Kapitlu 2
Ħelaman, bin Ħelaman, isir prim imħallef—Gadjantun imexxi t‑tajfa ta’ Kiskumeni—Il‑qaddej ta’ Ħelaman joqtol lil Kiskumeni, u t‑tajfa ta’ Gadjantun taħrab lejn ix‑xagħri. Madwar 50–49 Q.K.
1 U ġara li fis‑sena tnejn u erbgħin tas‑saltna tal‑imħallfin, wara li Moronija reġa’ ġab il‑paċi mill‑ġdid bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti, araw ma kien hemm ħadd min jimla s‑siġġu tat‑tribunal; għalhekk reġa’ beda jqum it‑tilwim bejn il‑poplu dwar min għandu jimla s‑siġġu tat‑tribunal.
2 U ġara li Ħelaman, li kien bin Ħelaman, inħatar biex jimla s‑siġġu tat‑tribunal, skont ir‑rieda tal‑poplu.
3 Iżda araw, Kiskumeni, li kien qatel lil Paħoran, baqa’ jistenna sabiex jeqred lil Ħelaman ukoll; u hu kellu l‑appoġġ tat‑tajfa tiegħu, li kienu daħlu f’patt li ħadd ma kellu jsir jaf dwar ħżunitu.
4 Għax kien hemm raġel jismu Gadjantun, li kien espert mill‑kbar fit‑tlablib, kif ukoll fl‑għemejjel qarrieqa, u kif iwettaq l‑għemejjel sigrieti tal‑qtil u s‑serq; għalhekk huwa sar il‑mexxej tat‑tajfa ta’ Kiskumeni.
5 Għalhekk lilhom qagħad jgħidilhom ħafna kliem ħelu, u l‑istess lil Kiskumeni, li jekk jaħtruh biex jimla s‑siġġu tat‑tribunal huwa jara li dawk li jagħmlu parti mit‑tajfa tiegħu jingħataw il‑poter u l‑awtorità fost il‑poplu; għalhekk Kiskumeni pprova jeqred lil Ħelaman.
6 U ġara li hekk kif huwa beda riesaq lejn is‑siġġu tat‑tribunal biex joqtol lil Ħelaman, araw wieħed mill‑qaddejja ta’ Ħelaman, li kien jinsab barra mal‑lejl, ħeba d‑dehra tiegħu, u b’hekk sar jaf dwar il‑pjanijiet li din it‑tajfa fasslet biex teqred lil Ħelaman—
7 U ġara li huwa ltaqa’ ma’ Kiskumeni, u għamillu sinjal; għalhekk Kiskumeni għarrfu bil‑mottiv ta’ xewqtu li huwa jwasslu sas‑siġġu tat‑tribunal ħalli jkun jista’ joqtol lil Ħelaman.
8 U meta l‑qaddej ta’ Ħelaman sar jaf x’kien hemm f’qalb Kiskumeni, u li l‑mottiv tiegħu kien li joqtol, u l‑mottiv ta’ dawk kollha li kienu jagħmlu parti mit‑tajfa tiegħu kien ukoll li joqtlu, u li jisirqu, u li jiksbu l‑poter, (u dan kien il‑pjan sigriet u l‑alleanzi tagħhom) il‑qaddej ta’ Ħelaman qal lil Kiskumeni: Ejja mmorru ħdejn is‑siġġu tat‑tribunal.
9 Issa din kienet ħaġa li għoġbot ferm lil Kiskumeni, għax huwa ħaseb li kien se jirnexxielu jwettaq il‑pjan tiegħu; iżda araw, il‑qaddej ta’ Ħelaman, hekk kif huma kienu sejrin lejn is‑siġġu tat‑tribunal, dar fuq Kiskumeni u niffidlu qalbu, u huwa waqa’ mejjet mal‑art bla ma biss għamel ħoss. U hu telaq jiġri u mar jgħid lil Ħelaman b’dak kollu li huwa ra, u sema’, u għamel.
10 U ġara li Ħelaman ordna biex huma jmorru u jaqbdu lil din it‑tajfa ta’ briganti u qattiela sigrieti, u jeħduhom sabiex jingħataw il‑mewt skont il‑liġi.
11 Iżda araw, meta Gadjantun sar jaf li Kiskumeni ma reġax lura, beda jibża’ li huwa kien se jinqatel; għalhekk ordna lit‑tajfa tiegħu biex tkompli timxi warajh. U huma ħarbu ’l barra mill‑pajjiż, u qabdu rotta sigrieta lejn ix‑xagħri; u b’hekk meta Ħelaman bagħathom biex jaqbduhom huma ma kienu jidhru mkien.
12 U se nitkellmu aktar dwar dan Gadjantun aktar tard. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tnejn u erbgħin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.
13 U araw, fi tmien dan il‑ktieb sejrin taraw li dan Gadjantun wassal għall‑waqgħa, iva, kważi għall‑qerda sħiħa tal‑poplu ta’ Nefi.
14 Araw jiena mhux qed nirreferi għat‑tmiem tal‑ktieb ta’ Ħelaman, iżda qed nirreferi għat‑tmiem tal‑ktieb ta’ Nefi, li minnu ħadt ir‑rakkont kollu li jiena ktibt.