Kapitlu 16
In‑Nefiti li jemmnu lil Samwel jiġu mgħammdin minn Nefi—Samwel ma jistax jinqatel bil‑vleġeġ u l‑ġebel tan‑Nefiti li baqgħu ma nidmux—Xi wħud iwebbsu qalbhom, u oħrajn jaraw l‑anġli—Dawk li ma jemmnux jgħidu li ma jagħmilx sens li wieħed jemmen fi Kristu u fil‑miġja tiegħu f’Ġerusalemm. Madwar 6–1 Q.K.
1 U issa ġara li kienu ħafna li semgħu l‑kliem li Samwel, il‑Lamanita, qal minn fuq is‑swar tal‑belt. U dawk kollha li emmnu kliemu marru jfittxu lil Nefi; u meta huma marru u sabuh, huma stqarrew miegħu dnubiethom u ma ċaħdux li kienu waqgħu fid‑dnub, u huma wrew ix‑xewqa li jitgħammdu għall‑Mulej.
2 Iżda dawk kollha li ma emmnux kliem Samwel ħaduha kontrih; u bdew iħaġġruh waqt li kien fuq is‑sur, u ħafna oħrajn xeħtulu l‑vleġeġ hekk kif kien jinsab fuq is‑sur; iżda l‑Ispirtu tal‑Mulej kien miegħu, hekk li huma ma setgħux jolqtuh, la bil‑ġebel u lanqas bil‑vleġeġ tagħhom.
3 Issa meta huma raw li ma setgħu jolqtuh b’xejn, kien hemm ħafna oħrajn li emmnu fi kliemu, hekk li huma marru għand Nefi biex jitgħammdu.
4 Għax araw, Nefi beda jgħammed, u jħabbar u jxandar il‑kelma u l‑indiema lin‑nies, u beda juri għadd ta’ sinjali u għeġubijiet, u beda jwettaq il‑mirakli fost il‑poplu, biex huma jkunu jafu li l‑Kristu kien se jiġi dalwaqt—
5 Huwa beda jgħidilhom dwar ħwejjeġ li kienu se jiġu fis‑seħħ dalwaqt, biex fil‑mument li dawn jiġu fis‑seħħ huma jkunu jafu u jiftakru li dawn kienu ġew żvelat lilhom minn qabel, bil‑għan li huma jemmnu; għalhekk dawk kollha li emmnu fi kliem Samwel marru għandu biex jitgħammdu, u huma marru hemm fi spirtu ta’ ndiema u bdew jistqarru dnubiethom.
6 Iżda l‑biċċa l‑kbira minnhom ma emmnux fi kliem Samwel; għalhekk meta huma raw li ma setgħux jolqtuh la bil‑ġebel u lanqas bil‑vleġeġ, huma għajtu lill‑kmandanti tagħhom u qalulhom: Aqbdu lil dan ir‑raġel u orbtuh, għax araw hu għandu fih xitan; u minħabba l‑qawwa tax‑xitan li tinsab fih aħna ma nistgħux nolqtuh bil‑ġebel u l‑vleġeġ tagħna; għalhekk, aqbduh u orbtuh, u ħuduh ’il bogħod minn hawn.
7 U hekk kif marru biex jaqbduh taħt idejhom, araw, huwa qabeż minn fuq is‑sur, u ħarab ’il barra minn artijiethom, iva, u baqa’ sejjer f’pajjiżu, u beda jxandar u jħabbar fost il‑poplu tiegħu.
8 U araw, ħadd minn fost in‑Nefiti ma sema’ aktar bih; u dan hu dak li ġara fost il‑poplu.
9 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena sitta u tmenin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.
10 U b’hekk ġiet fi tmiemha wkoll is‑sena sebgħa u tmenin tas‑saltna tal‑imħallfin, fejn il‑biċċa l‑kbira tan‑nies baqgħu mimlijin kburija u ħażen, u kienu ftit biss minnhom li bdew iġibu ruħhom sewwa quddiem Alla.
11 U din kienet ukoll is‑sitwazzjoni fis‑sena tmienja u tmenin tas‑saltna tal‑imħallfin.
12 U fis‑sena disgħa u tmenin tas‑saltna tal‑imħallfin ftit li xejn kien hemm tibdil fl‑affarijiet tal‑poplu, ħlief li n‑nies bdew jikbru aktar fil‑ħażen, u aktar ma jmorru aktar bdew jagħmlu dak li jmur kontra l‑kmandamenti ta’ Alla.
13 Iżda ġara li fis‑sena disgħin tas‑saltna tal‑imħallfin, in‑nies ingħataw bosta sinjali kbar u għeġubijiet; u kliem il‑profeti beda jiġi fis‑seħħ.
14 U n‑nies, in‑nies għorrief, dehrulhom l‑anġli, u ħabbrulhom hena mill‑aktar kbira; b’hekk f’din is‑sena l‑iskrittura bdiet tiġi fis‑seħħ.
15 Madankollu, in‑nies kollha bdew iwebbsu qalbhom, ħlief għal dawk fosthom ta’ fidi akbar, kemm minn fost in‑Nefiti kif ukoll minn fost il‑Lamaniti, u huma bdew jiddependu biss fuq il‑qawwa u l‑għerf tagħhom, u bdew jgħidu:
16 Jista’ jkun li fost il‑ħafna ħwejjeġ li ġraw, huma qatgħu xi ftit minnhom; iżda araw, aħna nafu li dawn l‑għemejjel kbar u tal‑għaġeb kollha, li dwarhom huma tkellmu, ma jistgħux jiġu fis‑seħħ.
17 U huma bdew jiddibattu u jitlewmu bejniethom, u jgħidu:
18 Ma jagħmilx sens li jiġi xi ħadd bħala Kristu; għax jekk jiġri dan, u huwa jkun Bin Alla, il‑Missier tas‑sema u l‑art, kif beda jingħad, għalfejn mela huwa ma jurix lilu nnifsu lilna kif ukoll lil dawk li se jkunu f’Ġerusalemm?
19 Iva, għalfejn ma jurix lilu nnifsu f’din l‑art kif ukoll fl‑art ta’ Ġerusalemm?
20 Għax araw, aħna nafu li dan huwa twemmin mill‑aktar ħażin, li writnieh mingħand missirijietna, biex iwassluna ħalli nemmnu f’xi ħaġa kbira u tal‑għaġeb li għandha tiġi fis‑seħħ, mhux fostna, iżda f’art li tinsab ferm ’il bogħod, art li ma nafu xejn dwarha; b’hekk huma jżommuna fi stat ta’ injoranza, għax aħna ma nkunux nistgħu naraw b’għajnejna jekk dan huwiex veru.
21 U permezz tal‑arti qarrieqa u misterjuża tal‑malinn, huma jispiċċaw iwettqu xi misteru kbir li aħna ma nkunux nistgħu nifhmuh, li jwassalna biex aħna nibqgħu qaddejja ta’ kliemhom, kif ukoll qaddejja tagħhom, għax aħna nibqgħu niddependu minnhom biex jgħallmuna l‑kelma; u b’hekk huma jżommuna fi stat ta’ injoranza, jekk aħna nkunu taħt idejhom, fil‑jiem kollha ta’ ħajjitna.
22 U f’qalbhom in‑nies bdew jimmaġinaw ħafna ħwejjeġ oħra fiergħa u bla sens, u huma tħawdu bil‑kbir, għax Satana beda jħeġġiġhom kontinwament biex jagħmlu l‑ħażen; iva, huwa beda jdur ma’ wiċċ l‑art kolllha jxerred ix‑xnigħat u l‑ġlied, biex ikun jista’ jwebbes qlub in‑nies kontra dak li hu tajjeb u kontra dak li għandu jiġi.
23 U minkejja li dehru bosta sinjali u għeġubijiet fost il‑poplu tal‑Mulej, u minkejja li kienu ħafna l‑mirakli li huma wettqu fosthom, Satana spiċċa ħakem bil‑kbir qlub in‑nies fuq il‑wiċċ kollu tal‑art.
24 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena disgħin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.
25 U b’hekk ġie fi tmiemu l‑ktieb ta’ Ħelaman, skont ir‑rakkont ta’ Ħelaman u wliedu.