Kapitlu 9
Messaġġiera jsibu lill‑prim imħallef mejjet fis‑siġġu tat‑tribunal—Huma jinxteħtu l‑ħabs u wara jinħelsu—Permezz tal‑ispirazzjoni Nefi jidentifika lil Seantu bħala l‑qattiel—Nefi jiġi aċċettat minn xi wħud bħala profeta. Madwar 23–21 Q.K.
1 Araw, issa ġara li meta Nefi qal dan il‑kliem, ċerti rġiel li kien hemm fosthom telqu jiġru lejn is‑siġġu tat‑tribunal; iva, kienu sewwasew ħamsa li marru, u huma u sejrin bdew jgħidu bejniethom:
2 Araw, issa aħna se nkunu nafu fiċ‑ċert jekk dan ir‑raġel huwiex profeta u jekk Alla ordnalux biex iħabbrilna ħwejjeġ tal‑għaġeb bħal dawn. Araw, aħna ma nemmnux li hu l‑każ; iva, ma nemmnux li huwa profeta; madankollu, jekk din il‑ħaġa li huwa qal dwar il‑prim imħallef hija vera, li huwa jinsab mejjet, mela aħna lesti li nemmnu li l‑kliem l‑ieħor li huwa qal huwa veru.
3 U ġara li huma telqu jiġru kemm jifilħu, u waslu ħdejn is‑siġġu tat‑tribunal; u araw, il‑prim imħallef kien jinsab mejjet mal‑art, mgħarraq f’demmu.
4 U issa araw, meta huma raw dan huma stagħġbu bil‑kbir, hekk li waqgħu mal‑art; għax huma ma kinux emmnu l‑kliem li Nefi kien qal dwar il‑prim imħallef.
5 Iżda araw, meta huma raw dan huma emmnu, u nħakmu mill‑biża’ ma jmurx il‑poplu jintlaqat mill‑kastigi kollha li tkellem dwarhom Nefi; għalhekk huma bdew jirtogħdu u waqgħu mal‑art.
6 Issa, hekk kif inqatel l‑imħallef—u huwa nqatel minn ħuh li kien liebes b’mod biex ma jingħarafx, u mbagħad ħarab, il‑qaddejja ħarbu u marru jgħidu lin‑nies, iħabrulhom li fosthom kien seħħ delitt;
7 U araw, in‑nies inġabru flimkien ħdejn il‑post fejn kien hemm is‑siġġu tat‑tribunal—u araw, huma baqgħu mistagħġbin meta raw lil dawk il‑ħamest irġiel mixħutin mal‑art.
8 U issa araw, in‑nies ma kienu jafu xejn dwar il‑folla li kienet inġabret flimkien fil‑ġnien ta’ Nefi; għalhekk huma bdew jgħidu bejniethom: Dawn huma l‑irġiel li qatlu lill‑imħallef, u Alla darabhom ħalli ma jkunux jistgħu jaħarbu minn ħdejna.
9 U ġara li huma qabduhom u rabtuhom u xeħtuhom f’ħabs. U nħarġet proklama u ġiet imxandra mal‑madwar li tgħid li l‑imħallef kien inqatel, u li l‑qattiela kienu ttieħdu u nxteħtu f’ħabs.
10 U ġara li l‑għada n‑nies inġabru lkoll flimkien biex juru s‑sogħba tagħhom u biex isumu, waqt id‑difna ta’ dan il‑prim imħallef kbir li safa maqtul.
11 U anke dawk l‑imħallfin li kienu fil‑ġnien ta’ Nefi, u semgħu kliemu, inġabru flimkien waqt id‑difna.
12 U ġara li huma bdew jistaqsu lin‑nies u jgħidulhom: Fejn huma l‑ħamest irġiel li ntbagħtu biex jaraw jekk il‑prim imħallef kienx inqatel tassew? U huma weġbuhom u qalulhom: Dwar dawn il‑ħamest irġiel li qed tgħidu li bgħattu, aħna ma nafu xejn; iżda hemm ħames qattiela, li xħetnihom fil‑ħabs.
13 U ġara li l‑imħallfin xtaqu li jġibuhom quddiemhom; u huma hekk għamlu, u araw, huma kienu l‑ħamsa li kienu ntbagħtu; u araw l‑imħallfin staqsewhom x’kienu jafu dwar din il‑ħaġa, u huma għarrfuhom b’dak kollu li kienu għamlu, u qalulhom:
14 Aħna tlaqna b’ġirja u wasalna fil‑post fejn hemm is‑siġġu tat‑tribunal, u meta aħna rajna li kollox seħħ kif kien ħabbar Nefi, aħna bqajna mistagħġbin tant li spiċċajna waqajna mal‑art; u meta ġejna f’tagħna, araw huma qabduna u xeħtuna f’ħabs.
15 Issa, dwar min qatel lil dan ir‑raġel, aħna ma nafux; u kulma nafu huwa dan, li aħna tlaqna b’ġirja ’l hemm kif xtaqtuna nagħmlu intom, u araw, aħna sibnieh mejjet, kif kien qal Nefi.
16 U issa ġara li l‑imħallfin marru jispjegaw din il‑ħaġa lin‑nies, u huma bdew jitkellmu kontra Nefi u jgħidu: Araw, aħna nafu li dan Nefi ftiehem ma’ xi ħadd biex joqtol lill‑imħallef, u mbagħad jara li jħabbrilna dak li seħħ, ħalli jkun jista’ jikkonvertina għat‑twemmin tiegħu, biex ikun jista’ jgħolli lilu nnifsu u aħna nqisuh bħala xi raġel kbir, magħżul minn Alla, u profeta.
17 U issa araw, aħna se nsiru nafu l‑verità kollha dwar dan ir‑raġel, u huwa sejjer jistqarr ħtijietu u sejjer jgħarrafna dwar min kien il‑veru qattiel ta’ dan l‑imħallef.
18 U ġara li l‑ħamsa ġew meħlusa fil‑jum tad‑difna. Madankollu, huma bdew iċanfru lill‑imħallfin minħabba l‑kliem li huma qalu kontra Nefi, u bdew jiddibattu magħhom wieħed wieħed, hekk li spiċċaw ħallewhom bla kliem.
19 Madankollu, huma taw ordni biex jaqbdu lil Nefi, jorbtuh u jġibuh quddiem il‑folla, u huma bdew jinterrogawh b’modi differenti biex forsi jaqbduh f’xi ħaġa, ħalli jkunu jistgħu jaqtgħuhielu għall‑mewt—
20 U bdew jgħidulu: Inti żgur mdaħħal fiha dil‑ħaġa; min hu dak li wettaq dan id‑delitt? Ejja għidilna, u ammetti ħtijietek; u qalulu, Ara ħares lejn dawn il‑flus; u aħna lesti wkoll li nagħtuk il‑ħelsien mill‑mewt jekk inti tgħidilna, u tammetti l‑ftehim li inti għamilt miegħu.
21 Iżda Nefi qalilhom: Ja boloh, intom li intom nies bla ħtin f’qalbkom, u nies għomja, u raskom iebsa, kemm taħsbu li l‑Mulej Alla tagħkom se jkompli jħallikom tibqgħu mexjin f’din it‑triq tad‑dnub?
22 O wasal iż‑żmien li tibdew tixhru u titniehdu, minħabba l‑qerda kbira li bħalissa hemm tistenniekom, jekk intom ma tindmux.
23 Araw intom tgħidu li jiena ftehimt ma’ xi ħadd biex imur joqtol lil Siżoram, il‑prim imħallef tagħna. Iżda araw, jien ngħidilkom, li intom qed tgħidu hekk għax jiena xhedt quddiemkom biex intom tkunu tafu dwar din il‑ħaġa; iva, sewwasew biex nurikom li jiena naf bil‑ħażen u l‑abominazzjonijiet li jeżistu fostkom.
24 U għax jien għamilt dan, intom qed tgħidu li jiena ftehimt ma’ xi ħadd biex iwettaq din il‑ħaġa; iva, għax jiena wrejtkom dan is‑sinjal intom qed teħduha kontrija, u qed tippruvaw tneħħuli ħajti.
25 U issa araw, jiena se nurikom sinjal ieħor, u ħa nara jekk minħabba dan intomx se tippruvaw teqirduni.
26 Araw jien ngħidilkom: Morru fid‑dar ta’ Seantu, li jiġi ħu Siżoram, u għidulu—
27 Allura Nefi, dak li jridha ta’ profeta, li ħabbar daqstant ħażen dwar dan il‑poplu, ftiehem miegħek biex inti toqtol lil Siżoram, li jiġi ħuk?
28 U araw, huwa se jgħidilkom, Le.
29 U intom għandkom tgħidulu: Lil ħuk inti qtiltu?
30 U hu jieqaf quddiemkom bil‑biża’ u ma jkunx jaf x’se jaqbad jgħid. U araw, huwa jiċħad magħkom dan; u jagħmilha ta’ bir‑ruħu li baqa’ mistagħġeb; madankollu, huwa jistqarr magħkom li huwa innoċenti.
31 Iżda araw, intom għandkom tifluh waħda sew, u għandkom issibu d‑demm ma’ djul il‑mantell tiegħu.
32 U meta intom taraw dan, għandkom tgħidulu: Minn fejn ġie dan id‑demm? Ma taħsibx li aħna nafu li dan huwa demm ħuk?
33 U mbagħad huwa jibda jirtogħod, u jisfar, għoddu se jmut.
34 U mbagħad għandkom tgħidulu: Minħabba li qed tibża’ daqshekk u minħabba l‑bjuda ta’ wiċċek, ara, aħna nafu li inti ħati.
35 U mbagħad huwa aktar jibda jibża’; għalhekk hu jammetti magħkom, u ma jkomplix jiċħad aktar li kien hu li wettaq dan id‑delitt.
36 U mbagħad huwa jgħidilkom, li jien, Nefi, ma naf b’xejn dwar dil‑ħaġa sakemm ma ġietx żvelata lili permezz tal‑qawwa ta’ Alla. U hekk intom tkunu tafu li jien raġel onest, u li kien Alla li bagħatni fostkom.
37 U ġara li huma marru u għamlu kif qalilhom Nefi. U araw, dak kollu li huwa qal kien kollu minnu; għax huwa ċaħad, skont kliemu; u skont kliemu wkoll huwa ammetta.
38 U huwa kellu jammetti li kien hu fil‑fatt il‑qattiel, u b’hekk il‑ħamsa ġew meħlusa, u l‑istess Nefi.
39 U kien hemm uħud min‑Nefiti li emmnu fi kliem Nefi; u kien hemm ukoll xi wħud, li emmnu minħabba x‑xhieda li taw il‑ħamsa, għax huma kienu kkonvertew waqt li kienu jinsabu fil‑ħabs.
40 U issa fost in‑nies kien hemm xi wħud li qalu li Nefi kien profeta.
41 U kien hemm oħrajn li qalu: Araw, dan hu alla, għax kieku ma kienx alla ma kienx ikun jaf b’dan kollu. Għax araw, huwa qalilna x’inhuma l‑ħsibijiet ta’ qalbna, u qalilna wkoll ċerti ħwejjeġ; u kien hu wkoll li għarrafna dwar min kien il‑vera qattiel tal‑prim imħallef tagħna.