Skrittura
Spjegazzjoni Qasira dwar il‑Ktieb ta’ Mormon


Spjegazzjoni Qasira dwar il‑Ktieb ta’ Mormon

Il‑Ktieb ta’ Mormon hu rakkont sagru ta’ popli fl‑Amerika tal‑qedem u hu ġie mnaqqax fuq pjanċi tal‑metall. Is‑sorsi li minnhom ġie miġbur flimkien jinkludu dawn li ġejjin:

  1. Il‑Pjanċi ta’ Nefi, li kienu ta’ żewġ tipi: il‑pjanċi ż‑żgħar u l‑pjanċi l‑kbar. L‑ewwel tip kienu aktar iddedikati b’mod partikolari għal ħwejjeġ spiritwali u għall‑ministeru u t‑tagħlim tal‑profeti, filwaqt li t‑tieni tip kienu jittrattaw l‑aktar l‑istorja sekulari tal‑popli kkonċernati (1 Nefi 9:2–4). Minn żmien Mosija, madankollu, il‑pjanċi l‑kbar bdew jinkludu fihom ukoll ħwejjeġ ta’ importanza kbira spiritwali.

  2. Il‑Pjanċi ta’ Mormon, li jikkonsistu f’kompendju li Mormon għamel mill‑pjanċi l‑kbar ta’ Nefi, b’ħafna kummenti. Dawn il‑pjanċi fihom ukoll kontinwazzjoni tal‑istorja miktuba minn Mormon u xi kitba oħra li kiteb ibnu Moroni.

  3. Il‑Pjanċi ta’ Għeter, li jippreżentaw l‑istorja tal‑Ġarediti. Dawn l‑annali ġew miġburin fil‑qosor minn Moroni, fejn huwa żied ċerti kummenti personali u nkorpora dawn l‑annali mal‑istorja ġenerali taħt it‑titlu “Ktieb ta’ Għeter.”

  4. Il‑Pjanċi tar‑Ram li nġabu minn Ġerusalemm mill‑poplu ta’ Leħi fis‑sena 600 Q.K. Dawn kienu jinkludu fihom “il‑ħames kotba ta’ Mosè, … kif ukoll l‑istorja tal‑Lhud sa mill‑bidu, … u tibqa’ sejra sal‑bidu tas‑saltna ta’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda; kif ukoll il‑profeziji tal‑profeti qaddisa” (1 Nefi 5:11–13). Fil‑Ktieb ta’ Mormon insibu bosta kwotazzjonijiet minn dawn il‑pjanċi, li jikkwotaw lil Isaija u lil profeti oħra, kemm bibbliċi u anke mhux bibbliċi.

Il‑Ktieb ta’ Mormon hu magħmul minn ħmistax‑il parti jew diviżjoni prinċipali, li kollha, ħlief għal eċċezzjoni waħda, jissejħu kotba, u normalment huma msemmija għall‑awtur ewlieni tagħhom. L‑ewwel parti (l‑ewwel sitt kotba, bl‑aħħar wieħed Omni) hi traduzzjoni mill‑pjanċi ż‑żgħar ta’ Nefi. Bejn il‑kotba ta’ Omni u Mosija hemm inserzjoni bl‑isem ta’ il‑Kliem ta’ Mormon. Din l‑inserzjoni tgħaqqad flimkien l‑annali mnaqqxin fuq il‑pjanċi ż‑żgħar mal‑kompendju ta’ Mormon tal‑pjanċi l‑kbar.

L‑itwal parti, minn Mosija sa Mormon kapitlu 7, hi traduzzjoni tal‑kompendju ta’ Mormon tal‑pjanċi l‑kbar ta’ Nefi. L‑aħħar parti, minn Mormon kapitlu 8 sa tmiem il‑ktieb, ġiet imnaqqxa minn Moroni, bin Mormon, li wara li temm ir‑rakkont tal‑ħajja ta’ missieru, għamel kompendju tal‑annali tal‑Ġarediti (bħala l‑ktieb ta’ Għeter) u wara żied il‑partijiet li jġibu l‑isem ta’ il‑ktieb ta’ Moroni.

Fis‑sena, jew madwar is‑sena 421 W.K., Moroni, l‑aħħar wieħed fost il‑profeti‑storiċi Nefiti, issiġilla l‑annali sagri u ħbihom għall‑Mulej, biex huma jkunu jistgħu jaraw id‑dawl fl‑aħħar żminijiet, kif kien imbassar minn leħen Alla permezz tal‑profeti tiegħu tal‑qedem. Fis‑sena 1823 W.K., dan l‑istess Moroni, bħala personaġġ imqajjem mill‑mewt, żar lill‑Profeta Joseph Smith u sussegwentement għaddielu l‑pjanċi mnaqqxa.

Dwar din l‑edizzjoni: Il‑paġna tat‑titlu oriġinali, li tiġi eżatt qabel il‑paġna bil‑werrej, hi meħuda mill‑pjanċi u hi parti mit‑test sagru. Introduzzjonijiet b’tipa mhux korsiv, bħal li hemm f’1 Nefi u eżatt qabel Mosija kapitlu 9, huma wkoll parti mit‑test sagru. Introduzzjonijiet bil‑korsiv, kif hemm fl‑intestaturi tal‑kapitli, mhumiex parti mit‑test oriġinali imma huma għajnuna għall‑istudju li ġiet inkluża għall‑konvenjenza fil‑qari.

Ċerti żbalji żgħar fit‑test ġew ippreservati f’edizzjonijiet tal‑passat tal‑Ktieb ta’ Mormon ippubblikat bl‑Ingliż. F’din l‑edizzjoni saret ċerta korrezzjoni kif deher li kien xieraq sabiex dan il‑materjal ikun f’konformità ma’ manuskritti ta’ qabel il‑pubblikazzjoni u ma’ edizzjonijiet tal‑bidu kif editjati mill‑Profeta Joseph Smith.