Kapitlu 2
Il‑ħażen u l‑abominazzjonijiet jikbru fost il‑poplu—In‑Nefiti u l‑Lamaniti jingħaqdu flimkien biex jiddefendu lilhom infushom kontra l‑briganti Gadjantuni—Il‑Lamaniti li jikkonvertu jsiru bojod u jibdew jissejħu Nefiti. Madwar 5–16 W.K.
1 U ġara li b’hekk għaddiet ukoll is‑sena ħamsa u disgħin, u n‑nies bdew jinsew dawk is‑sinjali u l‑għeġubijiet li kienu semgħu, u aktar ma jmorru anqas bdew iħossuhom mistagħġba b’xi sinjal jew bl‑għeġubijiet mis‑smewwiet, hekk li huma bdew iwebbsu qalbhom, u jdallmu moħħhom, u ma baqgħux jemmnu aktar f’dak li kienu semgħu u raw—
2 U f’qalbhom bdew jimmaġinaw ħwejjeġ fiergħa, u li dak li ġara kien xogħol il‑bnedmin, bil‑qawwa tax‑xitan, biex jingannaw u jqarrqu bi qlub in‑nies; u b’dal‑mod Satana reġa’ ħakem qlub in‑nies, hekk li huwa spiċċa biex għamihom u wassalhom biex jemmnu li d‑duttrina ta’ Kristu kienet xi ħaġa bla sens u fiergħa.
3 U ġara li n‑nies aktar ma jmorru aktar bdew jikbru fil‑ħażen u l‑abominazzjonijiet; u ma kinux jemmu li kellhom jingħataw aktar sinjali jew għeġubijiet; u Satana beda jdur ’l hemm u ’l hawn, iqarraq bi qlub in‑nies, iħeġġiġhom u jwassalhom biex iwettqu ħażen kbir fil‑pajjiż.
4 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena sitta u disgħin; kif ukoll is‑sena sebgħa u disgħin; kif ukoll is‑sena tmienja u disgħin; kif ukoll is‑sena disgħa u disgħin;
5 U kienu għaddew b’kollox mitt sena minn żmien Mosija, li kien sultan fuq il‑poplu Nefita.
6 U għaddew sitt mija u disa’ snin minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm.
7 U kienu għaddew b’kollox disa’ snin minn meta ngħata s‑sinjal, li tkellmu dwaru l‑profeti, li Kristu għandu jiġi fid‑dinja.
8 Issa minn dan il‑perjodu, in‑Nefiti bdew jikkalkulaw iż‑żmien tagħhom minn meta huma ngħataw is‑sinjal, jew aħjar mill‑miġja ta’ Kristu; għalhekk, minn dak iż‑żmien għaddew disa’ snin.
9 U Nefi, li kien missier Nefi, li kellu f’idu l‑annali, ma reġax lura lejn l‑art ta’ Żaraħemla, u huwa baqa’ ma deherx aktar, fl‑ebda naħa tal‑pajjiż.
10 U ġara li n‑nies baqgħu għaddejjin fi ħżunithom, minkejja daqstant predikazzjoni u profeziji li huma rċevew; u b’hekk ġiet fi tmiemha wkoll is‑sena għaxra; u s‑sena ħdax ġiet fi tmiemha wkoll fi stat ta’ ħażen.
11 U ġara li fis‑sena tlettax qamu bosta gwerer u qam bosta tilwim madwar il‑pajjiż kollu; għax l‑għadd ta’ briganti Gadjantuni tant kiber, u huma tant qatlu nies, u għamlu ħerba sħiħa minn daqstant bliet, u wasslu għal daqstant imwiet u massakri madwar il‑pajjiż kollu, li kien hemm bżonn li n‑nies kollha, kemm in‑Nefiti kif ukoll il‑Lamaniti, jaqbdu l‑armi f’idejhom kontrihom.
12 Għalhekk, il‑Lamaniti kollha li kienu kkonvertew għall‑Mulej ingħaqdu ma’ ħuthom, in‑Nefiti, u biex jiddefendu ħajjithom u lin‑nisa u t‑tfal tagħhom, kellhom bilfors jaqbdu l‑armi f’idejhom kontra dawk il‑briganti Gadjantuni, iva, kif ukoll biex jiddefendu drittijiethom, u l‑privileġġi tal‑knisja u tal‑qima tagħhom, u biex jiddefendu wkoll il‑ħelsien u l‑libertà tagħhom.
13 U ġara li qabel ma ġiet fi tmiemha din is‑sena tlettax, in‑Nefiti bdew iħossuhom mhedda li kienu se jispiċċaw jinqerdu għal kollox minħabba din il‑gwerra, li kienet saret waħda mill‑aktar qalila.
14 U ġara li dawk il‑Lamaniti li ngħaqdu man‑Nefiti bdew jitqiesu bħala Nefiti;
15 U tneħħiet minn fuqhom is‑saħta, u l‑ġilda tagħhom saret bajda bħal tan‑Nefiti;
16 U l‑ġuvintur u t‑tfajliet tagħhom saru nies mill‑aktar sbieħ, u huma bdew jitqiesu bħala Nefiti, u bdew jissejħu Nefiti. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tlettax.
17 U ġara li fil‑bidu tas‑sena erbatax, issoktat il‑gwerra bejn il‑briganti u n‑nies ta’ Nefi, u din saret waħda mill‑aktar qalila; madankollu, in‑nies ta’ Nefi kisbu vantaġġ fuq il‑briganti, hekk li huma keċċewhom ’il barra minn artijiethom u ġegħluhom jirtiraw lejn il‑muntanji u l‑moħbiet tagħhom.
18 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena erbatax. U fis‑sena ħmistax huma ġew biex jaħbtu għan‑nies ta’ Nefi; u minħabba l‑ħażen tan‑nies ta’ Nefi, u l‑bosta tilwim u diżgwid li kien hemm bejniethom, il‑briganti Gadjantuni spiċċaw biex kisbu vantaġġ kbir fuqhom.
19 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena ħmistax, u b’hekk in‑nies bdew jesperjenzaw tbatija mill‑aktar kbira; u x‑xabla tal‑qerda spiċċat imdendla fuqhom, hekk li kienu għoddhom se jintlaqtu minnha, u dan kien kollu minħabba ħżunithom.