Skrittura
Ħelaman 10


Kapitlu 10

Il‑Mulej jagħti lil Nefi l‑qawwa tas‑siġill—Huwa jiġi mogħti l‑qawwa li jorbot u jħoll fuq l‑art u fis‑smewwiet—Huwa jordna lin‑nies biex jindmu jew inkella jinqerdu—L‑Ispirtu jġorru minn miġemgħa għall‑oħra. Madwar 21–20 Q.K.

1 U ġara li seħħet qasma fi ħdan il‑poplu, min mar ’l hemm u min mar ’l hawn u kulħadd mar għal triqtu, u ħallew lil Nefi waħdu, waqt li huwa kien wieqaf f’nofshom.

2 U ġara li Nefi rħielha lejn daru, jixtarr dwar dawk il‑ħwejjeġ li wrieh il‑Mulej.

3 U b’hekk ġara li waqt li kien qed jixtarr—hu li kien mnikket għall‑aħħar minħabba l‑ħażen tal‑poplu Nefita, l‑għemejjel sigrieti tad‑dlam tagħhom, u l‑qtil tagħhom, u s‑serq tagħhom, u kull xorta ta’ ħażen ieħor—u b’hekk ġara li waqt li kien qed jixtarr f’qalbu, araw, huwa sema’ leħen jgħidlu:

4 Hieni inti, Nefi, għal dak kollu li inti wettaqt; għax jiena rajt kif inti xandart bla heda l‑kelma li jiena żvelajtlek ma’ dan il‑poplu. U inti ma bżajtx minnhom, u ma qgħadtx tibża’ għal ħajtek, iżda rajt li tagħmel ir‑rieda tiegħi, u li tħares il‑kmandamenti tiegħi.

5 U issa, għax inti għamilt dan b’tant persistenza, ara, jiena se nbierkek għal dejjem; u jien se nagħtik il‑qawwa fil‑kelma u fl‑għemil, fil‑fidi u f’dak kollu li tagħmel; iva, isir minnek sewwasew skont kelmtek, għax inti m’inti se titlob xejn li jmur kontra r‑rieda tiegħi.

6 Ara, inti Nefi, u jiena Alla. Ara, jiena se nistqarr miegħek fil‑preżenza tal‑anġli tiegħi, li inti sejjer ikollok il‑qawwa fuq dan il‑poplu, u int se tidrob l‑art permezz tal‑ġuħ, u l‑pesta, u l‑qerda, skont il‑ħażen ta’ dan il‑poplu.

7 Ara, jiena nagħtik qawwa, li kull ma tissiġilla fuq l‑art ikun issiġillat fis‑smewwiet; u kull ma tħoll fuq l‑art ikun maħlul fis‑smewwiet; u din hi l‑qawwa li inti se jkollok fost dan il‑poplu.

8 U għalhekk, jekk lil dan it‑tempju inti tgħidlu biex jinqasam fi tnejn, hekk isir.

9 U jekk lil din il‑muntanja inti tgħidilha, Irridek iċċedi u ssir terrapien, hekk isir.

10 U ara, jekk inti tgħid li Alla se jidrob lil dan il‑poplu, hekk jiġri.

11 U issa ara, jiena qed nordnalek biex inti tmur u xxandar il‑kelma lil dan il‑poplu, u tgħidlu li dan hu li qal il‑Mulej Alla, Dak li jista’ kollox: Jekk intom ma tindmux intom se tiġu midruba, u sejrin tinqerdu.

12 U araw, issa ġara li meta l‑Mulej qal dan il‑kliem lil Nefi, huwa waqaf u ma kompliex sejjer lejn daru, iżda reġa’ lura lejn il‑miġemgħa li kienet imxerrda ma’ wiċċ l‑art, u beda jxandrilhom il‑kelma tal‑Mulej, li ġiet imxandra lilu, dwar il‑qerda tagħhom jekk huma ma jindmux.

13 Issa araw, minkejja dak il‑miraklu tant kbir li għamel Nefi meta għarrafhom bil‑mewt tal‑prim imħallef, huma webbsu qalbhom u ma tawx widen għal kliem il‑Mulej.

14 Għalhekk Nefi xandrilhom il‑kelma tal‑Mulej u qalilhom: Jekk intom ma tindmux, dan jgħid il‑Mulej, intom se tisfaw midruba, hekk li sejrin tinqerdu.

15 U ġara li meta Nefi xandrilhom il‑kelma, araw, huma baqgħu jwebbsu qalbhom u ma ridux jagħtu widen għal kliemu; għalhekk huma bdew iżebilħuh, u ppruvaw jaqbduh taħt idejhom ħalli jkunu jistgħu jixħtuh il‑ħabs.

16 Iżda araw, il‑qawwa ta’ Alla kienet miegħu, u huma ma setgħux jaqbduh u jixħtuh il‑ħabs, għax huwa ttieħed mill‑Ispirtu u warrab minn nofshom.

17 U b’hekk ġara li huwa beda jżur miġemgħa wara l‑oħra fl‑Ispirtu, ixandar il‑kelma ta’ Alla, sewwasew sakemm xandarha ma’ kulħadd, jew sakemm ra li tkun imxandra fost il‑poplu kollu.

18 U ġara li huma ma tawx widen ta’ kliemu; u huma bdew jitlewmu bejniethom, hekk li bdew jinqasmu fi gruppi differenti u bdew joqtlu lil xulxin permezz tax‑xabla.

19 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena wieħed u sebgħin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.