Il‑profezija ta’ Samwel il‑Lamanita, lin‑Nefiti.
Jikkonsisti minn kapitlu 13 sa 15.
Kapitlu 13
Samwel il‑Lamanita jħabbar il‑qerda tan‑Nefiti jekk huma jibqgħu ma jindmux—Jinsteħtu huma u ġidhom—Huma jwarrbu u jħaġġru lill‑profeti, u jispiċċaw imdawrin bid‑demonji, u huma jfittxu l‑kuntentizza tagħhom f’għemejjel ħżiena. Madwar 6 Q.K.
1 U issa ġara li fis‑sena sitta u tmenin, in‑Nefiti baqgħu jgħixu fil‑ħażen, iva, f’ħażen mill‑aktar kbir, filwaqt li l‑Lamaniti bdew jaraw li jħarsu b’reqqa l‑kmandamenti ta’ Alla skont il‑liġi ta’ Mosè.
2 U ġara li matul din is‑sena kien hemm wieħed jismu Samwel, li kien Lamanita, li ġie fl‑art ta’ Żaraħemla, u beda jxandar il‑kelma lin‑nies. U ġara li huwa għadda bosta jiem ixandar l‑indiema lin‑nies, u huma keċċewh ’il barra minn fosthom, u kien għoddu se jerġa’ lura lejn artu.
3 Iżda araw, huwa sama’ leħen il‑Mulej jgħidlu biex jerġa’ lura għal darb’oħra, u jħabbar lin‑nies dak kollu li jiġi żvelat lilu.
4 U ġara li huma żammewh milli jidħol fil‑belt; għalhekk huwa mar u tela’ fuq is‑sur tal‑belt, u medd idu u għajjat b’leħen għoli, u beda jħabbar lill‑poplu dak kollu li żvelalu l‑Mulej.
5 U huwa qalilhom: Araw, jien Samwel, jiena Lamanita, u jien qed inxandar il‑kliem li żvelali l‑Mulej; u araw, huwa żvelali sabiex ngħid lil dan il‑poplu li x‑xabla tal‑ħaqq tinsab imdendla fuq dan il‑poplu; u f’anqas minn erba’ mitt sena oħra x‑xabla tal‑ħaqq se tkun waqgħet fuq dan il‑poplu.
6 Iva, dan il‑poplu hemm tistennieh qerda liema bħalha, li żgur se tolqot lil dan il‑poplu, u xejn ma jista’ jeħlisha lil dan il‑poplu ħlief l‑indiema u l‑fidi fil‑Mulej Ġesù Kristu, li żgur għandu jiġi fid‑dinja, u li se jgħaddi minn tant tbatija u se jinqatel għall‑poplu tiegħu.
7 U araw, anġlu tal‑Mulej ħabbarli dan, u huwa wassal il‑bxara t‑tajba lil ruħi. U araw, jien ġejt mibgħut fostkom biex lilkom ukoll jiena nħabbrilkom dan, ħalli intom tirċievu wkoll il‑bxara t‑tajba; iżda araw, intom lili ma tridux tilqgħuni fostkom.
8 Għalhekk, dan jgħid il‑Mulej: Minħabba l‑ebusija ta’ qalb il‑poplu Nefita, jekk huma jibqgħu ma jindmux jiena se nwarrab kelmti minn fosthom, u se nbiegħed l‑Ispirtu tiegħi minnhom, u m’iniex se nittollerahom aktar, u jiena nwebbes qalb ħuthom kontrihom.
9 U f’anqas minn erba’ mitt sena oħra lilhom jien se nikkastiga; iva, lilhom jiena se nżur permezz tax‑xabla u permezz tal‑ġuħ, u permezz tal‑pesta.
10 Iva, jiena se nżurhom fil‑qilla ta’ għadbi, u minn fost l‑għedewwa tagħkom se jkun hemm dawk tar‑raba’ nisel li se jgħixu biex jaraw il‑qerda sħiħa tagħkom; u dan żgur se jseħħ jekk intom tibqgħu ma tindmux, jgħid il‑Mulej; u dawk tar‑raba’ nisel se jwasslu għall‑qerda tagħkom.
11 Iżda jekk intom tindmu u terġgħu dduru lejn il‑Mulej Alla tagħkom, jiena nraġġa’ lura l‑għadab tiegħi, jgħid il‑Mulej; iva, hekk jgħid il‑Mulej, henjin dawk li jindmu u jduru lejja, iżda ħażin għalih dak li ma jindimx.
12 Iva, ħażin għaliha din il‑belt kbira ta’ Żaraħemla; għax araw, lilha jien qed inħares minħabba dawk li huma twajbin; iva, ħażin ikun għaliha din il‑belt kbira, jgħid il‑Mulej, għax qed nara li huma ħafna, iva, sewwasew il‑biċċa l‑kbira tan‑nies ta’ din il‑belt kbira, li se jwebbsu qalbhom kontrija, jgħid il‑Mulej.
13 Iżda henjin dawk li jindmu, għax jiena jkolli ħniena minnhom. Iżda araw, li kieku ma kienx għat‑twajbin li jinsabu f’din il‑belt kbira, araw, jiena kont nordna lin‑nar biex jinżel mis‑sema u jeqridha.
14 Iżda araw, huwa minħabba t‑twajbin li jiena qed inħenn għaliha. Iżda araw, għad jasal iż‑żmien, jgħid il‑Mulej, li meta intom tkeċċu lit‑twajbin minn fostkom, hemm intom tkunu lesti għall‑qerda; iva, ħażin ikun għaliha din il‑belt kbira, minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet li jseħħu fiha.
15 Iva, u ħażin ikun għaliha l‑belt ta’ Gidgħon, minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet li jseħħu fiha.
16 Iva, u ħażin ikun għalihom il‑bliet kollha li hawn mal‑madwar, li jinsabu f’idejn in‑Nefiti, minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet li jseħħu fihom.
17 U araw, se taqa’ saħta fuq il‑pajjiż, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, minħabba n‑nies li jinsabu fil‑pajjiż, iva, minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tagħhom.
18 U għad jiġri, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, iva, il‑kbir u l‑veru Alla tagħna, li dawk li se jaħbu t‑teżori fl‑art mhuma se jsibuhom qatt aktar, minħabba s‑saħta kbira li se taqa’ fuq il‑pajjiż, sakemm ma jkunx xi bniedem twajjeb li jaħbi t‑teżor tiegħu għall‑Mulej.
19 Għax jien nistenna, jgħid il‑Mulej, li huma jaħbu t‑teżori tagħhom għalija; u misħutin dawk li ma jaħbux it‑teżori tagħhom għalija; għax ħadd ma jaħbi t‑teżori tiegħu għalija għajr it‑twajbin; u dak li ma jaħbix it‑teżor tiegħu għalija, misħut hu, u misħut it‑teżor tiegħu, u ħadd ma jkun jista’ jifdih lura minħabba s‑saħta fil‑pajjiż.
20 U għad jasal il‑jum meta huma sejrin jaħbu t‑teżori tagħhom, għax huma rabtu qalbhom mal‑ġid materjali; u għax huma rabtu qalbhom ma’ ġidhom, u se jaħbu t‑teżori tagħhom meta huma se jaħarbu minn quddiem l‑għedewwa tagħhom; u għax huma mhumiex se jaħbuhom għalija, misħutin se jkunu huma kif ukoll it‑teżori tagħhom; u f’dak il‑jum lilhom jiena nikkastiga, jgħid il‑Mulej.
21 Isimgħuni, intom in‑nies ta’ din il‑belt kbira, u agħtu widen għal kliemi; iva, agħtu widen għall‑kliem li jgħid il‑Mulej; għax araw, huwa jgħid li intom misħutin minħabba ġidkom, u anke ġidkom hu misħut għaliex intom irbattu qalbkom miegħu, u ma tajtux widen għal kliem ta’ dak li takom kulma għandkom.
22 Intom ma tiftakrux fil‑Mulej Alla tagħkom, fil‑ħwejjeġ li hu berikkom bihom, iżda intom dejjem tiftakru f’ġidkom, mhux biex lill‑Mulej Alla tagħkom troddulu ħajr għalih; iva, qalbkom mhijiex marbuta mal‑Mulej, iżda hija mimlija kburija, liema kburija twassal għall‑ftaħir, u għal għadab kbir, għall‑għira, għat‑tilwim, għall‑qerq u l‑persekuzzjoni, għall‑qtil, u għal kull xorta ta’ ħażen.
23 Kien minħabba f’hekk li l‑Mulej Alla wassal biex tinżel saħta fuq il‑pajjiż, kif ukoll fuq ġidkom, u dan minħabba ħżunitkom.
24 Iva, ħażin għalih dan il‑poplu, għax wasal sewwasew iż‑żmien li fih qed twarrbu lill‑profeti, u qed tiddieħku bihom, u tħaġġruhom, u toqtluhom, u tagħmlulhom kull tip ta’ ħsara, l‑istess kif għamlu n‑nies ta’ żmien ilu.
25 U issa meta titkellmu, intom tgħidu: Kieku aħna konna ngħixu żmien ilu, fi żmien missirijietna, ma konniex noqtlu lill‑profeti; ma konniex inħaġġruhom, u nwarrbuhom.
26 Araw, intom agħar minnhom; għax daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, jekk fostkom jiġi profeta u jxandrilkom il‑kelma tal‑Mulej, li tagħti xhieda dwar dnubietkom u ħżunitkom, intom teħduha kontrih, u tkeċċuh ’il barra minn fostkom, u tagħmlu minn kollox biex teqirduh; iva, intom tgħidu li hu profeta falz, u li huwa bniedem midneb u mxajtan, għax huwa jistqarr li l‑għemejjel tagħkom huma ħżiena.
27 Iżda araw, jekk jiġi xi ħadd fostkom u jgħid: Agħmlu dan, għax ma jeżisti l‑ebda ħażen; agħmlu dik u m’intomx se tpattu għaliha; iva, huwa jgħid: Imxu skont kif tgħidilkom qalbkom; iva, imxu skont kif tmexxikom għajnejkom, u agħmlu dak kollu li tixtieq qalbkom—u jekk jiġi xi ħadd fostkom u jgħid dan, intom tilqgħuh, u tgħidu li hu profeta.
28 Iva, intom tgħolluh ’il fuq, u taqsmu ġidkom miegħu; intom taqsmu miegħu d‑deheb tagħkom, u l‑fidda tagħkom, u tlibbsuh b’ilbies jiswa’ l‑flus; u għax hu joqgħod jgħidilkom ħafna kliem ħelu u falz, u jgħidilkom li kollox sew, intom ma ssibu xejn ħażin xi tgħidu fuqu.
29 Ja nisel ħażin u mħawwad; ja poplu ta’ qalb iebsa u ras iebsa, kemm taħsbu li l‑Mulej se jdum jissaportikom? Iva, kemm se ddumu tħallu lilkom infuskom titmexxew minn mexxejja boloh u għomja? Iva, kemm se ddumu tagħżlu d‑dlam minflok id‑dawl?
30 Iva, araw, diġà qed tixgħel il‑qilla tal‑Mulej għalikom; araw, huwa seħet l‑art minħabba ħżunitkom.
31 U araw, għad jasal iż‑żmien meta huwa se jisħet ġidkom, li jibda jiżloq minn idejkom, u ma tkunux tistgħu żżommuh aktar; u fi żmien il‑faqar tagħkom ma tkunux tistgħu żżommuh aktar f’idejkom.
32 U fi żmien il‑faqar tagħkom intom tibdew issejħu lill‑Mulej; u għal xejn tgħajtu, għax fuqkom tkun diġà niżlet il‑qerda, u l‑qerda tagħkom hija ċerta; u f’dak il‑jum se jkun hemm it‑tnewwieħ u l‑biki, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti. U mbagħad kollkom niket intom tgħidu:
33 O li kieku jiena ndimt, u lill‑profeti jiena ma qtiltx u ma ħaġġartx, u lilhom jiena ma warrabtx. Iva, f’dak il‑jum intom tgħidu: O li kieku aħna ftakarna fil‑Mulej Alla tagħna, fil‑jum li huwa tana dak kollu li aħna għandna, għax kieku ġidna ma kienx isir jiżloq u ma konniex nitilfuh; għax araw, ġidna m’għadux aktar f’idejna.
34 Araw, meta npoġġu biċċa għodda hawnhekk, l‑għada ma nsibuhiex; u araw, ix‑xwabel tagħna ttieħdulna fil‑jum li morna nfittxuhom għall‑battalja.
35 Iva, aħna ħbejna t‑teżori tagħna u huma spiċċaw żelqu minn idejna minħabba s‑saħta li waqgħet fuq il‑pajjiż.
36 O li kieku aħna ndimna fil‑jum li aħna rċevejna l‑kelma tal‑Mulej; għax araw, il‑pajjiż huwa misħut, u kollox beda jsir jiżloq, u f’idejna ma nistgħu nżommu xejn.
37 Araw, aħna ninsabu mdawrin bid‑demonji, iva, aħna ninsabu ċċirkondati mill‑anġli ta’ dak li ruħna pprova jeqred. Araw, il‑ħażen tagħna huwa kbir. O Mulej, tista’ inti twarrab l‑għadab tiegħek minn fuqna? U dan se jkun kliemkom f’dawk il‑jiem.
38 Iżda araw, il‑jiem ta’ prova tagħkom għaddew; intom bqajtu tipposponu jum is‑salvazzjoni tagħkom sakemm issa sar tard wisq, u l‑qerda tagħkom hija ċerta; iva, għax intom għaddejtu ħajjitkom kollha tfittxu dak li ma tistgħux tiksbu; u bdejtu tfittxu l‑kuntentizza billi twettqu l‑ħażen, ħaġa li tmur kontra n‑natura ta’ dak li hu sewwa, is‑sewwa li tinsab fil‑Mexxej kbir u Għal Dejjem tagħna.
39 O poplu ta’ din l‑art, nitlobkom tisimgħu kliemi! U nitlob biex il‑qilla tal‑Mulej terġa’ lura minnkom, u biex intom tindmu u ssalvaw.