Skrittura
3 Nefi 7


Kapitlu 7

Il‑prim imħallef jinqatel, il‑gvern jisfa fix‑xejn, u l‑poplu jinqasam fi tribujiet—Ġakobb, li hu anti‑Krist, isir sultan ta’ alleanza sigrieta—Nefi jxandar l‑indiema u l‑fidi fi Kristu—Lilu l‑anġli jaqdu kuljum, u huwa jqajjem lil ħuh mill‑mewt—Bosta jkunu dawk li jindmu u jitgħammdu. Madwar 30–33 W.K.

1 Issa araw, jiena se nurikom li huma ma poġġewx sultan biex isaltan fuq il‑pajjiż; iżda f’din l‑istess sena, iva, fis‑sena tletin, huma marru u qatlu lill‑prim imħallef tal‑pajjiż, iva, lilu huma qatlu fuq is‑siġġu tat‑tribunal.

2 U n‑nies inqasmu, wieħed kontra l‑ieħor; u huma spiċċaw mifrudin minn xulxin fi tribujiet differenti, kull wieħed skont familtu u qrabatu u ħbiebu; u b’hekk huma spiċċaw biex ġabu fix‑xejn il‑gvern tal‑pajjiż.

3 U kull tribù ħatar il‑kap jew il‑mexxej tiegħu; u b’hekk huma saru tribujiet u mexxejja tat‑tribujiet.

4 Issa araw, ma kien hemm l‑ebda raġel fosthom li ma kellux familja kbira u bosta qraba u ħbieb; għalhekk it‑tribujiet tagħhom kibru waħda sew.

5 Issa dan kollu ġie fis‑seħħ, u sa issa ma kien hemm l‑ebda gwerer fosthom; u n‑nies intlaqtu minn dan il‑ħażen kollu għaliex huma ċedew għall‑qawwa ta’ Satana.

6 U r‑regolamenti tal‑gvern ġew fix‑xejn, minħabba l‑alleanza sigrieta tal‑ħbieb u l‑qraba ta’ dawk li qatlu lill‑profeti.

7 U huma kkawżaw bosta tilwim fil‑pajjiż, hekk li anke l‑aktar nies twajbin fost il‑poplu għoddhom spiċċaw ilkoll ħżiena; iva, kien hemm biss ftit, nies twajbin, fosthom.

8 U b’hekk lanqas biss kienu għadhom għaddew sitt snin meta l‑biċċa l‑kbira tan‑nies spiċċaw abbandunaw it‑triq tas‑sewwa, bħal kelb li dar għall‑vomtu tiegħu, jew bħall‑ħanżira li spiċċat titmiegħek fit‑tajn.

9 Issa dawk li kienu jagħmlu parti mill‑alleanza sigrieta, li ġabu daqstant ħażen fuq il‑poplu, inġabru flimkien, u poġġew bħala l‑kap tagħhom lil wieħed li kienu jsejħulu Ġakobb;

10 U huma bdew jirreferu għalih bħala s‑sultan tagħhom; għalhekk huwa sar sultan ta’ din it‑tajfa ta’ nies ħżiena; u huwa kien wieħed mill‑aktar nies voċiferi kontra l‑profeti li xehdu dwar Ġesù.

11 U issa ġara li huma ma kinux numerużi daqs it‑tribujiet tan‑nies, li kienu magħqudin flimkien, minkejja li l‑mexxejja tagħhom kienu fasslu l‑liġijiet tagħhom, kull wieħed skont it‑tribù tiegħu; madankollu huma kienu għedewwa; minkejja li ma kinux xi nies twajbin, huma kienu magħqudin fil‑mibegħda tagħhom lejn dawk li daħlu f’patt li jeqirdu l‑gvern.

12 Għalhekk, Ġakobb, li kien is‑sultan tat‑tajfa, meta ra li l‑għedewwa tagħhom kienu aktar numerużi minnhom, ordna lin‑nies tiegħu sabiex jaħarbu lejn l‑aktar post imbiegħed li kien hemm fit‑tramuntana tal‑pajjiż, u hemm jibnu għalihom saltna, sakemm magħhom jingħaqdu d‑dissidenti, (għax b’ħafna kliem ħelu beda jgħidilhom li kienu se jkunu ħafna d‑dissidenti) u huma jissaħħu biżżejjed li jkunu jistgħu jeħduha kontra t‑tribujiet tal‑poplu, u hekk għamlu.

13 U tant ħarbu minn hemm b’għaġla li ħadd ma seta’ jwaqqafhom, sakemm huma waslu fejn ħadd ma seta’ jilħaqhom. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tletin; u dan kien dak li seħħ fost il‑poplu ta’ Nefi.

14 U ġara li fis‑sena wieħed u tletin huma nqasmu f’diversi tribujiet, kull raġel skont familtu, qrabatu u ħbiebu; madankollu huma waslu fi qbil li ma kienu se jibdew l‑ebda gwerra bejniethom; iżda ma kienx hemm qbil bejniethom fejn jidħlu liġijiet, u x’tip ta’ gvern kellu jkollhom, għax dawn il‑liġijiet kienu mfassla skont kif kienu jaħsbuha dawk li kienu l‑kapijiet u l‑mexxejja tagħhom. Iżda huma fasslu liġijiet mill‑aktar stretti, fejn l‑ebda tribù m’għandu jitratta b’mod ħażin lil xi tribù ieħor, hekk li sa ċertu punt huma esperjenzaw il‑paċi fil‑pajjiż; madankollu, qalbhom kienet tbiegħdet mill‑Mulej Alla tagħhom, u huma ħaġġru lill‑profeti u keċċewhom ’il barra minn fosthom.

15 U ġara li Nefi—peress li dehrulu l‑anġli u sema’ wkoll leħen il‑Mulej, għalhekk, peress li huwa ra l‑anġli b’għajnejh stess, u kien ġie mogħti l‑qawwa li seta’ jkun jaf dwar il‑ministeru ta’ Kristu, u peress li ra wkoll b’għajnejh stess kif fi żmien tassew qasir, huma, minn ħajja tajba, spiċċaw iwettqu daqstant ħażen u abominazzjonijiet;

16 Għalhekk, b’qalbu sewda minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom u l‑għama ta’ moħħhom—mar f’nofshom, f’dik l‑istess sena, u beda jaqsam magħhom b’qawwa x‑xhieda tiegħu dwar l‑indiema u l‑maħfra tad‑dnubiet permezz tal‑fidi fil‑Mulej Ġesù Kristu.

17 U hu beda jgħallimhom bosta ħwejjeġ; u lkoll kemm huma ma jistgħux jinkitbu, u mhux biżżejjed li jien nikteb biss ftit minnhom, u għalhekk mhumiex miktubin f’dan il‑ktieb. U Nefi għallimhom b’qawwa u b’awtorità kbira.

18 U ġara li huma ħaduha kontrih, l‑aktar minħabba li hu kellu qawwa aktar minnhom, għax kien impossibbli li huma ma jemmnux kliemu, għax huwa tant kellu fidi kbira fil‑Mulej Ġesù Kristu li l‑anġli bdew jaqduh ta’ kuljum.

19 U f’isem Ġesù huwa keċċa x‑xjaten u l‑ispirti mniġġsa; u huwa anke qajjem lil ħuh mill‑mewt, wara li huwa ġie mħaġġar u maqtul min‑nies.

20 U n‑nies raw dan b’għajnejhom, u kienu xhieda ta’ dan, u huma ħaduha kontrih minħabba l‑qawwa tiegħu; u huwa wettaq ukoll ferm aktar mirakli, quddiem għajnejn il‑poplu, f’isem Ġesù.

21 U ġara li s‑sena wieħed u tletin ġiet fi tmiemha wkoll, u ftit biss kienu dawk li kkonvertew għall‑Mulej; iżda dawk kollha li kkonvertew bdew jgħarrfu lin‑nies li huma kellhom żjara mill‑qawwa u l‑Ispirtu ta’ Alla, li kienu jinsabu f’Ġesù Kristu, li huma kienu jemmnu fih.

22 U dawk kollha li minnhom ġew imkeċċijin ix‑xjaten, u li ġew imfejqa mill‑mard u d‑dgħufijiet tagħhom, bdew sewwasew jgħidu lin‑nies li l‑Ispirtu ta’ Alla kien ħadem fuqhom, u li huma kienu ġew imfejqa; u huma wrew ukoll ċerti sinjali u wettqu bosta mirakli fost il‑poplu.

23 B’hekk għaddiet ukoll is‑sena tnejn u tletin. U fil‑bidu tas‑sena tlieta u tletin Nefi beda jxandar il‑kelma fost il‑poplu; u huwa xandrilhom l‑indiema u l‑maħfra tad‑dnubiet.

24 Issa nixtieqkom tiftakru wkoll li ma kien hemm ħadd li twassal għall‑indiema li ma kienx ġie mgħammed bl‑ilma.

25 Għalhekk, kien hemm numru ta’ rġiel li ġew ordnati minn Nefi għal dan il‑ministeru, biex dawk kollha li jmorru għandhom jiġu mgħammdin bl‑ilma, u huma jagħmlu dan bħala xhieda u testimonjanza quddiem Alla u quddiem il‑poplu, li huma kienu nidmu u kisbu maħfra ta’ dnubiethom.

26 U fil‑bidu ta’ din is‑sena kien hemm bosta li ġew mgħammdin għall‑Indiema; u b’hekk għaddiet parti sewwa mis‑sena.