Fuljetti għat-Tagħlim
Osservanza ta’ Jum il-Mulej


Osservanza ta’ Jum il-Mulej

mara u tifel b’kontenitur tas-sagrament

Li nieħdu sehem fis-sagrament kull nhar ta’ Ħadd jagħtina qawwa spiritwali.

Jum il-Mulej hu jum iddedikat biex nonoraw lill-Mulej. L-attitudni u l-imġieba tiegħek f’dan il-jum juru lil Alla x’inhuma s-sentimenti tiegħek lejh. Inti ssib l-għaxqa tiegħek fil-Mulej hekk kif tara li fid-dar tiegħek Jum il-Mulej hu differenti mill-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Ħu sehem f’attivitajiet li jsaħħu l-għaqda tal-familja, bħal meta intom tgħallmu l-evanġelju lil xulxin u ssiru tafu aktar dwar l-antenati tagħkom. Ir-rivisti u l-websajts tal-Knisja bħal ChurchofJesusChrist.org fihom ħafna riżorsi li jistgħu jgħinuk tqim il-Mulej f’darek fil-jum tiegħu. Strieħ mill-attivitajiet regolari ta’ matul il-ġimgħa u fittex li toffri servizz lil dawk li ma jifilħux jew li jinsabu weħidhom jew inkella huma fil-bżonn. Attitudni ta’ reverenza u qima f’darek f’Jum il-Mulej hi turija ta’ mħabba u rispett lejn Alla.

Inti tonora wkoll Jum il-Mulej billi tattendi s-servizzi tal-Knisja kull nhar ta’ Ħadd. L-aktar parti importanti tal-knisja hi s-sagrament. Waqt il-laqgħa tas-sagrament, il-ħobż u l-ilma jitbierku u jitqassmu lill-kongregazzjoni bħala tifkira tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Il-ħobż jirrappreżenta ġismu, u l-ilma jirrappreżenta demmu. Waqt din l-ordinanza inti tiġi mfakkar fil-patti li għamilt ma’ Alla u tkun tista’ terġa’ ġġeddidhom. Wara l-magħmudija u l-konferma, is-sagrament jipprovdilek iċ-ċans li inti tindem, titnaddaf mid-dnub, u żżomm dejjem miegħek is-sħubija tal-Ispirtu s-Santu. Hekk kif kull ġimgħa b’mod riflessiv tieħu sehem fis-sagrament u tisma’ b’attenzjoni t-talb tas-sagrament, inti tibda tifhem aħjar l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu u l-patti tiegħek.

Alla jkellmek permezz tal-Ispirtu s-Santu hekk kif int tattendi s-servizzi tal-Knisja. Attitudni ta’ reverenza tħejjik biex tagħraf il-ħsibijiet u s-sentimenti li tista’ tirċievi mingħand l-Ispirtu s-Santu. Xi modi kif int tista’ turi rispett lejn Alla jinkludu li tasal il-Knisja kmieni, tpoġġi bilqiegħda bil-kwiet, u toqgħod attent waqt is-servizzi tal-Knisja. Hekk kif inti tiffoka fuq li tisma’ l-messaġġi u t-testimonjanzi ta’ ħaddieħor u tal-Ispirtu s-Santu, inti tikber fl-għarfien u t-testimonjanza. Il-Mulej iħobbok u jbierkek hekk kif kull ġimgħa inti tkompli tattendi l-knisja, anke meta int tkun għaddej minn xi diffikultajiet jew qed tħossok li żbaljajt.

grupp ta’ tfajliet

Klassi tat-Tfajliet jistudjaw l-evanġelju.

Servizzi oħra tal-Knisja jinkludu l-Iskola tal-Ħadd għall-adulti u għaż-żgħażagħ kif ukoll klassijiet oħra fi gruppi iżgħar. F’dawn il-laqgħat, il-membri tal-Knisja jitgħallmu l-evanġelju flimkien, jistaqsu mistoqsijiet, u jissapportjaw lil xulxin. Inti tista’ tikseb tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħek u soluzzjoni għall-isfidi tiegħek hekk kif kull ġimgħa tieħu sehem fil-knisja. Tista’ ssib ukoll il-qawwa hekk kif int tassoċja ruħek mal-membri tal-Knisja.