Skrittura
Ħelaman 12


Kapitlu 12

Il‑bnedmin huma dgħajfin u boloh u pronti biex iwettqu l‑ħażen—Il‑Mulej jagħti tbeżbiża lill‑poplu tiegħu—Ix‑xejn tal‑bnedmin huwa mqabbel mal‑qawwa ta’ Alla—F’jum il‑ħaqq, il‑bnedmin se jiksbu l‑ħajja ta’ dejjem jew il‑kundanna ta’ dejjem. Madwar 6 Q.K.

1 U b’hekk nistgħu naraw kemm huma foloz, kif ukoll dgħajfa qlub ulied il‑bnedmin; iva, nistgħu naraw li l‑Mulej fit‑tjieba kbira u infinita tiegħu jbierek lil dawk li jafdaw fih u jgħinhom jikbru fil‑ġid.

2 Iva, u nistgħu naraw li fil‑mument li huwa jgħin lill‑poplu tiegħu jikber f’ġidu, iva, billi jkattar frott ir‑raba’ tagħhom u l‑merħliet u l‑baqar tagħhom, u d‑deheb u l‑fidda tagħhom u kull xorta ta’ ħwejjeġ prezzjużi ta’ kull għamla u forma; u jippreserva ħajjithom, u jeħlishom minn idejn l‑għedewwa tagħhom; u jrattab qalb l‑għedewwa tagħhom biex ma jiddikjaraw l‑ebda gwerra kontrihom; iva, u f’kelma waħda, wara li jagħmel minn kollox għall‑ġid u l‑kuntentizza tal‑poplu tiegħu; iva, huwa f’dak il‑waqt li huma jwebbsu qalbhom, u jinsew lill‑Mulej Alla tagħhom, u jgħaffġu b’saqajhom lill‑Qaddis—iva, u dan minħabba li huma jkunu jinsabu komdi, u minħabba l‑ġid mill‑aktar kbir tagħhom.

3 U b’hekk naraw li jekk il‑Mulej ma jagħtix tbeżbiża lill‑poplu tiegħu permezz ta’ bosta taħbit, iva, jekk huwa ma jġarrabhomx permezz tal‑mewt u t‑terrur, u l‑ġuħ u kull tip ta’ pesta, huma jinsew jiftakru fih.

4 O kemm huma boloh u fiergħa, u kemm huma ħżiena u mxajtna, u kemm huma pronti biex iwettqu l‑ħażen, u tqal biex iwettqu t‑tajjeb ulied il‑bnedmin; iva, kemm huma pronti biex jagħtu widen għal kliem il‑malinn, u biex jorbtu qalbhom mal‑ħwejjeġ fiergħa tad‑dinja!

5 Iva, kemm huma pronti biex jitkabbru bihom infushom; iva, kemm huma pronti biex jiftaħru, u jwettqu kull xorta ta’ għemejjel ħżiena; u kemm huma tqal biex jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom u jagħtu widen għall‑pariri tiegħu, iva, kemm huma tqal biex jimxu fi triqat il‑għerf!

6 Araw, huma ma jixtiequx li l‑Mulej Alla tagħhom, li lilhom huwa ħalaq, imexxihom u jsaltan fuqhom; minkejja t‑tjieba kbira tiegħu u l‑ħniena tiegħu lejhom, huma ma jagħtux każ tal‑pariri tiegħu, u ma jixtiequx li huwa jkun il‑gwida tagħhom.

7 O kemm hu kbir ix‑xejn ta’ wlied il‑bnedmin; iva, huma li huma saħansitra anqas mit‑trab tal‑art.

8 Għax araw, it‑trab tal‑art jiċċaqlaq ’l hawn u ’l hemm, u jinfirex fil‑mument li Alla tagħna, kbir u etern, jordnalu jagħmel dan.

9 Iva, araw kif malli jisimgħu leħnu l‑għoljiet u l‑muntanji jitriegħdu u jitheżżu.

10 U bil‑qawwa ta’ leħnu huma jinqasmu, u jsiru terrapien, iva, huma jsiru sewwasew qishom wied.

11 Iva, bil‑qawwa ta’ leħnu l‑art kollha titheżżeż;

12 Iva, bil‑qawwa ta’ leħnu, is‑sisien jitriegħdu sewwasew fil‑qalba tagħhom.

13 Iva, u jekk lill‑art jgħidilha—Iċċaqlaq—hija tibda tiċċaqlaq.

14 Iva, jekk lill‑art jgħidilha—Jeħtieġ titreġġa lura, biex il‑jum jitwal għal bosta sigħat—hekk iseħħ;

15 U b’hekk, skont kelmtu l‑art titreġġa lura, u għall‑bniedem kollox ikun jidher bħallikieku x‑xemx mhux qed titħarrek; iva, u araw, hekk ikun ġara; għax bla dubju tkun l‑art li tiċċaqlaq u mhux ix‑xemx.

16 U araw ukoll, jekk huwa jgħid lill‑ilmijiet tal‑abbissi l‑kbar—Irridkom tinxfu—hekk iseħħ.

17 Araw, jekk huwa jgħid lil din il‑muntanja—Irridek tintrefa’, u tiġi hawn u taqa’ fuq din il‑belt, biex taħtek tindifen—araw hekk iseħħ.

18 U araw, jekk bniedem jaħbi teżor fl‑art, u l‑Mulej jgħid—Irrid li taqa’ saħta fuqu, minħabba l‑ħażen ta’ dak li ħbieh—araw, fuqu taqa’ saħta.

19 U jekk il‑Mulej jgħid—Misħut se tkun inti, u l‑ebda bniedem mhu se jsibek minn issa u għal dejjem—araw, l‑ebda bniedem ma jsibu minn issa u għal dejjem.

20 U araw, jekk il‑Mulej jgħid lil bniedem—Minħabba ħżunitek, int se tkun misħut għal dejjem, hekk iseħħ.

21 U jekk il‑Mulej jgħid—Minħabba ħżunitek int se titwarrab minn quddiemi—huwa jara li hekk iseħħ.

22 U ħażin għal dak li lilu jgħid dan il‑kliem, għax hekk iseħħ sewwasew lil dak li jwettaq il‑ħażen, u hu ma jkunx jista’ jsalva; għalhekk, hu minħabba f’hekk, sewwasew biex il‑bnedmin ikunu jistgħu jsalvaw, li ġiet imxandra l‑indiema.

23 Għalhekk, henjin dawk li jindmu u jisimgħu leħen il‑Mulej Alla tagħhom; għax dawn huma dawk li sejrin isalvaw.

24 U jalla l‑Mulej Alla, fil‑milja sħiħa tiegħu, jagħti ċ‑ċans lill‑bnedmin li huma jitwasslu għall‑indiema u l‑opri tajba, biex tiġi mogħtija lura lilhom grazzja għal grazzja, skont għemilhom.

25 U jien nixtieq li l‑bnedmin kollha jiksbu s‑salvazzjoni. Iżda naqraw li fil‑jum kbir u aħħari se jkun hemm xi wħud li sejrin jintremew ’il barra, iva, li se jintremew ’il barra mill‑preżenza tal‑Mulej.

26 Iva, u huma sejrin jitwasslu għal stat ta’ miżerja bla tmiem, u dan iġib fis‑seħħ il‑kliem li jgħid: Dawk li jkunu għamlu t‑tajjeb se jkollhom il‑ħajja ta’ dejjem; u dawk li jkunu għamlu l‑ħażin se jirċievu l‑kundanna ta’ dejjem. U hekk hu. Ammen.