Il‑Profezija ta’ Nefi, Bin Ħelaman—Alla jhedded lin‑nies ta’ Nefi li huwa se jżurhom fl‑għadab tiegħu, sakemm jinqerdu għalkollox jekk huma ma jindmux minn ħżunithom. Alla jibgħat il‑pesta fuq il‑poplu ta’ Nefi; huma jindmu u jduru lejh. Samwel, li hu Lamanita, iħabbar lin‑Nefiti.
Jikkonsisti minn kapitlu 7 sa 16.
Kapitlu 7
Nefi ma jkunx milqugħ fin‑naħa tat‑tramuntana u jerġa’ lura f’Żaraħemla—Huwa jmur jitlob fuq torri fil‑ġnien tiegħu u mbagħad iwiddeb lin‑nies biex jindmu jew inkella jinqerdu. Madwar 23–21 Q.K.
1 Araw, issa ġara li fis‑sena disgħa u sittin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu Nefita, Nefi, bin Ħelaman, reġa’ lura fl‑art ta’ Żaraħemla mill‑art tat‑tramuntana.
2 Għax huwa kien mar fost in‑nies li kienu fl‑art tat‑tramuntana, u xandrilhom il‑kelma ta’ Alla, u ħabbrilhom bosta ħwejjeġ;
3 U huma ma laqgħux kliemu, hekk li huwa ma setax jibqa’ aktar fosthom, iżda reġa’ lura għal darb’oħra f’art twelidu.
4 U meta huwa ra lin‑nies fi stat ta’ ħażen daqstant terribbli, u ra lil dawk il‑briganti Gadjantuni jokkupaw is‑siġġijiet tat‑tribunal—fejn kienu ħadu f’idejhom bil‑forza s‑setgħa u l‑awtorità tal‑pajjiż; u warrbu l‑kmandamenti ta’ Alla, u bl‑ebda mod ma raw li jagħmlu dak li hu ġust quddiemu; u ma mxewx b’ġustizzja ma’ wlied il‑bnedmin;
5 Fejn huma kkundannaw lit‑twajbin minħabba t‑tjieba tagħhom; u bdew iħallu lill‑ħatja u lill‑ħżiena jgħadduha lixxa minħabba flushom; u barra minn hekk ħadu l‑poter f’idejhom fit‑tmexxija tal‑gvern, biex imexxu u jagħmlu li jridu huma, biex ikunu jistgħu jakkwistaw u jiksbu l‑glorja tad‑dinja, u barra minn hekk, ikunu jistgħu b’aktar faċilità jagħmlu adulterju, u jisirqu, u joqtlu, u jagħmlu li jridu huma—
6 Issa dan il‑ħażen kollu seħħ fost in‑Nefiti, fi spazju ta’ ftit snin biss; u meta Nefi ra dan, qalbu tqanqlet bin‑niket li ħass ġewwa fih; u fl‑agunija ta’ ruħu huwa stqarr:
7 O, li kieku għext ħajti fi żmien meta missieri Nefi ħalla l‑art ta’ Ġerusalemm, biex miegħu kont inkun nista’ nithenna fl‑art imwiegħda; fi żmienu niesu kienu jsibuha faċli jagħmlu dak li kien mitlub minnhom, u kienu dejjem jaraw li jħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla, u ma kinux faċli jitmexxew ħalli jagħmlu l‑ħażen; u lanqas ma kienu jsibuha bi tqila biex jagħtu widen għal kliem il‑Mulej—
8 Iva, li kieku jien għext ħajti f’dawk iż‑żminijiet, ruħi kienet tithenna fit‑tjieba ta’ ħuti.
9 Iżda araw, jien ġejt magħżul biex ngħix f’dawn iż‑żminijiet, u biex ruħi timtela bin‑niket minħabba dan il‑ħażen ta’ ħuti.
10 U araw, ġara li dan kollu seħħ fuq torri, li kien fil‑ġnien ta’ Nefi, li kien jinsab qrib it‑triq li kienet tagħti għas‑suq ewlieni, li kien fil‑belt ta’ Żaraħemla; għalhekk, Nefi niżel għarkupptejh fuq it‑torri li kien jinsab fil‑ġnien tiegħu, liema torri kien jinsab ukoll qrib il‑bieb tal‑ġnien minn fejn kienet tgħaddi t‑triq.
11 U ġara li kienu għaddejjin xi rġiel minn hemm u lemħu lil Nefi waqt li kien qed joffri ruħu lil Alla fuq it‑torri; u huma marru jiġru jgħidu lin‑nies b’dak li kienu raw, u n‑nies inġabru flimkien f’miġemgħa biex jaraw għalfejn kien hemm daqstant niket minħabba l‑ħżunija tal‑poplu.
12 U issa, meta Nefi qam fuq riġlejh huwa ra l‑folla miġbura flimkien.
13 U ġara li huwa fetaħ fommu u qalilhom: Araw, għalfejn inġbartu hawn flimkien? Biex jiena ngħidilkom dwar ħżunitkom?
14 Iva, għax jiena tlajt fuq it‑torri tiegħi ħalli nkun nista’ noffri ruħi lil Alla tiegħi, minħabba l‑qalb mill‑aktar imnikkta tiegħi u dan minħabba ħżunitkom!
15 U minħabba l‑krib u t‑tnehid tiegħi intom inġbartu flimkien, u qed tistagħġbu; iva, u għandkom tassew għalfejn tistagħġbu; iva, għandkom tistagħġbu għax intom tajtu lilkom infuskom f’idejn ix‑xitan u huwa ħakem qalbkom daqstant.
16 Iva, x’fettlilkom waqajtu għat‑tħajjir ta’ dak li qed jipprova jixħet ruħkom fil‑miżerja ta’ dejjem u fi gwaj bla tmiem?
17 Indmu, indmu! Għalfejn għandkom tmutu? Duru, duru lejn il‑Mulej Alla tagħkom. Għalfejn abbandunakom?
18 Abbandunakom għax intom webbistu qalbkom; iva, intom ma tridux tagħtu widen għal leħen ir‑ragħaj it‑tajjeb; iva, intom xgħeltu lill‑Mulej bil‑għadab għalikom.
19 U araw, jekk intom ma tindmux, minflok mhu se jiġborkom flimkien, huwa sejjer ixerridkom ma’ kullimkien u intom issiru ikel għall‑klieb u l‑bhejjem selvaġġi.
20 O, x’fettlilkom tinsew lil Alla tagħkom fl‑istess jum li fih ħeliskom?
21 Iżda araw, dan intom għamiltuh biex takkwistaw, biex ifaħħrukom in‑nies, iva, u biex tkunu tistgħu tiksbu d‑deheb u l‑fidda. U intom irbattu qalbkom mal‑ġid u l‑frugħa ta’ din id‑dinja, u minħabba f’hekk intom qtiltu, u ssakkeġġjajtu, u sraqtu, u tajtu xhieda falza kontra għajrkom, u għamiltu kull xorta ta’ ħażen.
22 U minħabba f’hekk, jekk intom ma tindmux, intom se tintlaqtu minn gwaj. Għax jekk ma tindmux, araw, din il‑belt kbira, kif ukoll dawk l‑ibliet il‑kbar li jinsabu mal‑madwar, li jinsabu fl‑art li aħna għandna f’idejna, se jispiċċaw jittieħdu minn idejna u intom ma tibqgħux tgħammru aktar fihom; għax araw, il‑Mulej ma jagħtikomx il‑qawwa, kif sa issa dejjem għamel, biex intom tibqgħu tirreżistu kontra l‑għedewwa tagħkom.
23 Għax araw, dan jgħid il‑Mulej: Jiena ma nurix il‑qawwa tiegħi mal‑ħżiena, la ma’ wieħed u lanqas mal‑ieħor, nuriha biss ma’ dawk li jindmu minn dnubiethom, u jagħtu widen għal kliemi. Issa għalhekk, nixtieqkom taraw, ħuti, li se jkun aħjar għal‑Lamaniti milli għalikom jekk intom tibqgħu ma tindmux.
24 Għax araw, huma aktar twajbin minnkom, għax huma ma dinbux kontra dak l‑għarfien kbir li ġie żvelat lilkom; għalhekk il‑Mulej se juri ħnientu magħhom; iva, huwa se jtawwal jiemhom fuq din l‑art u se jkattar nisilhom, anke meta intom tisfaw meqruda għal kollox, jekk tibqgħu ma tindmux.
25 Iva, ħażin ikun għalikom minħabba dik l‑abominazzjoni mill‑aktar kbira li ġiet imwaqqfa fostkom u li intom ingħaqadtu magħha, iva, ma’ dik it‑tajfa sigrieta li waqqaf Gadjantun!
26 Iva, ħażin ikun għalikom minħabba dik il‑kburija li intom ħallejtu li tidħol f’qalbkom, li mlietkom b’arroganza li tiżboq it‑tajjeb kollu tagħkom u dan minħabba l‑ġid mill‑aktar kbir li għandkom!
27 Iva, ħażin ikun għalikom minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tagħkom!
28 U jekk ma tindmux intom sejrin tinqerdu; iva, anke artijietkom sejrin jittieħdulkom, u intom sejrin tinqerdu minn fuq wiċċ l‑art.
29 Għax araw, jien mhux qed ngħid dan kollu minn rajja, għax dawn il‑ħwejjeġ jien ma nafhomx minn rajja; iżda araw, jien naf li dan kollu huwa veru għax kien il‑Mulej Alla li żvelali dan kollu, għalhekk jiena nixhed li huma għad jiġu fis‑seħħ.