Skrittura
3 Nefi 8


Kapitlu 8

Tempesti, terrimoti, nirien, irwiefen, u diżastri naturali jagħtu xhieda tal‑kruċifissjoni ta’ Kristu—Bosta nies jisfaw meqruda—Dalma tgħatti l‑art għal tlett ijiem sħaħ—Dawk li jibqgħu ħajjin jibku destinhom. Madwar 33–34 W.K.

1 U issa ġara li skont l‑annali tagħna, u aħna nafu li l‑annali tagħna huma vera, għax araw, kien bniedem ġust li żamm għandu l‑annali—għax huwa tabilħaqq wettaq bosta mirakli f’isem Ġesù; u l‑ebda bniedem ma seta’ jwettaq xi miraklu f’isem Ġesù jekk huwa ma kienx mnaddaf għal kollox minn ħżunitu—

2 U issa ġara li jekk dan ir‑raġel ma ħa l‑ebda żball fil‑kalkolu taż‑żmien li aħna qed nimxu fuqu, mela issa ġiet fi tmiemha s‑sena tlieta u tletin;

3 U n‑nies bdew jistennew b’ħerqa kbira s‑sinjal li kien ingħata mill‑profeta Samwel, il‑Lamanita, iva, li jindika ż‑żmien li fih għandu jkun hemm dalma għal tlett ijiem sħaħ fuq wiċċ l‑art kollha.

4 U bdew iqumu dubji kbar u ħafna tilwim fost il‑poplu, minkejja l‑bosta sinjali li kienu ngħataw.

5 U ġara li fir‑raba’ jum tal‑ewwel xahar tas‑sena erbgħa u tletin, qamet maltempata kbira, li ħadd qatt ma kien ra bħalha madwar il‑pajjiż kollu.

6 U qamet ukoll tempesta kbira u tal‑biża’; u beda jriegħed bl‑ikrah, hekk li l‑art kollha bdiet titriegħed bħallikieku kienet għoddha se tinqasam fi tnejn.

7 U beda jberraq bil‑kbir, b’mod li ħadd qatt ma kien ra bħalu madwar il‑pajjiż kollu.

8 U l‑belt ta’ Żaraħemla nħakmet minn nirien.

9 U l‑belt ta’ Moroni sfat mgħarrqa f’qiegħ il‑baħar, u dawk li kienu jgħammru fiha spiċċaw għerqu.

10 U dak kollu li kien fuq wiċċ l‑art spiċċa nġarr għal fuq il‑belt ta’ Moronija, u post il‑belt ittieħed minn muntanja mill‑aktar kbira.

11 U fl‑art tan‑nofsinhar kien hemm qerda mill‑aktar kbira u tal‑biża’.

12 Iżda araw, il‑qerda li kien hemm fl‑art tat‑tramuntana kienet ferm akbar u ferm aktar tal‑biża’; għax araw, il‑wiċċ kollu tal‑art ma baqax aktar li kien, minħabba t‑tempesta u l‑irwiefen, u r‑ragħad u l‑beraq, u t‑theżżiż mill‑aktar kbir li kien hemm fuq wiċċ l‑art kollha.

13 U t‑toroq ewlenin inqasmu, u t‑toroq l‑oħra saritilhom ħsara kbira, u bosta postijiet lixxi spiċċaw imħarbta.

14 U ħafna bliet kbar u importanti spiċċaw taħt l‑ilma, u bosta minnhom inħakmu minn nirien, u ħafna triegħdu tant li l‑bini tagħhom spiċċa kkrolla, u n‑nies li kienu jgħammru fihom sfaw maqtula, u l‑postijiet spiċċaw ħerba.

15 U kien hemm xi bliet li baqgħu f’posthom; iżda l‑ħsara li saritilhom kienet mill‑aktar kbira, u fihom kien hemm ħafna li sfaw maqtula.

16 U kien hemm xi wħud li ġarrhom ir‑riefnu; u fejn spiċċaw ħadd ma jaf, għajr dawk stess li nġarrew mar‑riefnu.

17 U b’hekk il‑wiċċ kollu tal‑art ma baqax aktar kif kien qabel, minħabba t‑tempesti, u r‑ragħad, u l‑beraq, u t‑theżżiż tal‑art.

18 U araw, il‑blat inqasam fi tnejn; inqasam mal‑wiċċ kollu tal‑art, hekk li l‑frak tiegħu stajt issibu fil‑biċċiet imfarrka, u fil‑qsim u fix‑xquq li kien hemm fuq wiċċ l‑art kollha.

19 U ġara li meta waqaf ir‑ragħad, u l‑beraq, u l‑maltemp, u t‑theżżiż tal‑art—għax araw, dan kollu dam sejjer għal tliet sigħat sħaħ; u xi wħud qalu li dam sejjer saħansitra aktar; madankollu, dawn il‑ħwejjeġ kbar u tal‑biża’ seħħew fi spazju ta’ madwar tliet sigħat—u araw, mbagħad waqgħet dalma fuq wiċċ l‑art.

20 U ġara li waqa’ ċpar iswed fuq wiċċ l‑art kollha, hekk li n‑nies li ma nqatlux, li kienu jgħammru fiha, setgħu jħossu l‑fwar tad‑dalma;

21 U ma seta’ jkun hemm l‑ebda dawl, minħabba d‑dalma, u la kien hemm xemgħat u lanqas torċi; għax huma ma setgħu jqabbdu l‑ebda n‑nar bl‑injam fin u mill‑aktar niexef tagħhom, għalhekk ma seta’ jkun hemm l‑ebda dawl;

22 U ma beda jidher l‑ebda dawl, la nar, u lanqas dawl inemnem, la xemx, u lanqas qamar, u l‑ebda kwiekeb, għax daqshekk kienet kbira d‑dalma ċpar li waqgħet fuq wiċċ l‑art.

23 U ġara li din id‑dalma damet għal tlett ijiem sħaħ, fejn ma beda jidher l‑ebda dawl; u beda jinstama’ ħafna lfiq, tinwiħ u biki bla heda fost il‑poplu kollu; iva, kbir kien it‑tnehid tan‑nies, minħabba d‑dalma u l‑qerda kbira li ġiet fuqhom.

24 U kien hemm inħawi li fihom instemgħu jgħajtu u jgħidu: O li kieku aħna ndimna qabel dan il‑jum kbir u tal‑biża’, għax kieku ħutna kienu jeħilsuha, u ma kinux jispiċċaw jinħarqu f’dik il‑belt kbira ta’ Żaraħemla.

25 U f’inħawi oħra nstemgħu jgħajtu, jibku u jgħidu: O li kieku aħna ndimna qabel dan il‑jum kbir u tal‑biża’, u li kieku ma qtilniex u ma ħaġġarniex u ma keċċejniex ’il barra lill‑profeti; kieku ommijietna u l‑bniet sbieħ tagħna, u t‑tfal tagħna kienu jeħilsuha, u mhux issa spiċċaw midfuna f’dik il‑belt kbira ta’ Moronija. U b’hekk il‑krib tal‑poplu kien mill‑aktar kbir u tal‑biża’.