Skrittura
Ħelaman 4


Kapitlu 4

Id‑dissidenti Nefiti u l‑Lamaniti jgħaqqdu l‑forzi tagħhom flimkien u jieħdu f’idejhom l‑art ta’ Żaraħemla—It‑telfiet li sofrew in‑Nefita huma riżultat ta’ ħżunithom—Il‑Knisja tiddiġenera, u n‑nies isiru dgħajfin bħal‑Lamaniti. Madwar 38–30 Q.K.

1 U ġara li fis‑sena erbgħa u ħamsin kien hemm bosta diżgwid fil‑knisja, u nqalgħet ukoll tilwima fost il‑poplu, li wasslet għal ħafna tixrid ta’ demm.

2 U dawk li rribellaw ġew maqtula u mkeċċija ’l barra mill‑pajjiż, u huma marru għand is‑sultan tal‑Lamaniti.

3 U ġara li huma ppruvaw jipprovokaw lil‑Lamaniti biex imorru jiġġieldu kontra n‑Nefiti; iżda araw, il‑Lamaniti nħakmu minn biża’ mill‑aktar kbira, hekk li huma ma ridux jisimgħu dak li bdew jgħidu dawk id‑dissidenti.

4 Iżda ġara li fis‑sena sitta u ħamsin tas‑saltna tal‑imħallfin, kien hemm xi dissidenti li minn man‑Nefiti għaddew għal mal‑Lamaniti; u huma rnexxielhom jipprovokaw lill‑bqija biex jimtlew bil‑għadab kontra n‑Nefiti; u dik is‑sena bdew ilkoll iħejju għall‑gwerra.

5 U fis‑sena sebgħa u ħamsin huma niżlu biex jiġġieldu kontra n‑Nefiti, u taw bidu għall‑ħidma tal‑mewt; iva, hekk li fis‑sena tmienja u ħamsin tas‑saltna tal‑imħallfin huma rnexxielhom jieħdu f’idejhom l‑art ta’ Żaraħemla; iva, kif ukoll l‑artijiet l‑oħra kollha, sal‑art li kienet tinsab qrib l‑art ta’ Kotran.

6 U n‑Nefiti u l‑armati ta’ Moronija ġew mġiegħla jaħarbu lejn l‑art ta’ Kotran;

7 U hemmhekk huma saħħew lilhom infushom kontra l‑Lamaniti, mill‑baħar tal‑punent, sa dak tal‑lvant; u l‑fruntiera li huma kienu ffortifikaw, li fit‑tramuntana tagħha kienu stazzjonaw l‑armati tagħhom biex jiddefendu arthom, kienet ġurnata mixi għal wieħed Nefita.

8 U b’hekk dawk id‑dissidenti Nefiti, bl‑għajnuna ta’ armata Lamanita mill‑aktar kbira, ħadu f’idejhom dak kollu li n‑Nefiti kellhom fl‑art tan‑nofsinhar. U dan kollu seħħ fis‑sena tmienja u ħamsin u disgħa u ħamsin tas‑saltna tal‑imħallfin.

9 U ġara li fis‑sena sittin tas‑saltna tal‑imħallfin, Moronija rnexxielu, flimkien mal‑armati tiegħu, jikseb f’idejh bosta nħawi tal‑pajjiż; iva huma reġgħu kisbu f’idejhom bosta bliet li kienu waqgħu f’idejn il‑Lamaniti.

10 U ġara li fis‑sena wieħed u sittin tas‑saltna tal‑imħallfin huma rnexxielhom jieħdu f’idejhom mill‑ġdid sewwasew nofs artijiethom kollha.

11 Issa din it‑telfa kbira li sofrew in‑Nefiti, u l‑massakru mill‑aktar kbir li seħħ fosthom, żgur li ma kinux jiġru li kieku ma kienx għal ħżunithom u l‑abominazzjonijiet li seħħew fosthom; iva, u dan seħħ ukoll fost dawk li ddikjaraw li huma parti mill‑knisja ta’ Alla.

12 U dan seħħ minħabba l‑kburija ta’ qalbhom, minħabba l‑ġid bla qjies tagħhom, iva, dan seħħ minħabba l‑oppressjoni tagħhom fuq il‑foqra, fejn huma baqgħu lura milli jitimgħu lill‑imġewħin, baqgħu lura milli jlibbsu lill‑għerja, u bdew jagħtu bil‑ħarta lil ħuthom l‑umli, u jgħaddu ż‑żmien b’dak li hu sagru, u jiċħdu l‑ispirtu tal‑profezija u tar‑rivelazzjoni, u bdew joqtlu, jissakkeġġjaw, jigdbu, jisirqu, u jaqgħu fiż‑żína, u wasslu għal bosta tilwim minħabba r‑ribelljoni tagħhom, u huma ngħaqdu mal‑Lamaniti fl‑art ta’ Nefi—

13 U minħabba dan il‑ħażen kbir tagħhom, u l‑ftaħir li bdew jiftaħru minħabba l‑qawwa tagħhom, huma tħallew għal riħhom; għalhekk huma ma komplewx jikbru fil‑ġid, iżda spiċċaw iġarrbu t‑tbatija u l‑kastigi, u ġew imġiegħla jaħarbu minn quddiem il‑Lamaniti, sakemm spiċċaw tilfu kważi l‑artijiet kollha tagħhom.

14 Iżda araw, Moronija xandar lin‑nies bosta ħwejjeġ minħabba ħżunithom, u l‑istess għamlu Nefi u Leħi, li kienu wlied Ħelaman, huma wkoll xandru bosta ħwejjeġ lin‑nies; iva, u ħabbrulhom bosta ħwejjeġ dwar ħżunithom u minn xiex kellhom jgħaddu jekk huma ma jindmux minn dnubiethom.

15 U ġara li huma nidmu, u għax nidmu huma beda jkollhom ir‑risq.

16 Għax meta Moronija ra li huma kienu nidmu huwa beda jipprova jmexxihom minn post għall‑ieħor, u minn belt għall‑oħra, sewwasew sakemm huma reġgħu kisbu lura f’idejhom nofs ġidhom u nofs l‑artijiet kollha tagħhom.

17 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena wieħed u sittin tas‑saltna tal‑imħallfin.

18 U ġara li fis‑sena tnejn u sittin tas‑saltna tal‑imħallfin, Moronija ma rnexxilux ikompli jikseb aktar artijiet li kienu jinsabu f’idejn il‑Lamaniti.

19 Għalhekk huma abbandunaw il‑pjan tagħhom li jieħdu f’idejhom il‑bqija ta’ artijiethom, għax il‑Lamaniti tant kienu numerużi li kien sar impossibbli li n‑Nefiti jiksbu fuqhom aktar poter; għalhekk Moronija poġġa l‑armati tiegħu biex jiddefendu dawk l‑inħawi li huwa kien ħa lura f’idejh.

20 U ġara li minħabba li l‑Lamaniti kienu daqstant numerużi, in‑Nefiti bdew jibżgħu bil‑kbir li jispiċċaw megħluba u mgħaffġin taħt riġlejn l‑għadu, u li jispiċċaw jinqatlu u jinqerdu.

21 Iva, huma bdew jiftakru fil‑profeziji ta’ Alma, kif ukoll fi kliem Mosija; u għarfu li huma kienu nies ta’ ras iebsa, u li ma kinux taw kas tal‑kmandamenti ta’ Alla;

22 U huma biddlu u għaffġu b’saqajhom il‑liġijiet ta’ Mosija, jew aħjar dak li l‑Mulej ordnalu biex jagħti lill‑poplu; u huma raw li l‑liġijiet tagħhom ma kinux aktar ġusti, u li huma kienu saru nies ħżiena, hekk li huma spiċċaw ħżiena bħal‑Lamaniti.

23 U minħabba ħżunithom il‑knisja bdiet sejra lura; u huma ma baqgħux aktar jemmnu fl‑ispirtu tal‑profezija u fl‑ispirtu tar‑rivelazzjoni; u l‑ħaqq ta’ Alla kien qed iħares dritt f’għajnejhom.

24 U huma għarfu li kienu saru nies dgħajfa, bħal ħuthom il‑Lamaniti, u li l‑Ispirtu tal‑Mulej ma setax jibqa’ jħarishom aktar; iva, huwa ma kienx aktar magħhom għaliex l‑Ispirtu tal‑Mulej ma jgħammarx f’tempji mhux qaddisa—

25 Għalhekk il‑Mulej ma baqax iħarishom aktar permezz tal‑qawwa mirakoluża u bla qjies tiegħu, għax huma kienu waqgħu fi stat ta’ nuqqas ta’ fidi u ta’ ħażen orribbli; u huma raw li l‑Lamaniti kienu ferm aktar numerużi minnhom, u jekk ma kinux se jibqgħu fidili lejn il‑Mulej Alla tagħhom, huma żgur kienu se jispiċċaw jinqerdu.

26 Għax araw, huma raw li l‑forza tal‑Lamaniti kienet b’saħħitha daqs tagħhom, bniedem għal bniedem. U b’hekk huma waqgħu f’din it‑trasgressjoni daqstant kbira; iva, b’hekk, fi spazju ta’ ftit snin biss, huma saru nies dgħajfin, minħabba t‑trasgressjoni tagħhom.