dawn il‑kmandamenti minħabba t‑tilwim li qam bejnietkom. U henjin intom jekk ma titlewmux bejnietkom.

35 U issa jiena se mmur għand il‑Missier, għax hemm bżonn li mmur għand il‑Missier minħabba fikom.

36 U ġara li meta Ġesù temm jgħid dan il‑kliem, huwa mess b’idu lid‑dixxipli li huwa għażel, wieħed, wieħed, sakemm messhom ilkoll, u waqt li kien qed imisshom beda jkellimhom.

37 U l‑miġemgħa ma semgħetx il‑kliem li huwa qal, għalhekk huma ma taw l‑ebda xhieda ta’ dan; iżda d‑dixxipli taw xhieda li huwa tahom il‑qawwa li huma jagħtu l‑Ispirtu s‑Santu. U aktar tard jiena se nurikom li din ix‑xhieda hija vera.

38 U ġara li meta Ġesù messhom ilkoll, ġiet sħaba u għattiet lill‑miġemgħa, hekk li huma ma setgħux jaraw aktar lil Ġesù.

39 U waqt li huma kienu jinsabu mgħottijin huwa telaq minn ħdejhom, u tela’ fis‑smewwiet. U d‑dixxipli raw b’għajnejhom u taw ukoll xhieda li hu reġa’ tela’ fis‑smewwiet.