Kapitlu 14
Samwel ibassar li se jkun hemm id‑dawl matul il‑lejl u kewkba ġdida mat‑twelid ta’ Kristu—Kristu jifdi lill‑bnedmin mill‑mewt temporali u spiritwali—Is‑sinjali tal‑mewt tiegħu jinkludu tlett ijiem ta’ dlam, blat jinqasam biċċiet, u taqlib kbir fin‑natura. Madwar 6 Q.K.
1 U issa ġara li Samwel il‑Lamanita ħabbar bosta ħwejjeġ oħra li ma jistgħux jinkitbu.
2 U araw, huwa qalilhom: Araw, jiena se nagħtikom sinjal; li jgħaddu ħames snin oħra, u araw, dakinhar jiġi Bin Alla biex jifdi lil dawk kollha li se jemmnu f’ismu.
3 U araw, dan jien se nagħtikom bħala sinjal fi żmien il‑miġja tiegħu; għax araw, se jkun hemm dawl kbir fis‑sema, hekk li fil‑lejl ta’ qabel ma jiġi, mhuwiex se jidlam, hekk li n‑nies se jaraw il‑lejl bħallikieku binhar.
4 Għalhekk, se jkun hemm jum u lejl u jum, bħallikieku kienu jum wieħed mingħajr ebda lejl; u dan se jingħatalkom bħala sinjal; għax intom se tkunu tafu meta se titla’ x‑xemx u meta se tinżel; għalhekk huma se jkunu jafu tassew li se jkun hemm jumejn u lejl; madankollu mal‑lejl mhuwiex se jidlam; u dan se jseħħ fil‑lejl ta’ qabel ma huwa jitwieled.
5 U araw, se tfeġġ kewkba ġdida, waħda li qatt ma rajtu bħalha; u din ukoll se tingħata lilkom bħala sinjal.
6 U araw dan mhux kollox, se jkun hemm bosta sinjali u għeġubijiet fis‑sema.
7 U se jiġri li intom se tibqgħu miblugħa u mistagħġba, hekk li se tispiċċaw taqgħu mal‑art.
8 U se jiġri li kull min jemmen fl‑Iben ta’ Alla, huwa se jkollu l‑ħajja ta’ dejjem.
9 U araw, dan hu li ordnali l‑Mulej, permezz tal‑anġlu tiegħu, li jiena se niġi u ngħidilkom din il‑ħaġa; iva, huwa ordnali li jiena nħabbrilkom dawn il‑ħwejjeġ; iva, huwa qalli: Dan hu li għandek tħabbar lil dan il‑poplu, indem u ħejji triq il‑Mulej.
10 U issa, għax jiena Lamanita, u għidtilkom dak li ordnali l‑Mulej, u għax dan kien kliem iebes kontrikom, intom qed teħduha kontrija u qed tippruvaw teqirduni, lili u keċċejtuni minn fostkom.
11 U jeħtieġ li intom tisimgħu kliemi; għax għal dan il‑għan jiena tlajt fuq is‑swar ta’ din il‑belt, biex intom tkunu tistgħu tisimgħuni u ssiru tafu bil‑ħaqq ta’ Alla li hemm jistenniekom minħabba ħżunitkom, u biex tkunu tafu wkoll bil‑kundizzjonijiet tal‑indiema;
12 U biex tkunu tafu wkoll dwar il‑miġja ta’ Ġesù Kristu, Bin Alla, il‑Missier tas‑sema u l‑art, il‑Ħallieq ta’ kollox sa mill‑bidu; u biex tkunu tafu dwar is‑sinjali tal‑miġja tiegħu, bil‑għan li intom tibdew temmnu f’ismu.
13 U jekk intom temmnu f’ismu, intom tindmu minn dnubietkom kollha, biex b’hekk intom tkunu tistgħu tiksbu maħfra ta’ dnubietkom permezz tal‑merti tiegħu.
14 U araw għal darb’oħra, jiena se nagħtikom sinjal ieħor, iva, sinjal tal‑mewt tiegħu.
15 Għax araw, jeħtieġ li huwa jmut sewwasew biex tasal is‑salvazzjoni; iva, hu meħtieġ minnu dan u hemm bżonn li huwa jmut, biex huwa jġib fis‑seħħ il‑qawmien tal‑mejtin, biex b’hekk il‑bnedmin ikunu jistgħu jittieħdu fil‑preżenza tal‑Mulej.
16 Iva, araw, din il‑mewt iġġib fis‑seħħ il‑qawmien, u tifdi lill‑bnedmin kollha mill‑ewwel mewt—mill‑mewt spiritwali; għax il‑bnedmin kollha, minħabba l‑waqgħa ta’ Adam, nqatgħu mill‑preżenza tal‑Mulej, u huma kkunsidrati bħala mejta, kemm fi ħwejjeġ temporali kif ukoll spiritwali.
17 Iżda araw, il‑qawmien ta’ Kristu jifdi lill‑bnedmin, iva, sewwasew lill‑bnedmin kollha, u jwassalhom lura fil‑preżenza tal‑Mulej.
18 Iva, u jġib fis‑seħħ il‑kundizzjoni tal‑indiema, biex kull min jindem ma jitqaċċatx u jinxteħet fin‑nar; iżda min ma jindimx sejjer jitqaċċat u jinxteħet fin‑nar; u dawn se jerġgħu jesperjenzaw għal darb’oħra mewta spiritwali, iva, it‑tieni mewta, għax huma jerġgħu jinqatgħu għal darb’oħra minn dak kollu li jappartjeni għas‑sewwa.
19 Għalhekk indmu, indmu, għax jekk intom tinsabu konxji ta’ dan kollu u ma twettquhx, intom se tħallu lilkom infuskom taqgħu taħt il‑kundanna, u tispiċċaw imkaxkrin ’l isfel lejn din it‑tieni mewta.
20 Iżda araw, kif diġà għidtilkom dwar sinjal ieħor, is‑sinjal tal‑mewt tiegħu, araw, f’dak il‑jum li fih huwa jġarrab il‑mewt, ix‑xemx tiddallam u ma tkunx trid tagħtikom dawlha; u l‑istess il‑qamar u l‑kwiekeb; u għal tlett ijiem sħaħ mhu se jkun hawn l‑ebda dawl fuq wiċċ l‑art, sewwasew mill‑mument li huwa jġarrab il‑mewt sal‑ħin li fih huwa jerġa’ jqum mill‑imwiet.
21 Iva, fil‑mument li huwa jrodd ruħu, se jibda jriegħed u jberraq għal bosta sigħat, u l‑art tibda tiċċaqlaq u titriegħed; u l‑blat li jinsab fuq wiċċ din l‑art sejjer jinqasam, kemm dak li jinsab fuq l‑art kif ukoll li jinsab taħtha, liema blat tafu li bħalissa huwa ħaġa waħda, jew il‑biċċa l‑kbira minnu huwa ħaġa waħda;
22 Iva, huwa se jinqasam fi tnejn, u minn dak inhar se ssibuh fil‑qsim u fix‑xquq, u fil‑biċċiet imfarrka, fuq il‑wiċċ kollu tal‑art, iva, kemm fuq l‑art kif ukoll taħtha.
23 U araw, se jqum maltemp kbir, u se jitniżżlu ħafna muntanji, u huma se jsiru qishom wied, u bosta postijiet li bħalissa jissejħu widien se jinbidlu f’muntanji mill‑aktar għoljin.
24 U ħafna triqat se jinqasmu biċċiet, u bosta bliet se jsiru ħerba.
25 U ħafna se jkunu l‑oqbra li se jinfetħu, u huma se jroddu lura ħafna mill‑mejtin tagħhom; u ħafna qaddisin se jidhru lil bosta nies.
26 U araw, dan huwa li qalli l‑anġlu; fejn hu qalli li se jibda jriegħed u jberraq għal bosta sigħat.
27 U huwa qalli li dan kollu se jseħħ waqt li jkun għadu qed iriegħed u jberraq, u dalma se tiksi il‑wiċċ kollu tal‑art għal tlett ijiem sħaħ.
28 U l‑anġlu qalli li se jkunu bosta li se jaraw ħwejjeġ akbar minn dawn, u dan se jseħħ biex huma jkunu jistgħu jemmnu li dawn is‑sinjali u dawn l‑għeġubijiet se jiġu fis‑seħħ fuq il‑wiċċ kollu tal‑art, ħalli ma jkunx hemm raġuni għan‑nuqqas ta’ fidi fost ulied il‑bnedmin—
29 U dan se jseħħ sabiex dawk kollha li jemmnu jkunu jistgħu jsalvaw, u dawk kollha li ma jemmnux, isir ħaqq minnhom skont is‑sewwa; u jekk huma jiġu kkundannati huma jkunu ġabu l‑kundanna fuqhom stess.
30 U issa ftakru, ftakru, ħuti, li kull min jintilef, ikun ġab b’idejh it‑telfien tiegħu; u kull min jagħmel il‑ħażen, ikun qed jagħmlu għalih innifsu; għax araw, intom ħielsa; huwa f’idejkom kif taġixxu; għax araw, lilkom Alla takom l‑għarfien u ħalliekom ħielsa.
31 Huwa takom iċ‑ċans li tagħrfu t‑tajjeb mill‑ħażin, u takom iċ‑ċans li tagħżlu l‑ħajja jew il‑mewt; u intom tistgħu tagħmlu t‑tajjeb u tirċievu lura dak li hu tajjeb, jew tiksbu lura dak li hu tajjeb; jew inkella tistgħu tagħmlu l‑ħażin, u tirċievu lura dak li hu ħażin.