Kapitlu 11
Nefi jipperswadi lill‑Mulej biex minflok il‑gwerra jibgħatilhom il‑ġuħ—Bosta nies jispiċċaw mejta—Huma jindmu, u Nefi jitlob b’ħerqa lill‑Mulej għax‑xita—Nefi u Leħi jirċievu bosta rivelazzjonijiet—Il‑briganti Gadjantuni jaħkmu l‑art f’idejhom. Madwar 20–6 Q.K.
1 U issa ġara li fis‑sena tnejn u sebgħin tas‑saltna tal‑imħallfin it‑tilwim kompla jikber, hekk li kien hemm għadd ta’ gwerer madwar il‑pajjiż kollu fost il‑poplu kollu ta’ Nefi.
2 U kienet sewwasew din it‑tajfa sigrieta ta’ briganti li mexxiet dawn l‑għemejjel ta’ qerda u ħażen. U din il‑gwerra baqgħet sejra sal‑aħħar ta’ dik is‑sena; u baqgħet għaddejja wkoll fis‑sena tlieta u sebgħin.
3 U ġara li f’din is‑sena Nefi sejjaħ lill‑Mulej u qallu:
4 O Mulej, la tħallix li dan il‑poplu jinqered permezz tax‑xabla; iżda O Mulej, nitolbok biex minflok il‑gwerra tibgħat il‑ġuħ fil‑pajjiż, biex dan iqanqalhom ħalli huma jibdew jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom, u forsi jindmu u jduru lejk.
5 U kollox seħħ skont kliem Nefi. U waqa’ ġuħ kbir fuq l‑art, fost il‑poplu kollu ta’ Nefi. U b’hekk fis‑sena erbgħa u sebgħin il‑ġuħ kompla jippersisti, u ġew fi tmiemhom l‑għemejjel tal‑qerda permezz tax‑xabla iżda spiċċaw ibatu bil‑kbir minħabba l‑ġuħ.
6 U dawn l‑għemejjel tal‑qerda komplew ukoll fis‑sena ħamsa u sebgħin. Għax l‑art intlaqtet minn nixfa kbira, u ma bdietx tipproduċi qamħ fi żmien il‑qamħ; u ġiet milquta l‑art kollha, kemm fost il‑Lamaniti kif ukoll fost in‑Nefiti, hekk li huma ntlaqtu b’tali mod li kienu eluf fosthom li sfaw meqruda fl‑inħawi tal‑pajjiż fejn kien hemm l‑aktar ħażen.
7 U ġara li n‑nies raw li kienu għoddhom se jmutu bil‑ġuħ, u huma bdew jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom; u bdew jiftakru kliem Nefi.
8 U n‑nies bdew jitolbu b’ħerqa lill‑prim imħallfin u lill‑mexxejja tagħhom, biex lil Nefi jgħidulu: Ara, aħna nafu li inti bniedem ta’ Alla, u għalhekk nitolbuk titlob lill‑Mulej Alla tagħna biex huwa jraġġa’ lura minna dan il‑ġuħ, ma jmurx il‑kliem kollu li għidt dwar il‑qerda tagħna jiġi fis‑seħħ.
9 U ġara li l‑imħallfin qalu lil Nefi x’kienet ix‑xewqa tan‑nies. U ġara li meta Nefi ra li n‑nies kienu nidmu u umiljaw ruħhom, u libsu l‑ilbies tal‑ixkejjer, huwa reġa’ sejjaħ lill‑Mulej u qallu:
10 O Mulej, nitolbok tħares lejn dan il‑poplu u tara li huma nidmu; u huma keċċew minn fosthom it‑tajfa ta’ Gadjantun hekk li dawn inqerdu għal kollox, u spiċċaw ħbew il‑pjanijiet sigrieti tagħhom fl‑art.
11 Issa, O Mulej, minħabba li huma umiljaw ruħhom, nitolbok biex traġġa’ lura l‑għadab tiegħek, u biex tissodisfa l‑għadab tiegħek fil‑qerda ta’ dawk in‑nies ħżiena li diġà wassalt għall‑qerda tagħhom.
12 O Mulej, nitolbok traġġa’ lura l‑għadab tiegħek, iva, il‑qilla tal‑għadab tiegħek, u ġġib fi tmiemu l‑ġuħ li hawn f’din l‑art.
13 O Mulej, nitolbok tismagħni, u tara li jseħħ skont kliemi, u tibgħat ix‑xita fuq wiċċ l‑art, biex hija tipproduċi l‑frott tagħha, u l‑qamħ tagħha fi żmien il‑qamħ.
14 O Mulej, inti smajt kliemi meta jiena għidt, nitolbok biex tibgħat il‑ġuħ, ħalli tiġi fi tmiemha l‑pesta tax‑xabla; u jiena naf li inti, anke f’dan il‑mument, sejjer tisma’ kliemi, għax inti għidt li: Jekk dan il‑poplu jindem jiena nħenn għalih.
15 Iva, O Mulej, u inti tista’ tara li huma nidmu, minħabba li huma ntlaqtu mill‑ġuħ u l‑pesta u l‑qerda.
16 U issa, O Mulej, nitolbok traġġa’ lura l‑għadab tiegħek, u għal darb’oħra nitolbok tara jekk humiex lesti li jaqduk? U jekk hu hekk, O Mulej, nitolbok biex lilhom inti tbierek skont kelmtek.
17 U ġara li fis‑sena sitta u sebgħin il‑Mulej raġġa’ lura l‑għadab tiegħu mill‑poplu, u huwa bagħat ix‑xita fuq l‑art, hekk li hija pproduċiet il‑frott tagħha fi żmien frottha. U ġara li hija pproduċiet il‑qamħ tagħha fi żmien qamħha.
18 U araw, il‑poplu thenna u ta glorja lil Alla, u fuq wiċċ l‑art kollha bdiet issaltan hena kbira; u huma ma ppruvawx aktar jeqirdu lil Nefi, iżda bdew iqisuh bħala profeta kbir, u bniedem ta’ Alla, li ngħatat lilu qawwa u awtorità kbira minn Alla.
19 U araw, ħuh Leħi ma kienx anqas minnu fejn tidħol is‑sewwa.
20 U b’hekk ġara li n‑nies ta’ Nefi għal darb’oħra beda jkollkom ir‑risq f’arthom, u huma bdew jibnu l‑ħerbiet tagħhom, u bdew jitkattru u jinfirxu sew, hekk li huma mlew wiċċ l‑art kollha, kemm fin‑naħa tat‑tramuntana kif ukoll fin‑naħa tan‑nofsinhar, mill‑baħar tal‑punent sal‑baħar tal‑lvant.
21 U ġara li s‑sena sitta u sebgħin intemmew fil‑paċi. U s‑sena sebgħa u sebgħin bdiet fil‑paċi; u l‑knisja nfirxet mal‑wiċċ kollu tal‑art u l‑biċċa l‑kbira tan‑nies, kemm in‑Nefiti kif ukoll il‑Lamaniti, kienu jagħmlu parti mill‑knisja; u f’arthom bdiet issaltan paċi kbira; u b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena sebgħa u sebgħin.
22 U l‑paċi kompliet issaltan fosthom ukoll fis‑sena tmienja u sebgħin, għajr għal ftit tilwim li qam dwar dawk il‑punti tad‑duttrina li ġew stabbiliti mill‑profeti.
23 U fis‑sena disgħa u sebgħin beda jqum ħafna ġlied. Iżda ġara li Nefi u Leħi, u ħafna minn ħuthom li kienu jafu sewwa l‑punti vera tad‑duttrina, peress li ta’ kuljum kien ikollhom bosta rivelazzjonijiet, bdew ixandru l‑kelma lin‑nies, hekk li f’dik l‑istess sena huma ġabu fi tmiemu l‑ġlied li kien qam bejniethom.
24 U ġara li fis‑sena tmenin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, kien hemm xi wħud li kienu nqatgħu minn man‑nies ta’ Nefi, li xi snin qabel kienu marru u ngħaqdu mal‑Lamaniti, u li kienu bdew isejħu lilhom infushom Lamaniti, u kien hemm ukoll xi wħud li kienu tassew ta’ nisel Lamanita, li kienu ġew imqanqla biex jimtlew bil‑għadab minnhom, jew aħjar minn dawk id‑dissidenti, u huma taw bidu għal gwerra kontra ħuthom.
25 U huma bdew joqtlu u jisirqu; u mbagħad imorru lura fil‑muntanji, u fix‑xagħri u fil‑moħbiet tagħhom, fejn hemmhekk bdew jistaħbew ħalli ħadd ma jsibhom, u kuljum huma bdew jilqgħu fosthom aktar nies, diment li kien għad baqa’ aktar dissidenti xi jmorru fosthom.
26 U b’hekk maż‑żmien, iva, sewwasew fi spazju ta’ ftit snin biss, huma saru tajfa ta’ briganti mill‑aktar kbira; u bdew ifittxu u jiskopru l‑pjanijiet sigrieti kollha ta’ Gadjantun; u b’hekk huma saru l‑briganti ta’ Gadjantun.
27 Issa araw, dawn il‑briganti wasslu għal devastazzjoni kbira, iva, sewwasew għal qerda kbira fost il‑poplu ta’ Nefi, kif ukoll fost il‑poplu Lamanita.
28 U ġara li kien hemm bżonn li jkun hemm waqfien minn dawn l‑għemejjel ta’ qerda; għalhekk huma bagħtu armata ta’ rġiel mill‑aktar b’saħħithom fix‑xagħri u fuq il‑muntanji biex ifittxu lil din it‑tajfa ta’ briganti, u jeqirduhom.
29 Iżda araw, ġara li f’dik l‑istess sena huma ġew imġiegħla jirtiraw lura lejn artijiethom. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmenin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.
30 U ġara li fil‑bidu tas‑sena wieħed u tmenin huma marru jeħduha kontra din it‑tajfa ta’ briganti, u spiċċaw qatlu ħafna minnhom; u huma ntlaqtu wkoll minn qerda kbira.
31 U għal darb’oħra huma ġew imġiegħla jitilqu ’l barra mix‑xagħri u minn qalb il‑muntanji u jerħulha lejn artijiethom, minħabba n‑numru mill‑aktar kbir ta’ briganti li kienu infestaw il‑muntanji u x‑xagħri.
32 U ġara li b’hekk ġiet fi tmiemha din is‑sena. U l‑briganti komplew jiżdiedu u jissaħħu, hekk li huma bdew jisfidaw l‑armati kollha tan‑Nefiti, kif ukoll tal‑Lamaniti; u huma wasslu lin‑nies li kien hemm fuq il‑wiċċ kollu tal‑art biex jinħakmu minn biża’ liema bħalha.
33 Iva, għax huma marru f’kull naħa tal‑pajjiż, u għamlu ħerba sħiħa minnha; iva, huma qatlu bosta nies, u oħrajn ħaduhom bħala lsira fix‑xagħri, iva, b’mod speċjali lin‑nisa u lit‑tfal tagħhom.
34 Issa dan il‑ħażen kollu, li laqat lin‑nies minħabba ħżunithom, qanqalhom għal darb’oħra biex huma jerġgħu jibdew jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom.
35 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena wieħed u tmenin tas‑saltna tal‑imħallfin.
36 U fis‑sena tnejn u tmenin huma reġgħu bdew jinsew lill‑Mulej Alla tagħhom. U fis‑sena tlieta u tmenin huma bdew jikbru fi ħżunithom. U fis‑sena erbgħa u tmenin huma baqgħu ma bidlux ħajjithom.
37 U ġara li fis‑sena ħamsa u tmenin huma aktar bdew jitkabbru, u jikbru fi ħżunithom; u b’hekk huma kienu jinsabu għal darb’oħra lesti għall‑qerda.
38 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena ħamsa u tmenin.