Skrittura
Ħelaman 6


Kapitlu 6

Il‑Lamaniti t‑twajbin ixandru l‑kelma lin‑Nefiti l‑ħżiena—Iż‑żewġ popli jikbru fil‑ġid fi żmien ta’ paċi u xaba’—Luċifru, l‑awtur tad‑dnub, iqanqal qlub il‑ħżiena u l‑briganti Gadjantuni biex joqtlu u jagħmlu l‑ħażen—Il‑briganti jieħdu f’idejhom il‑gvern mingħand in‑Nefiti. Madwar 29–23 Q.K.

1 U ġara li dan kollu seħħ meta s‑sena tnejn u sittin tas‑saltna tal‑imħallfin ġiet fi tmiemha, u l‑biċċa l‑kbira tal‑Lamaniti saru nies twajbin, hekk li t‑tjieba tagħhom kienet tiżboq lil dik tan‑Nefiti, minħabba l‑fermezza u s‑sodezza tal‑fidi tagħhom.

2 Għax araw, kien hemm bosta Nefiti li webbsu rashom u saru nies bla ndiema u mill‑aktar ħżiena, hekk li huma spiċċaw biex warrbu l‑kelma ta’ Alla u dak kollu li ġie mxandar u mħabbar fosthom.

3 Madankollu, in‑nies tal‑knisja thennew bil‑kbir minħabba l‑konverżjoni tal‑Lamaniti, iva, minħabba l‑knisja ta’ Alla, li twaqqfet fosthom. U huma bdew jissieħbu flimkien, u jifirħu flimkien, u esperjenzaw hena mill‑aktar kbira.

4 U ġara li ħafna mil‑Lamaniti niżlu fl‑art ta’ Żaraħemla, u bdew ixandru lill‑poplu Nefita kif seħħet il‑konverżjoni tagħhom, u bdew iħeġġuhom biex ikollhom il‑fidi u jindmu.

5 Iva, u ħafna kienu li bdew ixandru b’qawwa u b’awtorità liema bħalha, u huma wasslu lil ħafna minnhom sal‑qiegħ tal‑umiltà, biex huma jkunu d‑dixxipli umli ta’ Alla u tal‑Ħaruf.

6 U ġara li ħafna mil‑Lamaniti rħewlha lejn l‑art tat‑tramuntana; u Nefi u Leħi marru wkoll fl‑art tat‑tramuntana, biex ixandru l‑kelma lin‑nies. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tlieta u sittin.

7 U araw, bdiet issaltan il‑paċi mal‑art kollha, hekk li n‑Nefiti setgħu imorru f’liema naħa riedu tal‑art, kemm fost in‑Nefiti kif ukoll fost il‑Lamaniti.

8 U ġara li l‑Lamaniti setgħu imorru wkoll f’liema naħa riedu, kemm jekk kienet fost il‑Lamaniti kif ukoll fost in‑Nefiti; u b’hekk huma bdew jikkomunikaw bejniethom, biex jixtru u jbigħu, u biex jiksbu aktar ġid, skont xewqathom.

9 U ġara li kemm il‑Lamaniti kif ukoll in‑Nefiti saru nies mill‑aktar għonja; u huma kellhom ħażniet kbar ta’ deheb, u ta’ fidda, u ta’ kull xorta ta’ metall prezzjuż, kemm fl‑art tan‑nofsinhar kif ukoll fl‑art tat‑tramuntana.

10 Issa l‑art tan‑nofsinhar kien jisimha Leħi, u l‑art tat‑tramuntana kien jisimha Mulek, li kienet imsemmija għat‑tifel ta’ Sedekija; għax il‑Mulej kien mexxa lil Mulek lejn l‑art tat‑tramuntana, u lil Leħi lejn l‑art tan‑nofsinhar.

11 U araw, fiż‑żewġ artijiet kien hemm kull xorta ta’ deheb, u fidda, u metall prezzjuż ta’ kull għamla; u kien hemm ukoll nies tas‑sengħa, li kienu jaħdmu kull xorta ta’ metall u wara kienu jsaffuh; u b’hekk huma saru nies għonja.

12 Huma bdew ikabbru l‑qamħ bil‑kotra, kemm fl‑art tat‑tramuntana kif ukoll fl‑art tan‑nofsinhar; u huma bdew jiffjorixxu bil‑kbir, kemm fl‑art tat‑tramuntana kif ukoll fl‑art tan‑nofsinhar. U huma bdew joktru u jissaħħu bil‑kbir fuq wiċċ l‑art. U huma bdew irabbu bosta merħliet u baqar, iva, ħafna bhejjem imsemmna.

13 Araw, in‑nisa tagħhom bdew iħabirku u jinsġu, u bdew jagħmlu kull xorta ta’ tessuti, minn għażel minżuġ mill‑aktar fin u minn drapp ta’ kull għamla, biex huma jgħattu l‑għera tagħhom. U hekk għaddiet fis‑sliem is‑sena erbgħa u sittin.

14 U fis‑sena ħamsa u sittin huma esperjenzaw ukoll hena u paċi kbira, iva, u ħafna xandru l‑kelma u bosta profeziji dwar dak li kellu jseħħ. U hekk għaddiet is‑sena ħamsa u sittin.

15 U ġara li fis‑sena sitta u sittin tas‑saltna tal‑imħallfin, araw, Ċeżoram safa maqtul minn xi ħadd mhux magħruf hekk kif kien bilqiegħda fuq is‑siġġu tat‑tribunal. U ġara li fl‑istess sena, ibnu, li ġie maħtur minfloku mill‑poplu, safa maqtul ukoll. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena sitta u sittin.

16 U fil‑bidu tas‑sena sebgħa u sittin in‑nies reġgħu bdew isiru mill‑aktar ħżiena.

17 Għax araw, il‑Mulej berikhom għal żmien twil bil‑ġid tad‑dinja u huma la ġew imqanqla biex jimtlew bil‑għadab, u lanqas biex ixerrdu d‑demm; għalhekk huma bdew jorbtu qalbhom mal‑ġid materjali tagħhom; iva, huma bdew jaraw kif setgħu jiksbu aktar ġid ħalli jkunu jistgħu jitkabbru, wieħed aktar mill‑ieħor; għalhekk huma bdew joqtlu bil‑moħbi, u bdew jisirqu u jissakkeġġjaw, ħalli jkunu jistgħu jakkwistaw aktar.

18 U issa araw, dawk il‑qattiela u l‑ħallelin kienu parti minn tajfa li ġiet iffurmata minn Kiskumeni u Gadjantun. U issa ġara li kienu ħafna, anke minn fost in‑Nefiti, li kienu jagħmlu parti mit‑tajfa ta’ Gadjantun. Għax araw, huma kienu ferm aktar fost il‑Lamaniti l‑aktar nies ħżiena. U huma kienu jissejħu l‑briganti u l‑qattiela ta’ Gadjantun.

19 U kienu huma li qatlu lill‑prim imħallef Ċeżoram, u lil ibnu, waqt li kienu fis‑siġġu tat‑tribunal; u araw, huma baqgħu ma nstabux.

20 U issa ġara li meta l‑Lamaniti sabu li fosthom kien hemm il‑briganti huma bdew jitnikktu bil‑kbir; u ppruvaw jagħmlu dak kollu li setgħu biex jeqirduhom minn fuq wiċċ l‑art.

21 Iżda araw, Satana beda jipprovoka l‑biċċa l‑kbira tan‑Nefiti, hekk li huma spiċċaw ingħaqdu ma’ dawk it‑tajfiet ta’ briganti, u magħhom għamlu patt, u ħadu ġurament, li kienu lesti jipproteġu u jħarsu lil xulxin f’kull ċirkustanza diffiċli li jistgħu jkunu fiha, u li huma ma kellhomx ipattu għall‑qtil, għall‑issakkeġġar, u għas‑serq tagħhom.

22 U ġara li huma kellhom ċerti sinjali, iva; huma kellhom sinjali sigrieti, u kliem sigriet; u l‑għan ta’ dan kien biex huma jkunu jistgħu jagħrfu lil wieħed minn ħuthom li jkun għamel patt, biex kien x’kien il‑ħażen li jkun wettaq, ħadd ma kellu jinġurjah, la ħuh u lanqas dawk li kienu jagħmlu parti mit‑tajfa tiegħu, li bħalu kienu għamlu dan il‑patt.

23 U b’hekk huma setgħu joqtlu, u jissakkeġġjaw, u jisirqu, u jaqgħu fiż‑żína u jwettqu kull xorta ta’ ħażen, kontra l‑liġijiet ta’ pajjiżhom kif ukoll kontra l‑liġijiet ta’ Alla tagħhom.

24 U jekk ikun hemm xi ħadd li kien jagħmel parti mit‑tajfa tagħhom li jiżvela lil xi nies oħra dwar ħżunithom u l‑abominazzjonijiet tagħhom, huwa kellu jitressaq quddiem it‑tribunal, mhux skont il‑liġi ta’ pajjiżhom, iżda skont il‑liġi ta’ ħżunithom, li ġiet imfassla minn Gadjantun u Kiskumeni.

25 Issa araw, kienu dawn il‑ġuramenti u patti sigrieti li Alma ordna lil ibnu li m’għandhomx isiru jafu bihom in‑nies tad‑dinja, ma jmorrux ikunu l‑mezz li jwassal għall‑qerda tal‑poplu.

26 Issa araw, Gadjantun ma sarx jaf b’dawk il‑ġuramenti u patti sigrieti mill‑kitbiet li kienu għaddew f’idejn Ħelaman; iżda araw, huma ġew żvelati lil Gadjantun minn dak l‑istess esseru li ħajjar lill‑ewwel ġenituri tagħna biex jieklu mill‑frotta pprojbita—

27 Iva, dak l‑istess esseru li kkonfoffa ma’ Kajjin, u qallu li jekk huwa joqtol lil ħuh Abel id‑dinja ma kenitx se ssir taf b’dan. U minn dak iż‑żmien ’il quddiem huwa beda jikkonfoffa ma’ Kajjin u mas‑segwaċi tiegħu.

28 U huwa wkoll dak l‑istess esseru li żvela lin‑nies biex huma jibnu torri għoli biżżejjed li seta’ jilħaq is‑sema. U kien dak l‑istess esseru li mexxa lin‑nies li telqu minn dak it‑torri lejn din l‑art; li ferrex l‑għemejjel tad‑dlam u l‑abominazzjonijiet ma’ wiċċ l‑art kollha, sakemm huwa wassal lin‑nies lejn qerda sħiħa, u wassalhom sal‑infern ta’ dejjem.

29 Iva, huwa dak l‑istess esseru li żvela lil Gadjantun biex jibqa’ għaddej bl‑għemejjel tad‑dlam, u jibqa’ joqtol bil‑moħbi; u huwa sostna din il‑ħidma sa mill‑bidu tal‑bniedem sewwasew sal‑ġurnata tal‑lum.

30 U araw, huwa l‑awtur ta’ kull dnub. U araw, huwa jkompli jwettaq l‑għemejjel tad‑dlam u l‑qtil bil‑moħbi, u jibqa’ jgħaddi minn ġenerazzjoni għall‑oħra l‑konfoffi tagħhom, u l‑ġuramenti tagħhom, u l‑patti tagħhom, u l‑pjanijiet ta’ ħażen mill‑aktar terribbli tagħhom; u hu jkompli jagħmel dan diment li jkompli jaħkem f’idejh qlub ulied il‑bnedmin.

31 U issa araw, huwa rnexxielu jaħkem f’idejh qlub in‑Nefiti; iva, hekk li huma saru nies mill‑aktar ħżiena; iva, il‑biċċa l‑kbira minnhom abbandunaw it‑triq tas‑sewwa, u għaffġu b’saqajhom il‑kmandamenti ta’ Alla, u bdew jagħmlu dak li jridu, u bnew għalihom infushom allat tad‑deheb u tal‑fidda.

32 U ġara li dan il‑ħażen kollu seħħ fosthom fi spazju ta’ ftit snin biss, tant li l‑parti l‑kbira tal‑ħażen li seħħ fosthom seħħ fis‑sena sebgħa u sittin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

33 U huma komplew jikbru fi ħżunithom anke fis‑sena tmienja u sittin, u dan wassal għal bosta niket u biki fost it‑twajbin.

34 U b’hekk naraw li n‑Nefiti ftit, ftit bdew jitilfu l‑fidi, u bdew jikbru fil‑ħażen u l‑abominazzjonijiet, waqt li l‑Lamaniti bdew jikbru ferm fl‑għarfien ta’ Alla tagħhom; iva, huma bdew iħarsu l‑preċetti u l‑kmandamenti tiegħu, u bdew jimxu fis‑sewwa u t‑tjieba quddiemu.

35 U b’hekk naraw li l‑Ispirtu tal‑Mulej beda jitbiegħed min‑Nefiti, minħabba l‑ħażen u l‑ebusija ta’ qalbhom.

36 U b’hekk naraw li l‑Mulej beda jsawwab l‑Ispirtu tiegħu fuq il‑Lamaniti, minħabba l‑inklinazzjoni u r‑rieda tagħhom li jemmnu fi kliemu.

37 U ġara li l‑Lamaniti marru wara t‑tajfa ta’ briganti ta’ Gadjantun; u huma xandru l‑kelma ta’ Alla fost l‑aktar nies ħżiena fosthom, hekk li din it‑tajfa ta’ briganti spiċċat biex inqerdet għal kollox minn fost il‑Lamaniti.

38 U mill‑banda l‑oħra ġara li n‑Nefiti għenuhom biex ikomplu jissaħħu u tawhom l‑appoġġ tagħhom, fejn bdew mill‑aktar ħżiena fosthom, u wara żaru l‑art kollha tan‑Nefiti, u huma qarrqu bl‑aktar twajbin fosthom sakemm dawn spiċċaw jemmnu fl‑għemejjel tagħhom u bdew jaqsmu magħhom ħwejjeġ li kienu serqu mingħand ħaddieħor, u bdew jingħaqdu magħhom fil‑qtil bil‑moħbi u fl‑alleanzi sigrieti.

39 U b’hekk huma kisbu l‑kontroll assolut tal‑gvern, hekk li huma bdew jgħaffġu b’saqajhom u jsawtu u jittrattaw ħażin u jagħtu daharhom lill‑foqra u lill‑imsejknin, u lid‑dixxipli umli ta’ Alla.

40 U b’hekk naraw li huma kienu jinsabu fi stat terribbli, u kienu lesti għall‑qerda ta’ dejjem.

41 U ġara li b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmienja u sittin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.