Kapitlu 28
Disgħa mit‑tnax‑il dixxiplu juru x‑xewqa, u jiġu mwiegħda, li meta jmutu huma jkollhom sehem mis‑saltna ta’ Kristu—It‑Tliet Nefiti juru x‑xewqa li jkollhom, u jingħataw, is‑setgħa fuq il‑mewt ħalli jkunu jistgħu jibqgħu fuq l‑art sakemm Ġesù jerġa’ jiġi—Huma jittieħdu mid‑dinja u jaraw ħwejjeġ li ħadd ma jista’ jlissen, u issa jinsabu jaqdu fost il‑bnedmin. Madwar 34–35 W.K.
1 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem, huwa kellem lid‑dixxipli tiegħu, wieħed wieħed, u qalilhom: X’tixtiequ mingħandi, wara li jiena nkun tlaqt ħdejn il‑Missier?
2 U tkellmu lkoll, ħlief tlieta, u qalu: Nixtiequ li wara li nkunu għexna ħajja ta’ bniedem, jiġi fi tmiemu l‑ministeru tagħna, li inti sejjaħtilna għalih, biex minnufih aħna nkunu nistgħu niġu ħdejk fis‑saltna tiegħek.
3 U huwa qalilhom: Henjin intom għax tixtiequ minni din il‑ħaġa; għalhekk, wara li intom tagħlqu tnejn u sebgħin sena intom sejrin tiġu għandi fis‑saltna tiegħi; u fija se ssibu l‑mistrieħ.
4 U wara li kellimhom, huwa dar lejn it‑tlieta, u qalilhom: Xi triduni nagħmel għalikom, meta jiena mmur għand il‑Missier?
5 U huma sewdu qalbhom, għax m’azzardawx jgħidulu x’kienet ix‑xewqa tagħhom.
6 U huwa qalilhom: Araw, jiena nista’ nagħraf ħsibijietkom, u intom tixtiequ minni l‑istess ħaġa li xtaq il‑maħbub tiegħi Ġwanni, li kien miegħi fil‑ministeru tiegħi qabel ma jiena ġejt msallab mil‑Lhud.
7 Għalhekk, intom aktar henjin, għax qatt m’intom se dduqu l‑mewt; iżda intom sejrin tkomplu tgħixu ħalli tkunu tistgħu taraw l‑għemejjel kollha tal‑Missier fost ulied il‑bnedmin, sewwasew sakemm kollox jiġi fis‑seħħ skont ir‑rieda tal‑Missier, meta jiena se niġi fil‑glorja tiegħi bil‑qawwiet kollha tas‑smewwiet.
8 U intom qatt ma intom se tesperjenzaw uġigħ il‑mewt; iżda meta jiena niġi fil‑glorja tiegħi, f’ħakka t’għajn se sseħħ bidla fikom, u tgħaddu mill‑mortalità għall‑immortalità; u mbagħad intom tiġu mberkin fis‑saltna ta’ Missieri.
9 U għal darb’oħra, waqt li tkunu qed tgħammru fil‑ġisem, m’intomx se tesperjenzaw uġigħ u lanqas niket ħlief għad‑dnubiet tad‑dinja; u jien se nagħmel dan minħabba dak li intom xtaqtu mingħandi, peress li intom urejtu x‑xewqa li tressqu lejja ruħ il‑bnedmin, sakemm tibqa’ wieqfa d‑dinja.
10 U minħabba f’dan intom se jkollkom il‑milja tal‑hena; u intom se tpoġġu bilqiegħda fis‑saltna ta’ Missieri; iva, intom se tingħataw il‑milja tal‑hena bl‑istess mod kif jiena ngħatajt il‑milja tal‑hena mill‑Missier; u intom għad tkunu sewwasew kif jiena jien, u jiena l‑istess bħall‑Missier; u l‑Missier u jien ħaġa waħda;
11 U l‑Ispirtu s‑Santu jixhed għall‑Missier u għalija; u l‑Missier jagħti l‑Ispirtu s‑Santu lill‑ulied il‑bnedmin, minħabba fija.
12 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem, huwa mess b’sebgħu lil kull wieħed minnhom, ħlief għat‑tlieta li kienu se jibqgħu fuq l‑art, u mbagħad telaq minn fosthom.
13 U araw, is‑smewwiet infetħu, u huma ttieħdu fis‑sema, u huma raw u semgħu ħwejjeġ li ma jitfissrux bil‑kliem.
14 U ġew mitluba sabiex ma jgħidu xejn dwar dan; u huma lanqas ma ngħataw qawwa li jistgħu jitkellmu dwar dak li raw u semgħu;
15 U ma kinux jafu jekk kinux bil‑ġisem jew mingħajr ġisem; għax dehrilhom li seħħet fihom trasfigurazzjoni, li fihom seħħet bidla, minn dan il‑ġisem tal‑laħam għal stat immortali, fejn huma setgħu jaraw b’għajnejhom il‑ħwejjeġ ta’ Alla.
16 Iżda ġara li huma reġgħu bdew jgħallmu fuq wiċċ l‑art; madankollu huma m’għallmux dwar dak li kienu semgħu u raw, minħabba l‑kmandament li kienu ngħataw fis‑smewwiet.
17 U issa, jekk huma kinux mortali jew immortali, mill‑jum tat‑trasfigurazzjoni tagħhom, jiena ma nafx;
18 Iżda li naf hu dan, skont l‑istorja li ngħatat—huma marru jduru fuq wiċċ l‑art, jaqdu lin‑nies kollha, u bdew iwasslu lil ħafna, li bdew jemmnu f’dak li bdew ixandru, biex jingħaqdu mal‑knisja; u lilhom huma bdew jgħammdu, u dawk kollha li tgħammdu rċevew l‑Ispirtu s‑Santu.
19 U huma ġew mixħutin f’ħabs minn dawk li ma kinux parti mill‑knisja. U l‑ħabsijiet ma setgħux iżommuhom, iżda spiċċaw inqasmu fi tnejn.
20 U huma ġew mixħutin taħt l‑art; iżda huma bdew isawtu l‑art permezz tal‑kelma ta’ Alla, hekk li permezz tal‑qawwa tiegħu huma ġew meħlusa mill‑qigħan tal‑art; u b’hekk l‑ebda ħofor li setgħu jħaffru ma setgħu iżommuhom.
21 U tliet darbiet ġew mixħutin f’ħuġġieġa nar bla ma ġralhom xejn.
22 U darbtejn ġew mixħutin ġo ħofra qalb il‑bhejjem selvaġġi; u araw, huma bdew jilagħbu mal‑bhejjem bħalma tifel żgħir jilgħab ma’ ħaruf tal‑ħalib, u ma ġralhom xejn.
23 U ġara li huma marru fost il‑poplu kollu ta’ Nefi, u xandru l‑evanġelju ta’ Kristu lin‑nies kollha fuq wiċċ l‑art; u dawn ikkonvertew għall‑Mulej u ngħaqdu mal‑knisja ta’ Kristu, u b’hekk imberkin tassew kienu n‑nies ta’ dak in‑nisel, skont il‑kelma ta’ Ġesù.
24 U issa, jiena, Mormon, se nieqaf nitkellem għal ftit dwar dawn il‑ħwejjeġ.
25 Araw, jien kont għoddni se naqbad nikteb l‑ismijiet ta’ dawk li qatt ma huma se jduqu l‑mewt, iżda l‑Mulej żammni milli nagħmel dan; għalhekk jien m’iniex se niktibhom, u huma se jibqgħu moħbija mid‑dinja.
26 Iżda araw, jiena lilhom rajthom, u huma ħadu ħsiebi.
27 U araw, huma se jmorru fost il‑Ġentili, u l‑Ġentili mhu se jkollhom l‑ebda għarfien tagħhom.
28 Huma se jmorru wkoll fost il‑Lhud, u l‑Lhud mhu se jkollhom l‑ebda għarfien tagħhom.
29 U għad jiġri li meta l‑Mulej, fl‑għerf tiegħu, jara li jkun xieraq, huma għandhom imorru jwettqu l‑ministeru tagħhom fost it‑tribujiet imxerrda ta’ Iżrael, u fost kull ġens, tribù, ilsien, u poplu, u minn fosthom iressqu bosta erwieħ lejn Ġesù, biex huma jaqtgħu xewqithom, kif ukoll minħabba l‑qawwa konvinċenti ta’ Alla li tinsab fihom.
30 U huma jixbhu lill‑anġli ta’ Alla, u jekk jitolbu lill‑Missier f’isem Ġesù, huma jistgħu juru lilhom infushom lil kwalunkwe bniedem li jħossu li hu xieraq li jagħmlu dan.
31 Għalhekk, permezz tagħhom se jiġu fis‑seħħ bosta għemejjel kbar u tal‑għaġeb, qabel il‑jum kbir li dejjem joqrob, meta l‑bnedmin kollha se jieqfu quddiem it‑tribunal ta’ Kristu;
32 Madankollu, fost il‑Ġentili wkoll se tiġi fis‑seħħ, permezz tagħhom, ħidma kbira u tal‑għaġeb, qabel jum il‑ħaqq.
33 U jekk intom għandkom l‑iskrittura kollha, li tagħti rendikont tal‑għemejjel kollha tal‑għaġeb ta’ Kristu, intom suppost tafu, skont kliem Kristu, li dawn il‑ħwejjeġ żgur li se jiġu fis‑seħħ.
34 U ħażin ikun għalih dak li ma jismax minn kliem Ġesù, kif ukoll minn dawk li huwa għażel u bagħat fosthom; għax min ma jaċċettax kliem Ġesù, u kliem dawk li huwa bagħat, ma jkunx qed jaċċetta lilu; u għalhekk, huwa lilhom ma jaċċettax għandu fl‑aħħar jum;
35 U kien ikun aħjar għalihom li kieku ma twieldu xejn. Għax intom taħsbu li tistgħu tevitaw il‑ħaqq ta’ Alla li jħossu offiż, li lilu l‑bnedmin għaffġu taħt saqajhom, u li permezz tiegħu tistgħu tiksbu s‑salvazzjoni?
36 U issa araw, jiena tkellimt dwar dawk li għażel il‑Mulej, iva, speċjalment dwar dawk it‑tlieta li ttieħdu fis‑smewwiet, u li ma nafx jekk ġewx imsaffija mill‑mortalità għall‑immortalità—
37 Iżda araw, minn l‑aħħar li ktibt, jiena staqsejt lill‑Mulej, u huwa żvela miegħi li kien hemm il‑ħtieġa li sseħħ bidla f’ġisimhom, għax jekk le, huma kien ikollhom iduqu l‑mewt;
38 Għalhekk, biex huma ma jduqux il‑mewt seħħet bidla f’ġisimhom, ħalli huma ma jsofru l‑ebda wġigħ u lanqas niket ħlief għad‑dnubiet tad‑dinja.
39 Issa din il‑bidla ma kenitx l‑istess bħall‑bidla li se sseħħ fl‑aħħar jum; iżda fihom seħħet bidla, hekk li Satana ma jista’ jkollu l‑ebda setgħa fuqhom, ħalli ma jkunx jista’ jġarrabhom; u huma tqaddsu fil‑ġisem, u b’hekk saru qaddisa, u l‑ebda setgħa fid‑dinja ma tista’ żżommhom.
40 U huma se jibqgħu f’dan l‑istat sa jum il‑ħaqq ta’ Kristu; u f’dak il‑jum huma se jesperjenzaw bidla akbar, u se jiġu milqugħin fis‑saltna tal‑Missier fejn minnha ma jitilqu qatt aktar, iżda huma jibqgħu jgħammru ma’ Alla għal dejjem fis‑smewwiet.