Kif Nista’ Nservi fil-Knisja?
Alla tak talenti u doni speċjali li int tista’ tuża biex tgħin lill-kongregazzjoni lokali tiegħek, tgħin lill-komunità tiegħek, u sservi lil ulied Alla ma’ kullimkien. Inti timxi wara l-eżempju ta’ Ġesù Kristu hekk kif tfittex li tilħaq il-bżonnijiet individwali ta’ ħaddieħor, persuna wara l-oħra. Fost l-aktar servizz importanti li int tista’ tagħti hemm l-għemejjel informali u sempliċi ta’ tjubija u mħabba lejn individwi mingħajr ma inti tiġi mitlub jew assenjat li tagħmel dan. Inti tista’ tgħin lill-oħrajn iħossu l-imħabba ta’ Alla u jilħqu l-potenzjal tagħhom hekk kif taqsam magħhom il-ħin, it-talenti, u l-mezzi tiegħek biex tgħinhom fil-bżonnijiet tagħhom. Parti mit-tkabbir u t-tagħlim personali tiegħek tiksbu hekk kif inti sservi fil-Knisja u tgħin lill-oħrajn biex jitgħallmu u jikbru wkoll. Hekk kif issir taf membri oħra fil-kongregazzjoni lokali tiegħek, inti ssib li għandek ħafna x’toffrilhom.
Sejħiet fil-Knisja
Wara l-magħmudija, intom tistgħu tirċievu sejħa, jew assenjazzjoni formali biex isservu fil-Knisja. Alla jaf x’inhuma l-abbiltajiet u d-dgħjufijiet tiegħek. Hu għandu pjan personali biex jgħinek tiżviluppa fil-persuna li jridek issir. Bħala parti minn dak il-pjan, Alla jispira lill-mexxejja tal-Knisja biex jassenjawk f’sejħiet li Hu jaf li lilek sa jberkuk u sa jagħtuk iċ-ċans li tbierek lil ħaddieħor. Is-servizz tiegħek fis-sejħiet jista’ jgħinek tiskeb għarfien ġdid, ħiliet ġodda, u ħbiberija ġdida. Il-mexxejja tal-Knisja jagħtuk linjigwida, direzzjoni, u sapport biex jgħinuk tieħu gost bis-sejħa tiegħek u twettaqha b’suċċess. Hekk kif inti titlob għall-għajnuna, l-Ispirtu s-Santu jagħtik l-ispirazzjoni, id-direzzjoni, u l-faraġ.
Il-Mulej wiegħed, “Jekk huma jiċċekknu quddiemi, u jkollhom il-fidi fija, imbagħad jiena nqawwihom fejn huma jinsabu dgħajfin” (Ether 12:27). Il-Mulej iqawwik fl-isforzi tiegħek li sservi.
Il-Proċess kif Tirċievi s-Sejħiet
Il-Knisja hi komunità ta’ mħabba u sapport. Inti ma tkunx waħdek hekk kif int tagħmel li tista’ biex isservi fis-sejħa tiegħek. Wara li int taċċetta sejħa, il-membri tal-kongregazzjoni tiegħek waqt laqgħa tas-sagrament jindikaw li huma jaqblu li jsostnuk, jew jissapportjawk fis-sejħa tiegħek. Il-membri jindikaw dan is-sapport billi jgħollu idhom il-leminija meta jintalbu jagħmlu dan minn membru tal-veskovat jew tal-presidenza tal-fergħa.
Bħala membru tal-Knisja, inti tista’ ssostni wkoll lil ħaddieħor fis-sejħiet tagħhom b’modi varji. Per eżempju, inti tista’ tieħu sehem fil-klassijiet u fl-attivitajiet imħejjija minn ħaddieħor, titlob għalihom, tipparteċipa meta huma jkollhom bżonn l-għajnuna fis-sejħiet tagħhom, jew issaħħaħ lil dawk li jafu qed isibuha diffiċli. Inti tista’ ssostni wkoll lill-mexxejja tiegħek tal-Knisja billi timxi wara l-parir li jipprovdulek. Li ssostni lil ħaddieħor hu mod kif tista’ sservi.
Wara li tirċievi sejħa, inti tiġi wkoll distint minn mexxej tas-saċerdozju. Meta tiġi distint, inti tirċievi barkiet tas-saċerdozju speċjali. Din il-barka tagħtik l-awtorità minn Alla biex tirċievi l-ispirazzjoni u twettaq il-ħidma tas-sejħa tiegħek.
Is-sejħiet huma kollha ndaqs fl-importanza tagħhom u jgħinu fil-bini tas-saltna ta’ Alla. Is-servizz fil-Knisja huwa wieħed volontarju u bla ħlas. Minbarra s-sejħa ta’ missjunarju full-time, ħafna mis-sejħiet ma jirrikjedux impenn full-time. Il-membri jkomplu jaħdmu fil-karrieri jew fl-impjiegi tagħhom waqt li jservu fil-Knisja. Is-sejħiet ma jinvolvu l-ebda promozzjoni jew demozzjoni, u l-membri m’għandhomx jaspiraw għal xi sejħiet partikolari.
It-tibdil fis-sejħiet jagħti ċans lil ħafna nies biex iservu f’kapaċitajiet differenti. Il-mexxejja tal-Knisja jistgħu jirċievu l-ispirazzjoni li jsejħulek f’sejħa differenti u li jeżonerawk mis-sejħa kurrenti. La darba tkun ġejt eżonerat, inti ma tkunx aktar responsabbli għad-dmirijiet tas-sejħa li kellek qabel u inti tkun disponibbli biex tieħu fuqek ir-responsabbiltajiet ta’ sejħa ġdida. Il-kongregazzjoni tiegħek tista’ tagħraf ukoll li inti ġejt eżonerat u tirringrazzjak għas-servizz tiegħek bl-istess mod kif għamlet meta inti ġejt sostnut.