It‑Testimonjanza tal‑Profeta Joseph Smith
Il‑kliem tal‑istess Profeta Joseph Smith dwar il‑miġja tal‑Ktieb ta’ Mormon hu:
“Fil‑lejla tal‑ … wieħed u għoxrin ta’ Settembru [1823] … jien iddeċidejt li ndur lejn Alla li Jista’ Kollox fit‑talb u s‑supplika tiegħi. …
“Sewwasew hekk kif kont qed insejjaħ lil Alla, indunajt li f’kamarti beda jfeġġ dawl, li kompla jiżdied fil‑qawwa tiegħu sakemm il‑kamra ddawwlet aktar mix‑xemx ta’ nofsinhar, meta f’daqqa waħda deher personaġġ ħdejn is‑sodda tiegħi, wieqaf fl‑arja, għax riġlejh ma bdewx imissu l‑art.
“Hu kellu fuqu mantar wiesgħa ta’ kulur bajdani mill‑aktar skwiżit. Kien bajdani aktar minn kull ħaġa temporali li jien qatt rajt; u ma naħsibx li xi ħaġa temporali tista’ qatt tidher daqstant bajda u brillanti. Idejh kienu mikxufin, u l‑istess dirgħajh, ftit ’il fuq mill‑polz; u riġlejh kienu mikxufin ukoll, bħalma kienu wkoll saqajh, ftit ’il fuq mill‑għekiesi. Lanqas rasu u għonqu ma kienu mgħottijin. Stajt nara li hu ma kien liebes l‑ebda lbies ieħor ħlief għal dan il‑mantar, għax kien miftuħ, u b’hekk stajt naralu sidru.
“Mhux biss il‑mantar tiegħu kien abjad silġ, imma l‑figura kollha tiegħu kienet glorjuża aktar milli nista’ niddeskrivi, u wiċċu kien sewwasew qisu xi sajjetta. Il‑kamra kienet tassew imdawla, imma żgur mhux daqs id‑dija qawwija li kien hemm eżatt madwaru. L‑ewwel darba li ħarist lejh, bżajt; imma l‑biża’ ma damitx ma ħallietni.
“Hu sejjaħli b’ismi, u qalli li hu kien messaġġier mibgħut għandi mill‑preżenza ta’ Alla, u li ismu kien Moroni; li Alla kellu ħidma għalija x’inwettaq; u li ismi kien se jissemma fit‑tajjeb u fil‑ħażin, fost kull ġens, tribù, u lsien, jew inkella se jissemma kemm fit‑tajjeb kif ukoll fil‑ħażin fost il‑popli kollha.
“Hu qal li kien hemm ktieb moħbi, miktub fuq pjanċi tad‑deheb, li kien jitkellem dwar l‑abitanti tal‑qedem ta’ dan il‑kontinent, u dwar l‑oriġni tagħhom. Hu qal ukoll li l‑milja tal‑Evanġelju ta’ dejjem kienet tinsab fih, kif ingħatat mis‑Salvatur lill‑abitanti tal‑qedem;
“Qalli wkoll li kien hemm żewġ ġebliet f’arki tal‑fidda—u dawn il‑ġebliet, li kienu mwaħħlin ma’ pettoral, kienu jikkostitwixxu dawk li jissejħu l‑Urim u t‑Tummim—li kienu moħbija mal‑pjanċi; u dawk li fiż‑żminijiet tal‑qedem kienu jippossjedu u jużaw dawn il‑ġebliet kienu jissejħu ‘veġġenti’; u li Alla kien ħejjihom għat‑traduzzjoni tal‑ktieb. …
“Għal darb’oħra, huwa qalli, li meta jiena niġi mogħti dawk il‑pjanċi li huwa tkellem dwarhom—għax iż‑żmien li fih setgħu jingħatawli kien għadu ma wasalx—jien ma kelli nurihom lil ħadd; lanqas il‑pettoral bl‑Urim u t‑Tummim; stajt nurihom biss lil dawk li kont se niġi mitlub nurihom; u jekk jien ma nagħmilx dan nispiċċa ninqered. Waqt li kien qed jitkellem miegħi dwar il‑pjanċi, f’moħħi feġġet dehra li fiha stajt nara l‑post fejn kienu moħbijin il‑pjanċi, b’tant ċarezza u dettall, li jien wasalt biex għaraf il‑post meta jiena mort inżuru.
“Wara din il‑komunikazzjoni, jiena rajt id‑dawl fil‑kamra jibda jinġabar sewwasew madwar il‑persuna ta’ dak li beda jkellimni, u kompla jinġabar madwaru sakemm il‑kamra reġgħet spiċċat fid‑dlam, ħlief madwar persuntu; meta f’daqqa waħda jien rajt bħal passaġġ miftuħ li kien jibqa’ sejjer direttament fis‑smewwiet, u hu beda tiela’ ’l fuq sakemm għeb għal kollox, u l‑kamra reġgħet ġiet kif kienet qabel ma feġġ dan id‑dawl mis‑smewwiet.
“Jiena bqajt mimdud nikkontempla dwar l‑uniċità ta’ dik ix‑xena, u nistagħġeb bil‑kbir b’dak li qalli dan il‑messaġġier straordinarju; meta, waqt li kont qed nimmedita, f’daqqa waħda ndunajt li l‑kamra tiegħi reġgħet bdiet timtela bid‑dawl, u f’kemm ili ngħidlek, dak l‑istess messaġġier mis‑smewwiet reġa’ kien ħdejn is‑sodda tiegħi.
“Hu reġa’ beda jkellimni, u għal darb’oħra beda jitkellem dwar l‑istess ħwejjeġ li tkellem dwarhom fl‑ewwel żjara tiegħu, mingħajr l‑iċken varjazzjoni; u wara li għamel dan, hu għarrafni dwar kastigi kbar li kienu se jolqtu lid‑dinja b’ħerba mill‑aktar kbira, permezz tal‑ġuħ, tax‑xabla, u tal‑pesta; u li dawn il‑kastigi mill‑aktar kbar se jolqtu lid‑dinja f’din il‑ġenerazzjoni. Wara li qalli dawn il‑ħwejjeġ, hu reġa’ tela’ ’l fuq kif għamel qabel.
“Issa, il‑ħsibijiet li bdew għaddejjin minn moħħi tant kienu intensi, li jien ma stajtx nagħlaq għajn m’għajn, u bqajt mimdud mistagħġeb bil‑kbir b’dak li jiena kont rajt u smajt. Imma kemm kienet ta’ sorpriża għalija meta għal darb’oħra erġajt rajt lil dak l‑istess messaġġier ħdejn is‑sodda tiegħi, u smajtu jerġa’ jgħid jew itenni għal darb’oħra l‑istess ħwejjeġ li qal qabel; u wissieni wkoll u qalli li Satana kien se jipprova jġarrabni (b’konsegwenza taċ‑ċirkustanzi indiġenti tal‑familja ta’ missieri), biex jien nieħu għandi l‑pjanċi bil‑għan li nsir sinjur. Hu ma riedx li jien nagħmel dan, fejn qalli li m’għandu jkolli l‑ebda skop ieħor f’moħħi għalfejn nieħdu l‑pjanċi għandi ħlief biex nagħti glorja lil Alla, u li jien m’għandi niġi influwenzat bl‑ebda mottiv ieħor ħlief li nibni s‑saltna tiegħu; għax inkella ma setgħux jingħatawli.
“Wara din it‑tielet żjara, hu reġa’ tela’ fis‑smewwiet bħal qabel, u jien erġajt bdejt nixtarr dwar l‑istramberija ta’ dak li kont għadni kif esperjenzajt; meta kważi hekk kif il‑messaġġier mis‑smewwiet telaq minn ħdejja għat‑tielet darba, is‑serduk beda jidden, u jiena ndunajt li kien qed jisbaħ, li kien ifisser li aħna konna għaddejna l‑lejl sħiħ nitkellmu.
“Ftit wara qomt minn soddti, u, bħas‑soltu bdejt bil‑ħidma meħtieġa ta’ kuljum; imma hekk kif ippruvajt nibda bil‑ħidma tiegħi, bħal kull darb’oħra, sibt li saħħti tant kienet dgħajfa li letteralment ma kellix saħħa naħdem. Missieri, li kien qed jaħdem flimkien miegħi, induna li ma kontx qed inħossni sewwa, u qalli biex immur id‑dar. Jien bdejt nipprepara biex nitlaq lejn id‑dar; imma meta pprovajt naqbeż iċ‑ċint biex noħroġ ’il barra mill‑għalqa li konna fiha, saħħti ma tatnix, u jien spiċċajt mitluq mal‑art, u għal ftit ħin anke ntlift minn sensija.
“L‑ewwel ħaġa li stajt niftakar kien leħen ikellimni, u jsejjaħli b’ismi. Jien ħarist ’il fuq, u rajt lill‑istess messaġġier wieqaf fuq rasi, imdawwar bid‑dawl bħal qabel. Imbagħad hu reġa’ beda jtenni dak kollu li kien qalli l‑lejl ta’ qabel, u ordnali biex immur għand missieri u ngħidlu dwar id‑dehra li kelli u dwar il‑kmandamenti li kont ingħatajt.
“Jien obdejt; erġajt lura ħdejn missieri fl‑għalqa, u rrakkontajtlu kulma kien ġara. Hu weġibni li dak li jiena kont għidtlu kien ġej minn Alla, u hu qalli biex immur u nagħmel kif ordnali l‑messaġġier. Jiena tlaqt mill‑għalqa, u mort fil‑post fejn il‑messaġġier qalli li kienu moħbijin il‑pjanċi; u minħabba l‑mod daqstant ċar u dettaljat li jien kont rajt il‑post fid‑dehra li kelli, hekk kif jiena wasalt hemm jien stajt nagħraf il‑post.
“Qrib ir‑raħal ta’ Manchester, fil‑kontea ta’ Ontario, fi New York, hemm għolja kbira mhux ħażin, u hi l‑ogħla waħda li hemm f’dawk l‑inħawi. Fin‑naħa tal‑punent ta’ din l‑għolja, mhux ’il bogħod wisq mill‑quċċata, taħt blata kbira mhux ħażin, kien hemm il‑pjanċi, moħbijin ġo kaxxa tal‑ġebel. Il‑blata kienet wiesgħa u l‑parti ta’ fuq ta’ nofsha kien ġej għat‑tond, u kienet tiddjieq fit‑truf tagħha, b’tali mod li l‑parti tan‑nofs kienet viżibbli ’l fuq mill‑art, imma t‑truf ta’ mad‑dawra kienu miksijin bil‑ħamrija.
“Hekk kif jien neħħejt il‑ħamrija, ġibt lieva, u daħħaltha taħt tarf il‑blata, u b’daqsxejn ta’ sforz għollejtha ’l fuq. Ħarist ġewwa, u hemm fil‑fatt jiena rajt il‑pjanċi, l‑Urim u t‑Tummim, u l‑pettoral, sewwasew kif kien qalli l‑messaġġier. Il‑kaxxa li kienu fiha kienet iffurmata permezz ta’ ġebel imwaħħal flimkien b’xi tip ta’ siment. Fil‑qiegħ tal‑kaxxa kien hemm żewġ ġebliet impoġġijin b’mod perpendikulari mal‑ġnub tagħha, u fuq dawn il‑ġebliet kien hemm il‑pjanċi u l‑affarijiet l‑oħra magħhom.
“Jiena ppruvajt noħroġhom, imma ġejt imwaqqaf milli nagħmel dan mill‑messaġġier, u għal darb’oħra ġejt mgħarraf li ż‑żmien li fih stajt noħroġhom kien għadu ma wasalx, u ma kienx se jasal qabel ma jgħaddu erba’ snin minn dak inhar; imma hu qalli li jien kelli mmur f’dak il‑post sewwasew fi żmien sena minn dak inhar, u li hu kien se jiġi jiltaqa’ miegħi hemmhekk, u li jien kelli nibqa’ nagħmel dan sakemm ikun wasal iż‑żmien li nieħu għandi l‑pjanċi.
“Għalhekk, kif ġejt ordnat li nagħmel, jien mort hemm fl‑aħħar ta’ kull sena, u kull darba sibt hemmhekk lill‑istess messaġġier, u f’kull waħda mit‑taħdidiet li kellna jiena rċevejt mingħandu ċerta struzzjonijiet u informazzjoni, dwar dak li l‑Mulej kien se jagħmel, u kif u b’liema mod kellha titmexxa s‑saltna tiegħu fl‑aħħar żminijiet. …
“Finalment wasal iż‑żmien li fih jiena stajt ningħata l‑pjanċi, l‑Urim u t‑Tummim, u l‑pettoral. Fit‑tnejn u għoxrin jum ta’ Settembru, elf tmien mija u sebgħa u għoxrin, hekk kif fl‑aħħar ta’ sena oħra jiena mort bħas‑soltu fil‑post fejn kienu moħbijin, l‑istess messaġġier mis‑smewwiet għaddihom f’idejja u tani dan il‑kmand: li jiena kelli nkun responsabbli minnhom; u jekk jien nitlaqhom minn idejja bi traskuraġni, jew b’negliġenza min‑naħa tiegħi, jiena nispiċċa mwarrab; imma jekk nagħmel kull sforz biex inħarishom, sakemm hu, il‑messaġġier, jerġa’ jiġi għalihom, huma jkunu protetti.
“Ma domtx ma sirt naf ir‑raġuni għalfejn jiena kont ingħatajt struzzjonijiet daqshekk stretti biex dejjem inżommhom siguri, u għalfejn il‑messaġġier kien qalli li meta nkun lestejt dak li kien mitlub minni, hu kien se jerġa’ jiġi għalihom. Għax hekk kif sar magħruf li kienu jinsabu għandi, tgħidx kemm intużaw attentati qawwija biex jeħduhom mingħandi. Kull strataġemma li setgħet tiġi vvintata ntużat għal dak il‑għan. Il‑persekuzzjoni ħraxet u saret aktar aggressiva minn qatt qabel, u l‑miġemgħa kienet tinsab dejjem lesta biex teħodhom mingħandi jekk dan ikun possibbli. Imma grazzi għall‑għerf ta’ Alla, huma baqgħu siguri f’idejja, sakemm permezz tagħhom jiena stajt inwettaq dak li kien mitlub minni. Meta, skont il‑ftehim, il‑messaġġier ġie lura għalihom, jiena tajthomlu; u huma għadhom għandu sal‑ġurnata tal‑lum, it‑tieni jum ta’ Mejju, elf tmien mija u tmienja u tletin.”
Għal rakkont aktar komplut, ara Joseph Smith—Storja fil‑Ġawhra li Tiswa Ħafna.
L‑annali antiki li b’hekk ittieħdu mill‑art bħal‑leħen ta’ poplu jitkellem minn ġot‑trab, u tradotti għal lingwaġġ modern permezz tad‑don u l‑qawwa ta’ Alla kif ġie attestat permezz ta’ affermazzjoni Divina, ġew ippubblikati fid‑dinja għall‑ewwel darba bl‑Ingliż fis‑sena 1830 bħala The Book of Mormon.