It‑Testimonjanza ta’ Tliet Xhieda
Biex kull ġens, tribù, ilsien, u poplu, li għandu se jasal dan il‑ktieb, ikun jaf: Li aħna, permezz tal‑grazzja ta’ Alla l‑Missier, u ta’ Sidna Ġesù Kristu, rajna l‑pjanċi li fihom din il‑kitba, li hi l‑istorja tal‑poplu ta’ Nefi, kif ukoll ta’ ħuthom il‑Lamaniti, kif ukoll tal‑poplu ta’ Ġared, li ġie mit‑torri li ssemma fil‑ktieb. U aħna nafu wkoll li huma ġew tradotti permezz tad‑don u l‑qawwa ta’ Alla, għax dan hu li ġie mħabbar lilna permezz ta’ leħnu; għalhekk aħna nafu tassew li l‑ktieb huwa veru. U nixhdu wkoll li aħna rajna l‑inċiżjoni li hemm fuq il‑pjanċi; u dawn ġew murija lilna permezz tal‑qawwa ta’ Alla, u mhux tal‑bniedem. U aħna niddikjaraw b’mod mill‑aktar solenni, li anġlu ta’ Alla niżel mis‑smewwiet, u hu ġab il‑pjanċi u poġġihom quddiem għajnejna, hekk li aħna stajna nħarsu lejn il‑pjanċi u narawhom, bl‑inċiżjoni ta’ fuqhom; u aħna nafu li hu bil‑grazzja ta’ Alla l‑Missier, u ta’ Sidna Ġesù Kristu, li aħna rajna u qed nagħtu xhieda li dawn il‑ħwejjeġ huma vera. U din ħaġa tal‑għaġeb f’għajnejna. Madankollu, leħen il‑Mulej ordnalna li aħna għandna naqsmu x‑xhieda tagħna dwar dan; għalhekk, biex inkunu ubbidjenti lejn il‑kmandamenti ta’ Alla, aħna qed nagħtu xhieda ta’ dawn il‑ħwejjeġ. U nafu li jekk aħna nibqgħu fidili lejn Kristu, aħna naħslu lbiesna mid‑demm tal‑bnedmin kollha, u niġu misjubin bla tebgħa quddiem it‑tribunal ta’ Kristu, u nkunu nistgħu ngħammru miegħu għal dejjem fis‑smewwiet. U aħna nagħtu ġieħ lill‑Missier, u lill‑Iben, u lill‑Ispirtu s‑Santu, li huma Alla wieħed. Ammen.
Oliver Cowdery
David Whitmer
Martin Harris