Kapitlu 20
Ġesù jipprovdi l‑ħobż u l‑inbid b’mod mirakoluż u jerġa’ jamministra s‑sagrament lin‑nies—Il‑fdal ta’ Ġakobb se jaslu biex jagħrfu lill‑Mulej Alla tagħhom u huma sejrin jirtu l‑Ameriki—Ġesù huwa l‑profeta kif kien Mosè, u n‑Nefiti huma wlied il‑profeti—Nies oħra, minn fost il‑poplu tal‑Mulej, sejrin jinġabru f’Ġerusalemm. Madwar 34 W.K.
1 U ġara li huwa ordna lill‑miġemgħa, kif ukoll lid‑dixxipli tiegħu biex jieqfu jitolbu. U ordnalhom biex ma jieqfux jitolbu ġewwa qalbhom.
2 U hu ordnalhom biex iqumu u jieqfu fuq riġlejhom. U huma qamu u waqfu fuq riġlejhom.
3 U ġara li huwa reġa’ qasam il‑ħobż u bierku, u ta lid‑dixxipli biex jieklu minnu.
4 U wara li huma kielu ordnalhom biex jaqsmu l‑ħobż, u jagħtuh lill‑miġemgħa.
5 U meta huma tawh lill‑miġemgħa huwa tahom ukoll l‑inbid biex jixorbu minnu, u ordnalhom biex huma jagħtuh lill‑miġemgħa.
6 Issa, kemm id‑dixxipli, kif ukoll il‑miġemgħa la kienu ġabu magħhom ħobż, u lanqas inbid;
7 Iżda huwa tahom sewwasew il‑ħobż x’jieklu, u l‑inbid x’jixorbu.
8 U hu qalilhom: Min jiekol dan il‑ħobż jiekol ġismi għall‑ġid ta’ ruħu; u min jixrob minn dan l‑inbid jixrob demmi għall‑ġid ta’ ruħu; u ruħu qatt ma jeħodha l‑ġuħ jew l‑għatx, iżda hija tkun imxebbgħa.
9 Issa, meta dawk kollha li kien hemm fost il‑miġemgħa kielu u xorbu, araw, huma mtlew bl‑Ispirtu; u għajtu lkoll b’leħen wieħed, u taw glorja lil Ġesù, li lilu huma raw u semgħu.
10 U ġara li wara li huma lkoll taw glorja lil Ġesù, huwa qalilhom: Araw jiena issa se nġib fis‑seħħ il‑kmandament li ordnali l‑Missier, li jikkonċerna lil dan il‑poplu, liema poplu huwa fdal tad‑dar ta’ Iżrael.
11 Tiftakru meta jien kellimtkom u għidtilkom li meta kliem Isaija jiġi fis‑seħħ—araw, kliemu jinsab miktub, u intom tistgħu tarawh b’għajnejkom, għalhekk araw li tifluh sew—
12 U tassew, tassew ngħidilkom, li meta kliemu jiġi fis‑seħħ imbagħad jiġi fis‑seħħ il‑patt li l‑Missier għamel mal‑poplu tiegħu, O dar ta’ Iżrael.
13 Imbagħad il‑fdalijiet, li se jinxterdu ma’ wiċċ l‑art kollha, sejrin jinġabru flimkien mil‑lvant u mill‑punent, min‑nofsinhar u mit‑tramuntana; u huma se jitwasslu għall‑għarfien tal‑Mulej Alla tagħhom, li lilhom huwa wassal għall‑fidwa.
14 U l‑Missier ordnali biex nagħtikom din l‑art, b’wirtkom.
15 U jien ngħidilkom, li jekk il‑Ġentili jibqgħu ma jindmux, wara l‑barka li huma sejrin jirċievu, wara li huma xerrdu lill‑poplu tiegħi—
16 Imbagħad intom, li intom fdal tad‑dar ta’ Ġakobb, għandkom tmorru fosthom; u hemm tispiċċaw f’nofs kotra kbira ta’ nies; u intom tkunu fosthom bħal iljun qalb il‑bhejjem tal‑foresta, u bħal ferħ ta’ ljun fost il‑merħliet tan‑nagħaġ, li meta jgħaddi jgħaffeġ u jqatta’, u minn taħt idejh ħadd ma jeħlisha.
17 Ħa tintrefa’ idek kontra min jeħodha miegħek, u jintemmu l‑għedewwa kollha tiegħek.
18 U jiena se niġbor flimkien il‑poplu tiegħi kif bniedem jiġbor il‑qatet tiegħu fuq il‑qiegħa.
19 Għax jiena nagħmel mill‑poplu tiegħi, li miegħek il‑Missier għamel patt, iva, il‑qarn jien nagħmilulek tal‑ħadid, dwiefer saqajk nagħmilhomlok tar‑ram. U inti għad tfarrak bosta popli; u jiena nħalli għall‑Mulej dak li nikseb minnhom, u ġidhom lil Sid l‑art kollha. U araw, huwa jien li se nagħmel dan.
20 U għad jiġri, jgħid il‑Missier, li f’dak il‑jum ix‑xabla tal‑ħaqq se tkun imdendla fuqhom; u jekk huma ma jindmux hija tispiċċa taqa’ fuqhom, jgħid il‑Missier, iva, tispiċċa taqa’ sewwasew fuq il‑ġnus kollha tal‑Ġentili.
21 U għad jiġri li jiena se nsostni lill‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael.
22 U araw, jiena se nara li dan il‑poplu jistabbilixxi ruħu f’din l‑art, biex jiġi fis‑seħħ il‑patt li jien għamilt ma’ missierkom Ġakobb; u din se tkun Ġerusalemm il‑Ġdida. U l‑qawwiet tas‑smewwiet se jkunu f’nofs dan il‑poplu; iva, jiena tabilħaqq se nkun ninsab f’nofskom.
23 Araw, jiena hu dak li dwari Mosè qal: Il‑Mulej Alla tagħkom se jqajmilkom profeta bħali minn fost ħutkom; lilu għandkom tisimgħu f’kull ma jgħidilkom. U jiġri li kull ruħ li ma tismax minn dan il‑profeta sejra tinqata’ minn qalb il‑poplu.
24 Tassew ngħidilkom, iva, li l‑profeti kollha, ibda minn Samwel u dawk kollha li ġew warajh, tkellmu lkoll u taw xhieda għalija.
25 U araw, intom ulied il‑profeti; u intom mid‑dar ta’ Iżrael; u intom parti mill‑patt li l‑Missier għamel ma’ missirijietkom, meta qal lil Abraham: F’nislek jitbierku l‑ġnus kollha tal‑art.
26 Il‑Missier qajjimni fostkom l‑ewwel, u bagħatni biex inberikkom biex kull wieħed minnkom jerġa’ lura minn ħżunitu; u minħabba f’hekk intom l‑ulied tal‑patt—
27 U wara li tiġu mberkin imbagħad il‑Missier iġib fis‑seħħ il‑patt li huwa għamel ma’ Abraham, fejn qal: F’nislek jitbierku l‑ġnus kollha tal‑art—għax permezz tiegħi huwa jsawwab l‑Ispirtu s‑Santu fuq il‑Ġentili, barka li l‑Ġentili sejra tagħmilhom aktar setgħana minn kulħadd, u dan se jwassal biex jinxtered il‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael.
28 U huma se jkunu pjaga għan‑nies ta’ din l‑art. Madankollu, meta huma jirċievu l‑milja tal‑evanġelju tiegħi, imbagħad jekk huma jwebbsu qalbhom kontrija jiena nitlobhom rendikont tal‑imġiba tagħhom, jgħid il‑Missier.
29 U jiena niftakar il‑patt li jiena għamilt mal‑poplu tiegħi; u jiena għamilt patt magħhom li jien se niġborhom flimkien meta nħoss li jkun il‑waqt, sabiex inkun nista’ nerġa nagħtihom bħala wirthom l‑art ta’ missirijiethom, li hija l‑art ta’ Ġerusalemm, li hija l‑art imwiegħda lilhom għal dejjem, jgħid il‑Missier.
30 U jiġri li jasal iż‑żmien, meta l‑milja tal‑evanġelju tiegħi se tiġi mxandra lilhom;
31 U huma għad jemmnu fija, li jien Ġesù Kristu, Bin Alla, u huma sejrin jitolbu lill‑Missier f’ismi.
32 Imbagħad l‑għassiesa tagħhom se jgħollu leħinhom, u lkoll flimkien se jgħannu; għax huma se jkunu jistgħu jaraw b’għajnejhom.
33 Imbagħad il‑Missier jerġa’ jiġborhom flimkien, u jagħtihom lil Ġerusalemm bħala l‑art ta’ wirthom.
34 Imbagħad huma jgħajtu bil‑ferħ—Intom, il‑ħerbiet ta’ Ġerusalemm, għannu lkoll; għax farraġ il‑Missier lill‑poplu tiegħu, huwa feda lil Ġerusalemm.
35 Kixef il‑Missier id‑driegħ qaddis tiegħu, quddiem il‑ġnus kollha; u raw it‑truf kollha tal‑art is‑salvazzjoni tal‑Missier; u jiena u l‑Missier ħaġa waħda.
36 U mbagħad se jiġi fis‑seħħ dak li hemm miktub: Stenbaħ! Stenbaħ mill‑ġdid, u xidd il‑qawwa tiegħek, Sijon; ilbes l‑ilbies sabiħ tiegħek, O belt qaddisa ta’ Ġerusalemm, għax fik il‑pagan jew l‑imniġġes ma jidħolx aktar.
37 Tfarfar mit‑trab; qum, oqgħod bilqiegħda, O Ġerusalemm; ħoll lilek innifsek mill‑irbit ta’ għonqok, O lsira bint Sijon.
38 Għax dan jgħid il‑Mulej: Kontu mibjugħa b’xejn, u mingħajr flus tinfdew.
39 Tassew, tassew, ngħidilkom, li l‑poplu tiegħi għad jagħraf ismi; iva, dakinhar huwa għad jagħraf li hu jien li qed nitkellem.
40 Imbagħad huma għad jgħidu: Kemm huma sbieħ fuq il‑muntanji r‑riġlejn ta’ min iħabbrilhom il‑bxara t‑tajba, ta’ min ixandar is‑sliem, ta’ min iħabbar il‑bxara t‑tajba lilhom it‑twajbin, ta’ min ixandar is‑salvazzjoni; li jgħid lil Sijon: Alla tiegħek isaltan!
41 Imbagħad se tinstama’ għajta: Itilqu, itilqu, oħorġu minn hemm, tmissu xejn li hu mniġġes; oħorġu minn ġo nofsha; tnaddfu, intom li ġġorru tagħmir il‑Mulej.
42 Għax intom m’intomx se toħorġu bil‑għaġla, u lanqas m’intom se titilqu qiskom maħruba; għax il‑Mulej quddiemkom se jimxi u Alla ta’ Iżrael se jkun warajkom.
43 Araw, il‑qaddej tiegħi se jaġixxi b’mod għaqli; huwa se jintrefa’, jiġi mgħolli, u jkun ’il fuq minn kulħadd.
44 Bħalma ħafna ndiehxu minnu—wiċċu tħassar, aktar minn kull bniedem ieħor, u s‑sura tiegħu aktar minn ulied il‑bniedem—
45 Hekk għad jistagħġbu ħafna ġnus minħabba fih; quddiemu s‑slaten jagħlqu ħalqhom, għax huma għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet; u għad jifhmu dak li qatt ma semgħu bih.
46 Tassew, tassew, ngħidilkom, dan kollu żgur li se jiġi fis‑seħħ, sewwasew kif ordnali l‑Missier. Imbagħad jiġi fis‑seħħ dan il‑patt li l‑Missier għamel mal‑poplu tiegħu; u mbagħad il‑poplu tiegħi jerġa’ jgħammar f’Ġerusalemm, u hija tkun l‑art ta’ wirthom.