Introduzzjoni
Il‑Ktieb ta’ Mormon hu ktieb ta’ skrittura mqaddsa komparabbli mal‑Bibbja. Huwa rakkont tal‑interazzjoni ta’ Alla mal‑abitanti tal‑qedem tal‑Ameriki u fih insibu l‑milja tal‑evanġelju ta’ dejjem.
Il‑ktieb ġie miktub minn bosta profeti tal‑qedem permezz tal‑ispirtu tal‑profezija u r‑rivelazzjoni. Kliemhom, li ġie miktub fuq pjanċi tad‑deheb, ġie kkwotat u miġbur fil‑qosor minn profeta‑storiku jismu Mormon. Fir‑rakkont insibu l‑istorja ta’ żewġ ċiviltajiet kbar. Waħda minnhom ġiet minn Ġerusalemm fis‑sena 600 Q.K. u wara nqasmet f’żewġt iġnus, magħrufin bħala n‑Nefiti u l‑Lamaniti. L‑oħra ġiet ferm qabel meta l‑Mulej ħawwad l‑ilsna fit‑Torri ta’ Babel. Dan il‑grupp hu magħruf bħala l‑Ġarediti. Wara eluf ta’ snin, ilkoll sfaw meqrudin ħlief għal‑Lamaniti, li huma fost l‑antenati tal‑Indjani Amerikani.
L‑akbar ġrajja li nsibu fil‑Ktieb ta’ Mormon hija l‑ministeru personali tal‑Mulej Ġesù Kristu fost in‑Nefiti ftit wara l‑qawmien tiegħu. Il‑ktieb jippreżenta d‑duttrina tal‑evanġelju, jiddeskrivi l‑pjan tas‑salvazzjoni, u jgħid lill‑bnedmin x’għandhom jagħmlu biex huma jiksbu l‑paċi f’din il‑ħajja u s‑salvazzjoni eterna fil‑ħajja li jmiss.
Wara li Mormon temm il‑kitbiet tiegħu, huwa għadda r‑rakkont lil ibnu Moroni, fejn huwa kiteb ukoll ftit kliem u wara ħeba l‑pjanċi fl‑Għolja Kumora. Fil‑21 ta’ Settembru, 1823, dan l‑istess Moroni, bħala bniedem igglorifikat u mqajjem mill‑mewt, deher lill‑Profeta Joseph Smith u tah ċerti struzzjonijiet relatati mal‑annali antiki u t‑traduzzjoni eventwali tagħhom għal‑lingwa Ingliża.
Fiż‑żmien dovut il‑pjanċi ġew mgħoddija lil Joseph Smith, li ttraduċihom bid‑don u l‑qawwa ta’ Alla. Ir‑rakkont issa hu ppubblikat f’bosta ilsna bħala xhieda ġdida oħra li Ġesù Kristu hu Iben Alla l‑ħaj u li dawk kollha li jersqu lejh u jobdu l‑liġijiet u l‑ordinanzi tal‑evanġelju tiegħu jistgħu jiksbu s‑salvazzjoni.
Dwar dan ir‑rakkont il‑Profeta Joseph Smith qal: “Jiena għidt lill‑aħwa li l‑Ktieb ta’ Mormon kien l‑aktar ktieb korrett fost kull ktieb ieħor fuq din l‑art, u huwa l‑ġebla tax‑xewka tar‑reliġjon tagħna, u bniedem jista’ jersaq eqreb lejn Alla jekk jobdi l‑preċetti tiegħu, milli l‑preċetti ta’ xi ktieb ieħor.”
Minbarra Joseph Smith, il‑Mulej ippermetta li ħdax‑il persuna oħra jaraw b’għajnejhom il‑pjanċi tad‑deheb u jkunu xhieda speċjali tal‑verità u d‑divinità tal‑Ktieb ta’ Mormon. It‑testimonjanzi tagħhom jinsabu miktubin hawnhekk bħala “It‑Testimonjanza ta’ Tliet Xhieda” u “It‑Testimonjanza ta’ Tmien Xhieda.”
Aħna nistiednu lill‑bnedmin kollha ma’ kullimkien biex jaqraw il‑Ktieb ta’ Mormon, jixtarru f’qalbhom il‑messaġġ li fih, u mbagħad jistaqsu lil Alla, il‑Missier Etern, f’isem Kristu jekk il‑ktieb huwiex veru. Dawk li jagħmlu dan u jistaqsu b’fidi, jiksbu xhieda tal‑verità u d‑divinità tiegħu bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu. (Ara Moroni 10:3–5.)
Dawk li jiksbu din ix‑xhieda divina mill‑Ispirtu s‑Santu jsiru jafu wkoll, permezz tal‑istess qawwa, li Ġesù Kristu huwa s‑Salvatur tad‑dinja, li Joseph Smith huwa r‑rivelatur u l‑profeta tiegħu f’dawn l‑aħħar żminijiet, u li l‑Knisja ta’ Ġesù Kristu tal‑Qaddisin tal‑Aħħar Żmien hi s‑saltna tal‑Mulej imwaqqfa għal darb’oħra fuq din l‑art, bi tħejjija għat‑Tieni Miġja tal‑Messija.