Kapitlu 19
It‑tnax‑il dixxiplu jaqdu lill‑poplu u jitolbu għall‑Ispirtu s‑Santu—Id‑dixxipli jiġu mgħammda u jirċievu l‑Ispirtu s‑Santu u l‑qadi tal‑anġli—Ġesù jibda jitlob u juża kliem li ma jistax jinkiteb—Huwa jixhed dwar il‑fidi mill‑aktar kbira ta’ dawn in‑Nefiti. Madwar 34 W.K.
1 U issa ġara li meta Ġesù tela’ s‑sema, il‑miġemgħa bdiet tinfirex, u kull raġel ħa lil martu u lil uliedu u telaq lura lejn daru.
2 U meta bilkemm kien għoddu dalam, ma damitx ma nxterdet l‑aħbar mal‑pajjiż kollu li l‑miġemgħa kienet rat lil Ġesù, u huwa beda jaqdihom, u li l‑għada kien se jerġa’ juri lilu nnifsu lill‑miġemgħa.
3 Iva, l‑aħbar dwar Ġesù kompliet tinxtered ma’ kullimkien anke mal‑lejl; u l‑aħbar inxterdet b’tali mod li kienu ħafna n‑nies, iva, kotra kbira ta’ nies, li għaddew il‑lejl kollu jaħdmu qatigħ biex l‑għada filgħodu huma jkunu fil‑post fejn Ġesù kellu juri lilu nnifsu lill‑miġemgħa.
4 U ġara li l‑għada, meta l‑miġemgħa kienet miġbura flimkien, araw, Nefi u ħuh, li huwa kien qajjem mill‑mewt, li kien jismu Timotju, kif ukoll ibnu, li kien jismu Ġona, kif ukoll Mathoni, u ħuh Mathonija, u Kumen, u Kumenonhi, u Ġeremija, u Semnon, u Ġona, u Sedekija, u Isaija—issa dawn kienu l‑ismijiet tad‑dixxipli li kien għażel Ġesù—ġara li huma marru u waqfu f’nofs il‑miġemgħa.
5 U araw, tant kienet kbira l‑miġemgħa li huma talbuhom sabiex jinqasmu fi tnax‑il grupp.
6 U t‑tnax bdew jgħallmu lill‑miġemgħa; u araw, huma talbu lill‑miġemgħa biex jinżlu għarkupptejhom mal‑art, u jitolbu lill‑Missier f’isem Ġesù.
7 U d‑dixxipli wkoll bdew jitolbu lill‑Missier f’isem Ġesù. U ġara li huma qamu minn mal‑art u bdew jaqdu lin‑nies.
8 U wara li huma għallmu l‑istess kliem li kien qal Ġesù—bla ma bidlu xejn mill‑kliem li kien qal Ġesù—araw, huma reġgħu niżlu għarkupptejhom u bdew jitolbu lill‑Missier f’isem Ġesù.
9 U huma bdew jitolbu għal dak li xtaqu l‑aktar; u huma kellhom ix‑xewqa li jingħata lilhom l‑Ispirtu s‑Santu.
10 U meta waqfu jitolbu, huma niżlu fil‑post minfejn kien jibda l‑ilma, u l‑miġemgħa mxiet warajhom.
11 U ġara li Nefi niżel fl‑ilma u tgħammed.
12 U huwa ħareġ mill‑ilma u beda jgħammed. U huwa għammed lil dawk kollha li Ġesù kien għażel.
13 U ġara li meta huma tgħammdu lkoll u ħarġu mill‑ilma, l‑Ispirtu s‑Santu niżel fuqhom, u huma mtlew bl‑Ispirtu s‑Santu u bin‑nar.
14 U araw, huma spiċċaw imdawrin minn kullimkien bħallikieku bin‑nar; liema nar niżel mis‑sema, u dawk li kienu fil‑miġemgħa raw dan kollu, u huma taw xhieda ta’ dan; u l‑anġli niżlu mis‑sema u bdew jaqduhom.
15 U ġara li waqt li l‑anġli kienu qed jaqdu lid‑dixxipli, araw, ġie Ġesù u waqaf f’nofshom u beda jaqdihom.
16 U ġara li huwa kellem lill‑miġemgħa, u ordnalhom sabiex jerġgħu jinżlu għarkupptejhom mal‑art, u hu ordna wkoll lid‑dixxipli tiegħu biex jinżlu għarkupptejhom mal‑art.
17 U ġara li meta huma niżlu lkoll għarkupptejhom mal‑art, huwa ordna lid‑dixxipli tiegħu sabiex jitolbu.
18 U araw, huma bdew jitolbu; u huma bdew jitolbu lil Ġesù, fejn indirizzawh bħala l‑Mulej u Alla tagħhom.
19 U ġara li Ġesù telaq minn nofshom, u mar ftit ’il bogħod minnhom u nxteħet wiċċu fl‑art u qal:
20 Missier, inroddlok ħajr li inti tajt l‑Ispirtu s‑Santu lil dawn in‑nies li jien għażilt; u jien għażilthom minn fost id‑dinja minħabba l‑fidi tagħhom fija.
21 Missier, nitolbok sabiex tagħti l‑Ispirtu s‑Santu lil dawk kollha li jemmnu fi kliemhom.
22 Missier, inti tajthom l‑Ispirtu s‑Santu għax jemmnu fija; u inti tista’ tara li huma jemmnu fija għax qed tismagħhom jitolbu lili; u huma qed jitolbu lili għax jiena ninsab magħhom.
23 U issa Missier, jiena nitolbok għalihom, kif ukoll għal dawk kollha li jemmnu fi kliemhom, biex huma jkunu jistgħu jemmnu fija, ħalli jiena nkun nista’ nkun fihom kif inti, Missier, tinsab fija, biex aħna nkunu nistgħu nkunu ħaġa waħda.
24 U ġara li wara li Ġesù talab lill‑Missier, huwa resaq lejn id‑dixxipli tiegħu, u araw, huma kienu għadhom qed jitolbu lilu bla waqfien; u huma ma bdewx jirrepetu ħafna kliem, għax huma ngħatalhom x’għandhom jitolbu, u fihom nibtet tama kbira.
25 U ġara li waqt li huma bdew jitolbu lil Ġesù, huwa berikhom; u hu ħares lejhom bi tbissima fuq wiċċu, u d‑dija ta’ wiċċu bdiet tiddi fuqhom, u araw, huma dehru bojod daqs id‑dehra ta’ wiċċ Ġesù u daqs ilbiesu; u araw, dil‑bjuda kienet tiżboq kull bjuda oħra, iva, ma kien hemm xejn fuq wiċċ l‑art aktar bajdani minn din il‑bjuda.
26 U Ġesù qalilhom: Komplu itolbu; u huma ma waqfux jitolbu.
27 U huwa reġa’ telaq minn ħdejhom, u mar ftit ’il bogħod, u nxteħet wiċċu mal‑art; u reġa’ beda jitlob lill‑Missier u jgħid:
28 Missier, inroddlok ħajr talli għaddejt mit‑tisfija lil dawk li jien għażilt, minħabba l‑fidi tagħhom, u jiena nitlob għalihom, kif ukoll għal dawk li jemmnu fi kliemhom, ħalli huma jkunu jistgħu jissaffew permezz tiegħi, jekk huma jemmnu fi kliemhom, bl‑istess mod kif huma ssaffew permezz tiegħi.
29 Missier, jiena m’iniex se nitlob għad‑dinja, iżda għal dawk li inti tajtni, billi ħriġthom mid‑dinja, minħabba l‑fidi tagħhom, ħalli huma jkunu jistgħu jissaffew permezz tiegħi, ħalli jiena nkun nista’ nkun fihom kif inti, Missier, tinsab fija, biex aħna nkunu nistgħu nkunu ħaġa waħda, biex permezz tagħhom jiena nkun igglorifikat.
30 U meta Ġesù qal dan il‑kliem huwa reġa’ mar ħdejn id‑dixxipli tiegħu; u araw, huma kienu qed jitolbuh bla heda, mingħajr waqfien; u huwa reġa’ ħares lejhom bi tbissima fuq wiċċu; u araw, huma dehru bojod, l‑istess bħal Ġesù.
31 U ġara li huwa mar ftit ’il bogħod minnhom u beda jitlob lill‑Missier;
32 U l‑ebda lsien ma jista’ jlissen il‑kliem li huwa talab, u l‑ebda bniedem ma jista’ jikteb il‑kliem li huwa talab.
33 U dawk li kienu fost il‑miġemgħa semgħuh jitlob u taw xhieda ta’ dan; u qalbhom infetħet u huma fehmu f’qalbhom il‑kliem li beda jitlob.
34 Madankollu, il‑kliem li huwa talab tant kien kbir u tal‑għaġeb li ma jistax jinkiteb, u l‑ebda bniedem ma jista’ jlissnu.
35 U ġara li meta Ġesù waqaf jitlob huwa reġa’ mar ħdejn id‑dixxipli u qalilhom: Fidi daqshekk kbira jiena qatt ma rajt fost il‑Lhud kollha; għalhekk jiena lilhom ma stajtx nurihom mirakli daqstant kbar, minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom.
36 Tassew ngħidilkom, fosthom ma kien hemm ħadd li qatt ra ħwejjeġ daqstant kbar kif rajtu intom; u ħadd minnhom qatt ma sema’ ħwejjeġ daqstant kbar kif smajtu intom.