Kapitlu 15
Il‑Mulej ta tbeżbiża lin‑Nefiti għaliex ħabbhom—Il‑Lamaniti li kkonvertew huma nies ta’ fidi ferma u soda—Fl‑aħħar żminijiet il‑Mulej se juri l‑ħniena tiegħu mal‑Lamaniti. Madwar 6 Q.K.
1 U issa, għeżież ħuti, araw, jiena nistqarr magħkom li jekk intom ma tindmux djarkom għad jispiċċaw ħerba.
2 Iva, jekk intom ma tindmux, in‑nisa tagħkom se jkollhom tassew għalfejn jitnikktu fil‑jum li fih se jkunu qed ireddgħu; għax intom se tippruvaw taħarbu u mhu se ssibu l‑ebda post ta’ refuġju; iva, u xi gwaj se jkunu fih dawk in‑nisa tqal, għax se jkunu qed iġorru t‑tagħbija u ma jkunux jistgħu jaħarbu; għalhekk, huma jispiċċaw mgħaffġin u jitħallew imutu.
3 Iva, gwaj għal dawn in‑nies li jissejħu l‑poplu ta’ Nefi, jekk huma ma jindmux meta jaraw dawn is‑sinjali u l‑għeġubijiet kollha li se jiġu murija lilhom; għax araw, huma kienu poplu magħżul mill‑Mulej; iva, lill‑poplu ta’ Nefi huwa ħabb, u lilhom ukoll tbeżbiża tahom; iva, fil‑jiem ta’ ħżunithom tahom tbeżbiża għaliex ħabbhom.
4 Iżda araw ħuti, huwa kellu mibegħda lejn il‑Lamaniti għax l‑għemejjel tagħhom kienu dejjem ħżiena, u dan minħabba l‑ħażen ta’ twemmin missirijiethom. Iżda araw, is‑salvazzjoni waslet għandhom għax il‑kelma ġiet imxandra lilhom min‑Nefiti; u għal dan il‑għan il‑Mulej tawwal jiemhom.
5 U nixtieqkom taraw li l‑biċċa l‑kbira minnhom jinsabu fit‑triq li mitlubin jimxu fiha, u huma qed iġibu ruħhom sewwa quddiem Alla, u qed jaraw li jħarsu l‑kmandamenti tiegħu u l‑liġijiet u d‑digrieti tiegħu skont il‑liġi ta’ Mosè.
6 Iva, jien ngħidilkom, li l‑biċċa l‑kbira minnhom qed jagħmlu dan, u qed jagħmlu li jistgħu b’reqqa kbira biex forsi jkunu jistgħu jwasslu lill‑bqija ta’ ħuthom għall‑għarfien tal‑verità; għalhekk ħafna huma li qed jingħaqdu magħhom ta’ kuljum.
7 U araw, intom dan tafuh, għax rajtuh b’għajnejkom, li dawk kollha fosthom li jitwasslu għall‑għarfien tal‑verità, u li jkunu jafu dwar it‑twemmin ħażin u abominabbli ta’ missirijiethom, u li qed jiġu mmexxija biex jemmnu l‑iskrittura mqaddsa, sewwasew il‑profeziji tal‑profeti qaddisa, li jinsabu miktubin, li jwassluhom għall‑fidi fil‑Mulej, u għall‑indiema, liema fidi u ndiema jwasslu għal bidla f’qalbhom—
8 Għalhekk, dawk kollha li twasslu biex saru jafu dan, intom tafu li dawn huma nies fermi u sodi fil‑fidi, u f’dik il‑ħaġa li permezz tagħha huma kisbu l‑ħelsien.
9 U intom tafu wkoll li huma difnu l‑armi tagħhom tal‑gwerra, u huma jibżgħu jerġgħu jaqbduhom f’idejhom ma jmorrux b’xi mod jaqgħu fid‑dnub; iva, qed taraw li huma jibżgħu li jaqgħu fid‑dnub—għax araw huma jippreferu jisfaw mgħaffġin u maqtula mill‑għedewwa tagħhom, milli jaqbdu x‑xwabel tagħhom kontrihom, u dan minħabba l‑fidi tagħhom fi Kristu.
10 U issa, minħabba d‑determinazzjoni tagħhom, ladarba huma jemmnu f’xi ħaġa, fi kliem ieħor, minħabba l‑fermezza tagħhom, ladarba huma jiksbu d‑dawl, araw, il‑Mulej sejjer iberikhom u jtawwal jiemhom, minkejja ħżunithom—
11 Iva, anke jekk ftit, ftit huma jispiċċaw jitilfu l‑fidi, il‑Mulej sejjer itawwal jiemhom, sakemm jasal iż‑żmien, li dwaru tkellmu missirijietna, kif ukoll il‑profeta Żenos, u bosta profeti oħra, dwar ir‑restawrazzjoni ta’ ħutna, il‑Lamaniti, li se jmorru lura għall‑għarfien tal‑verità—
12 Iva, jien ngħidilkom, li fl‑aħħar żminijiet, il‑wegħdiet tal‑Mulej se jkunu disponibbli għal ħutna, il‑Lamaniti; u minkejja l‑bosta taħbit li huma se jiffaċċjaw, u minkejja li huma se jinġarru ’l hawn u ’l hemm fuq wiċċ l‑art, u se jittieħdu, u se jiġu mġiegħla jbatu u se jitferrxu ma’ kullimkien, u mhu se jkollhom l‑ebda post ta’ refuġju, il‑Mulej se jkollu ħniena minnhom.
13 U dan se jseħħ skont il‑profezija, li tgħid li huma sejrin jitwasslu għal vera għarfien, li huwa l‑għarfien tal‑Feddej tagħhom, li hu l‑kbir u l‑veru ragħaj tagħhom, u huma se jingħaddu man‑nagħaġ tiegħu.
14 Għalhekk, jiena ngħidilkom, se jkun aktar jaqbel għalihom milli għalikom jekk intom ma tindmux.
15 Għax araw, li kieku l‑għeġubijiet il‑kbar li ġew murija lilkom ġew murija lilhom, iva, li kieku ġew murija lil dawk li ftit, ftit spiċċaw tilfu l‑fidi minħabba t‑twemmin ta’ missirijiethom, tistgħu taraw intom stess li huma qatt ma kienu se jerġgħu jitilfu l‑fidi.
16 Għalhekk, jgħid il‑Mulej: Jiena m’iniex se neqridhom għal kollox, iżda se nordna biex fil‑jum tal‑għerf tiegħi huma jerġgħu lura għandi, jgħid il‑Mulej.
17 U issa araw, jgħid il‑Mulej, dwar il‑poplu Nefita: Jekk huma mhux se jindmu, u mhux se jaraw li jagħmlu r‑rieda tiegħi, jiena se neqridhom għal kollox, jgħid il‑Mulej, minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom, minkejja l‑bosta għeġubijiet kbar li jiena għamilt fosthom; u daqs kemm hu ħaj il‑Mulej dan kollu għad jiġi fis‑seħħ, jgħid il‑Mulej.