Skrittura
Ħelaman 8


Kapitlu 8

Imħallfin korrotti jaraw kif ixewxu lin‑nies biex iqumu kontra Nefi—Abraham, Mosè, Żenos, Żenok, Eżija, Isaija, Ġeremija, Leħi, u Nefi lkoll taw xhieda ta’ Kristu—Permezz tal‑ispirazzjoni Nefi jħabbar il‑qtil tal‑prim imħallef. Madwar 23–21 Q.K.

1 U issa ġara li meta Nefi qal dan il‑kliem, araw, kien hemm irġiel li kienu mħallfin, u li kienu jagħmlu parti wkoll mit‑tajfa sigrieta ta’ Gadjantun, u huma mtlew bil‑korla, u bdew jeħduha kontrih u jgħidu lin‑nies: Għalfejn ma taqbdux lil dan ir‑raġel u toħduh biex jingħata l‑kundanna skont ir‑reat li huwa wettaq?

2 Għalfejn dar‑raġel se tibqgħu tħarsu lejh, u toqogħdu tisimgħuh iżeblaħ lil dan il‑poplu u l‑liġi tagħna?

3 Għax araw, Nefi kellimhom dwar il‑liġi korrotta tagħhom; iva, Nefi qalilhom bosta ħwejjeġ li ma jistgħux jinkitbu; u huwa ma qal xejn li jmur kontra l‑kmandamenti ta’ Alla.

4 U dawk l‑imħallfin ħaduha kontrih għax huwa kellimhom bla tlaqliq dwar l‑għemejjel sigrieti tad‑dlam; madankollu, huma m’azzardawx jerfgħu idejhom fuqu, għax beżgħu li n‑nies jeħduha kontrihom.

5 Għalhekk huma daru fuq in‑nies u b’leħen għoli qalulhom: Għalfejn qed tħallu lil dan ir‑raġel iżeblaħna? Għax araw, hu qed jikkundanna lil dawn in‑nies kollha, u qed jgħidilhom li huma se jinqerdu; iva, u qed jgħid ukoll li dawn il‑bliet kbar tagħna sejrin jittieħdu minn għandna, u li fihom mhux se jkun hemm post għalina.

6 Issa aħna nafu li din xi ħaġa impossibbli, għax araw, aħna nies setgħana, u l‑istess blietna, għalhekk l‑għedewwa tagħna ma jistgħu qatt jiksbu l‑poter fuqna.

7 U ġara li b’hekk huma bdew ixewxu lin‑nies biex jeħduha kontra Nefi, u bdew jinċitaw il‑ġlied fosthom; għax kien hemm xi wħud li bdew jgħidu: Ħalluh bi kwietu lil dan ir‑raġel, għax hu raġel twajjeb, u dak kollu li qal żgur li se jiġi fis‑seħħ jekk aħna ma nindmux;

8 Iva, araw, fuqna se jinżlu l‑kastigi kollha sewwasew kif huwa xehed magħna; għax aħna nafu li x‑xhieda kollha li huwa ta dwar ħżunitna hija kollha vera. U araw il‑ħażen tagħna huwa kbir, u huwa jaf ukoll dwar dak kollu li aħna se ngħaddu minnu bħalma jaf dwar ħżunitna;

9 Iva, u araw, li kieku hu ma kienx profeta ma kienx se jixhed dwar dawk il‑ħwejjeġ.

10 U ġara li dawk in‑nies li ppruvaw jeqirdu lil Nefi ġew imġiegħla, minħabba l‑biża’ tagħhom, biex ma jerfgħux idejhom fuqu; għalhekk huwa reġa’ beda jkellimhom, meta ra li kien hemm fosthom min beda jappoġġjah, hekk li l‑kumplament bdew jibżgħu.

11 Għalhekk huwa ħass li kellu jkompli jkellimhom ftit ieħor u qalilhom: Araw, ħuti, ma qrajtux intom li Alla ta l‑qawwa lil wieħed raġel, sewwasew lil Mosè, biex jagħti daqqa fuq l‑ilmijiet tal‑Baħar tal‑Qasab, u dawn inferqu, ’l hawn u ’l hemm, hekk li l‑Iżraelin, li kienu missirijietna, qasmu fuq art niexfa, u l‑ilmijiet reġgħu ngħalqu fuq l‑armati tal‑Eġizzjani u belgħuhom?

12 U issa araw, jekk lil dan ir‑raġel Alla tah daqstant qawwa, mela għalfejn qed targumentaw bejnietkom, u tgħidu li lili ma tani l‑ebda qawwa li permezz tagħha jiena nista’ nkun naf dwar il‑kastigi li se jolqtukom jekk intom ma tindmux?

13 Iżda, araw, intom mhux biss qegħdin tiċħdu kliemi, iżda intom qegħdin ukoll tiċħdu l‑kliem kollu li qalu missirijietna, kif ukoll il‑kliem li qal dan ir‑raġel, Mosè, li lilu ġiet mogħtija daqstant qawwa, iva, il‑kliem li huwa qal dwar il‑miġja tal‑Messija.

14 Iva, huwa ma xehedx li Bin Alla għandu jiġi? U bl‑istess mod kif huwa rafa’ s‑serp tal‑bronż fid‑deżert, għad jintrefa’ dak li għandu jiġi.

15 U kif dawk kollha li jħarsu lejn dak is‑serp sejrin jgħixu, l‑istess jistgħu jgħixu dawk kollha li jħarsu lejn Bin Alla b’fidi, u bi spirtu niedem; huma jistgħu jgħixu sewwasew dik il‑ħajja li tibqa’ għal dejjem.

16 U issa araw, ma kienx biss Mosè li xehed dwar dawn il‑ħwejjeġ, iżda l‑istess għamlu l‑profeti qaddisa kollha, sewwasew minn żmienu lura sa żmien Abraham.

17 Iva, u araw, Abraham seta’ jara l‑miġja tiegħu, u huwa mtela bil‑ferħ u thenna.

18 Iva, u araw jien ngħidilkom, li ma kienx biss Abraham li kien jaf dwar dan kollu, iżda kien hemm bosta oħrajn qabel żmien Abraham li ġew imsejħin permezz tal‑ordni ta’ Alla; iva, sewwasew skont l‑ordni ta’ Ibnu; u dan sar biex in‑nies isiru jafu, eluf u eluf ta’ snin qabel il‑miġja tiegħu, li huma tabilħaqq setgħu jiksbu l‑fidwa.

19 U issa nixtieqkom tkunu tafu, li anke minn żmien Abraham ’l hawn kien hemm bosta profeti li xehdu dwar dawn il‑ħwejjeġ; iva, araw, il‑profeta Żenos xehed b’mod mill‑aktar qalbieni; u minħabba f’hekk huwa nqatel.

20 U araw, l‑istess għamel Żenok, u l‑istess Eżija, u l‑istess Isaija, u Ġeremija, (Ġeremija huwa l‑istess profeta li xehed dwar il‑qerda ta’ Ġerusalemm) u issa nafu li Ġerusalemm spiċċat meqruda skont kliem Ġeremija. Mela allura għalfejn Bin Alla ma jistax jiġi, skont il‑profezija tiegħu?

21 U issa għandkom xi dubju li Ġerusalemm ġiet meqruda? Jista’ xi ħadd jgħid li wlied Sedekija ma ġewx maqtula lkoll, ħlief Mulek? Iva, u mhux qed taraw li dawk li ġejjin minn nisel Sedekija jinsabu magħna, u li huma ġew imkeċċijin ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm? Iżda araw, dan mhux kollox—

22 Missierna Leħi ġie mkeċċi ’l barra minn Ġerusalemm għaliex huwa xehed dwar dawn il‑ħwejjeġ. Nefi wkoll xehed dwar dawn il‑ħwejjeġ, kif xehdu wkoll tista’ tgħid kull wieħed minn missirijietna, sewwasew sal‑ġurnata tal‑lum; iva, huma xehdu dwar il‑miġja ta’ Kristu, u huma thennew u ħarsu ’l quddiem lejn il‑jum li fih għandu jiġi.

23 U araw, huwa tabilħaqq Alla, u huwa jinsab magħhom, u hu wera lilu nnifsu lilhom, u huma ġew mifdija minnu; u lilu huma taw glorja, minħabba dak li għandu jiġi.

24 U issa, peress li dawn il‑ħwejjeġ intom tafuhom u ma tistgħux tiċħduhom, sakemm ma taqgħux fil‑gideb, għalhekk f’din il‑ħaġa intom dnibtu, għax intom ċħadtu dan kollu, minkejja l‑evidenza kbira li ngħatajtu; iva, sewwasew intom ingħatajtu kull ħaġa, kemm li tinsab fis‑smewwiet, kif ukoll li tinsab fl‑art, bħala xhieda li dawn il‑ħwejjeġ huma vera.

25 Għax araw, intom ċħadtu l‑verità, u ħadtuha kontra l‑imqaddes Alla tagħkom; u anke bħalissa, minflok m’intom iġġemmgħu għalikom teżori fis‑smewwiet, fejn xejn ma jitmermer, u fejn l‑ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tgħammar, intom qegħdin taħżnu l‑għadab għalikom infuskom għal jum il‑ħaqq.

26 Iva, anki bħalissa intom tinsabu lesti għall‑qerda ta’ dejjem, minħabba l‑qtil tagħkom u ż‑żína u l‑ħażen tagħkom; iva, u jekk intom ma tindmux mhux se ddumu ma tinqerdu.

27 Iva, araw il‑qerda tagħkom tinsab fil‑qrib; iva, morru ħdejn is‑siġġu tat‑tribunal, u ssiru tafu; u araw, l‑imħallef tagħkom safa maqtul, u huwa jinsab mgħarraq f’demmu; u hu ġie maqtul minn ħuh, li qed jipprova jokkupa s‑siġġu tat‑tribunal.

28 U araw, it‑tnejn li huma jagħmlu parti mit‑tajfa sigrieta, li ġiet maħluqa minn Gadjantun u mill‑malinn li jara kif jagħmel biex jeqred ruħ il‑bnedmin.