“Tibqgħu Fi Mħabbti”
L-imħabba ta’ Alla hija infinita u tibqa’ għal dejjem, iżda xi tfisser verament għal kull wieħed u waħda minna jiddependi minn kif aħna nwieġbu għall-imħabba Tiegħu.
Il-Bibbja tgħidilna li “Alla hu mħabba.”1 Huwa l-personifikazzjoni perfetta tal-imħabba, u aħna niddependu b’ qawwa fuq il-fatt li l-imħabba Tiegħu hi waħda kostanti u universali. Kif iddeskrivielna l-President Thomas S. Monson: “L-imħabba ta’ Alla tinsab hemm għalikom, sew jekk tħossukom denji ta’ dik l-imħabba u sew jekk le. Tinsab sempliċiment dejjem hemm.”2
Hawn bosta modi kif tista’ tiddeskrivi din l-imħabba divina. Wieħed mit-termini li ħafna jużaw ta’ spiss fi żmienna biex jiddeskrivu l-imħabba ta’ Alla hi “bla kondizzjoni.” Għalkemm sa ċertu sens dan huwa veru, l-imħabba ta’ Alla mhi deskritta mkien fl-iskrittura bħala waħda bla kondizzjoni . Pjuttost, l-imħabba Tiegħu hi deskritta fl-iskrittura bħala “mħabba kbira u meraviljuża,”3 “imħabba perfetta,”4 “imħabba feddejja,”5 u “mħabba ta’ dejjem.”6 Dawn huma termini aħjar għaliex il-kelma bla kondizzjoni tista’ tagħti impressjoni żbaljata dwar l-imħabba divina, bħal per eżempju, li Alla jittollera u jiskuża dak kollu li nagħmlu, għaliex l-imħabba Tiegħu hija bla kondizzjoni, jew Alla ma jistenna xejn lura minna għaliex l-imħabba Tiegħu hi bla kondizzjoni, jew kulħadd se jsalva fis-saltna tas-smewwiet ta’ Alla għaliex l-imħabba Tiegħu hija bla kondizzjoni. L-imħabba ta’ Alla hija infinita u tibqa’ għal dejjem, iżda x’ verament tfisser għal kull wieħed u waħda minna jiddependi minn kif aħna nwieġbu għall-imħabba Tiegħu.
Ġesù qal:
“Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.
“Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.”7
Li “inkomplu” jew “nibqgħu” fl-imħabba tas-Salvatur ifisser li nirċievu l-grazzja Tiegħu u niġu pperfezzjonati permezz tagħha.8 Biex nirċievu l-grazzja Tiegħu, jeħtieġ li jkollna fidi f’ Ġesù Kristu u nżommu l-Kmandamenti Tiegħu, fosthom li nindmu minn dnubietna, nitgħammdu għall-maħfra tad-dnubietna, nirċievu l-Ispirtu s-Santu u nibqgħu mexjin fit-triq tal-ubbidjenza.9
Alla dejjem se jibqa’ jħobbna, iżda Huwa ma jistax isalvana fi dnubietna.10 Ftakru l-kliem li Amuleki qal lil Żeżrum li s-Salvatur mhux se jsalva lin-nies Tiegħu fi dnubiethom, iżda minn dnubiethom,11 bir-raġuni tkun li d-dnub iħammiġna u “l-ebda ħaġa maħmuġa ma tista’ tiret is-saltna tas-smewwiet”12 jew tgħammar fil-preżenza ta’ Alla. “U Kristu ġie mogħti l-qawwa mingħand il-Missier biex jifdi lill-poplu Tiegħu minn dnubietu permezz tal-indiema; għalhekk huwa bagħat l-anġli tiegħu biex jiddikjaraw il-bxara tal-kundizzjoni tal-indiema, li tistieden il-qawwa tal-Feddej, għas-salvazzjoni ta’ ruħhom.”13
Mill-Ktieb ta’ Mormon nitgħallmu li l-intenzjoni tas-sofferenza ta’ Kristu—l-akbar manifestazzjoni ta’ mħabbtu—kienet “li jwasslilhom il-ħniena kbira tiegħu, liema ħniena tegħleb il-ġustizzja u tagħmilha possibbli għall-bnedmin li huma jkollhom il-fidi li jindmu.
“U għalhekk il-ħniena tista’ tissodisfa d-domanda tal-ġustizzja, u ddawwarha f’ ħaddejn is-sigurtà, filwaqt li dak li ma jeżerċita ebda fidi li twassal għall-indiema jiġi espost għal-liġi sħiħa tad-domanda tal-ġustizzja; għalhekk huwa biss għal dak li għandu fidi li twassal għall-indiema li għalih jiġi fis-seħħ il-pjan kbir u etern tal-fidwa.”14
L-indiema, mela, hija rigal li aħna ngħatajna, li nxtrat bi prezz mill-aktar ogħli.
Xi wħud jargumentaw li Alla jbierek lil kulħadd mingħajr distinzjoni—fejn jikkwotaw, per eżempju, id-dikjarazzjoni ta’ Ġesù mid-Diskors fuq il-Muntanja: “Alla jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.”15 Fil-fatt, Alla verament jixħet il-barkiet kollha li jista’ jixħet fuq uliedu kollha—il-barkiet kollha li l-imħabba, il-liġi, il-ġustizzja u l-ħniena jippermettu. U Huwa jikkmandana biex aħna nkunu ġenerużi bl-istess mod:
“Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom;
“Biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet.”16
Madankollu, l-akbar barkiet ta’ Alla hemm marbuta magħhom il-kundizzjoni tal-ubbidjenza. Il-Presbiteru Russell M. Nelson spjega: “Il-bukkett risplendenti tal-imħabba ta’ Alla—li jinkludi fih il-ħajja eterna—jinkludi fih barkiet li jeħtieġ li aħna nikkwalifikaw għalihom, mhux affarijiet li aħna ntitolati għalihom mingħajr il-bżonn li nkunu denji. Il-midinbin ma jistgħux jgħawġu r-rieda Tiegħu biex iġibuha taqbel ma’ tagħhom u jistennewh li Huwa jberikhom fi dnubiethom [ara Alma 11:37]. Jekk huma jixtiequ li jgawdu kull fjura li hemm fil-bukkett sabiħ Tiegħu, jeħtieġ li huma jindmu.”17
Minbarra li dan iwassal biex il-persuna li tkun nidmet issir mingħajr ħtija u mingħajr tebgħa bil-wegħda li hi tkun “mgħollija ‘l fuq fl-aħħar jum,”18 hemm it-tieni aspett mill-aktar importanti biex aħna nibqgħu fl-imħabba ta’ Alla. Li nibqgħu fi mħabbtu jagħtina ċ-ċans li niskopru l-potenzjal sħiħ tagħna, li nsiru sewwasew kif inhu Hu.19 Kif iddikjara l-President Dieter F. Uchtdorf: “Il-grazzja ta’ Alla mhux sempliċiment tirrestawrana lura għall-istat innoċenti li konna fih qabel. … L-għan Tiegħu huwa ferm ogħla minn hekk: Huwa jrid lil uliedu sabiex isiru bħalu.”20
F’ dan is-sens, li nibqgħu fl-imħabba ta’ Alla jfisser li nissottomettu ruħna kompletament għar-rieda Tiegħu. Ifisser li naċċettaw il-korrezzjoni Tiegħu meta jkun meħtieġ, “għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb.”21 Ifisser li nħobbu u naqdu lil xulxin kif kien iħobb u jaqdi lilna l-bnedmin Ġesù.22 Ifisser li nitgħallmu “ngħixu skont il-liġi tas-saltna ċelestjali” ħalli nkunu nistgħu “niksbu glorja ċelestjali.”23 Biex Huwa jkun jista’ jagħmel minna dak li nistgħu nsiru, Missierna tas-Smewwiet jitolbna biex nisimgħu “mill-istigazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, u ninżgħu minn fuqna l-bniedem naturali u nsiru qaddisin permezz tal-att tal-fidwa ta’ Kristu l-Mulej, u nsiru bħat-tfal, sottomessi, umli, paċenzjużi, kollna mħabba, lesti li nissottomettu ruħna għal dak kollu li l-Mulej iħoss li għandu jgħabbina bih, sewwasew kif tifel ċkejken jissottometti ruħu għal missieru.”24
Il-Presbiteru Dallin H. Oaks osserva: “Il-Ġudizzju Finali mhuwiex biss evalwazzjoni tas-somma totali tal-għemejjel tajbin u ħżiena tagħna—ta’ dak li aħna għamilna. Huwa riżultat tal-effett finali tal-għemejjel tagħna u ta’ ħsibijietna—dak li aħna sirna.”25
L-istorja ta’ Helen Keller hi bħal parabbola li turi kemm l-imħabba divina tista’ tittrasforma lil dik il-persuna li hi lesta tittrasforma ruħha. Helen twieldet fl-istat ta’ Alabama fl-Istati Uniti fl-1880. Meta kellha biss 19-il xahar, hija sofriet marda mhux magħrufa li ħallietha kemm truxa kif ukoll għamja. Hija kienet intelliġenti mmens u bdiet tħossha ffrustrata hekk kif bdiet tipprova tifhem u tiskopri l-ħwejjeġ ta’ madwarha. Meta Helen bdiet tħoss ix-xufftejn jiċċaqalqu tal-membri tal-familja tagħha u rrealizzat li huma kienu qed jużaw ħalqhom biex jitkellmu, “hija verament ħassitha ddisprata għaliex ma setgħetx tingħaqad magħhom fil-konverżazzjoni.”26 Sa kemm kellha sitt snin, il-bżonn tagħha li tikkomunika u l-frustrazzjoni tagħha kibru tant li hi “kuljum preċett spiċċat tinħakem minn mumenti ta’ rabja kbira, kważi kull siegħa.”27
Il-ġenituri ta’ Helen qabdu waħda għalliema biex tgħallem lil binthom, mara jisimha Anna Sullivan. Bl-istess mod kif Ġesù Kristu jifhem lilna fis-sofferenza tagħna,28 Anna Sullivan tħabtet mad-diffikultajiet kbar li hija stess bdiet tħabbat wiċċha magħhom u rat kif setgħet tifhem is-sofferenza ta’ Helen. Meta kellha ħames snin, Anne qabditha marda li kawża tagħha sofriet ħsara kbira fil-kornea u ħallietha nieqsa kważi għal kollox mid-dawl. Meta Anne kellha tmien snin, ommha mietet; missierha spiċċa abbanduna lilha u lil ħuha iżgħar minnha, Jimmie; u huma ntbagħtu f’’ “dar fqira,” fejn il-kundizzjonijiet tant kienu terribbli li Jimmie miet wara biss tliet xhur. Bis-saħħa tal-persistenza intensa tagħha, Anne ġiet aċċettata fl-Iskola ta’ Perkins għall-Għomja u dawk neqsin mid-dawl, fejn hija rnexxiet bil-kbir. Bl-għajnuna ta’ operazzjoni li saritilha hija ġiet tara aħjar u b’ hekk setgħet tibda taqra l-kitba stampata. Meta missier Helen Keller għamel kuntatt mal-Iskola ta’ Perkins biex jipprova jsib għalliema għal bintu, ġiet magħżula Anne Sullivan.29
Għall-ewwel ma kenitx xi esperjenza pjaċevoli. Helen, “bdiet tagħti b’ idejha u b’ saqajha lill-għalliem tagħha u spiċċat biex anke kissritilha sinna. Finalment Anne ħadet il-kontroll tas-sitwazzjoni f’ idha billi poġġiet lil Helen ġewwa għarix żgħir li kien hemm fil-propjetà tal-familja Keller. Bil-paċenzja kollha u b’ konsistenza kontinwa, hija finalment kisbet il-fiduċja u l-imħabba tat-tifla.”30 Bl-istess mod, hekk kif aħna nibdew nafdaw minflok ma nirreżistu lill-Imgħallem divin tagħna, Huwa jkun jista’ jaħdem magħna biex jagħtina d-dawl u jelevana f’ realtà ġdida.31
Biex hija tgħin lil Helen titgħallem il-kliem, Anne kienet tispelli l-ismijiet ta’ ċerta oġġetti familjari b’ subgħajha fuq il-pala ta’ id Helen. “Helen bdiet tieħu gost b’ dan il- ‘logħob bis-swaba’ iżda hija rnexxiela tibda tifhem biss meta wasal dak il-mument mill-aktar famuż meta Anne spelliet il-kelma ‘i-l-m-a’ hija u tippompja l-ilma fuq id Helen. Aktar tard Helen kitbet:
“F’ daqqa waħda bħal qisni bdejt insir konxja ta’ xi ħaġa li kont insejt … u b’ xi mod il-misteru tal-lingwa ġie żvelat lili. Kont naf li “i-l-m-a” kienet tfisser dik ix-xi ħaġa friska li kienet nieżla fuq idi. Dik il-kelma ħajja tat il-ħajja lir-ruħi, tatha d-dawl, it-tama u l-ferħ, ħelsitha! … Kollox kellu isem, u kull isem beda jwelled ħsieb ġdid. Hekk kif morna lura d-dar, kull oġġett … li bdejt immiss deher bħallikieku kien mimli ħajja.’”32
Meta Helen Keller kibret, hija saret magħrufa għall-imħabba tagħha lejn il-lingwa, il-kapaċità tagħha bħala kittieba, u l-elokwenza tagħha bħala kelliema pubblika.
Fil-film li jittratta dwar il-ħajja ta’ Helen Keller, il-ġenituri tagħha kienu bħallikieku sodisfatti bix-xogħol li kienet għamlet Anne Sullivan ladarba hija rnexxielha tikkalma lit-tifla diffiċli tagħhom tant li Helen spiċċat tpoġġi bilqiegħda b’ ċerta edukazzjoni mal-mejda tal-ikel, bdiet tiekol b’ mod normali u titwi l-maktur tagħha kif tispiċċa tiekol. Iżda Anne kienet taf li Helen kienet kapaċi ferm aktar minn hekk, u li hi kellha kontribut mill-aktar sinifikanti x’ tagħti.33 Bl-istess mod, aħna nafu nħossuna kuntenti b’ dak li wettaqna s’issa f’ ħajjitna u li aħna sempliċiment aħna dak li aħna, filwaqt li s-Salvatur tagħna jagħraf fina potenzjal glorjuż li aħna nħarsu lejh biss “bħallikieku f’mera, mċajpra.”34 Ilkoll kemm aħna nistgħu nesperjenzaw il-ferħ intens tal-potenzjal divin li hemm ġewwa fina, l-istess kif Helen Keller ħassitha meta għaliha l-kliem beda jieħu l-ħajja, u hekk dawwal lil ruħha u wassalha biex tħossha ħielsa. Ilkoll kemm aħna nistgħu nħobbu u naqdu lil Alla u niksbu l-qawwa biex inkunu nistgħu nbierku lil għajrna. “Bħalma hu miktub, aħna nħabbru “dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet,” u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.”35
Ejjew nikkunsidraw il-prezz tal-imħabba prezzjuża ta’ Alla. Ġesù żvela li biex patta għal dnubietna u fdiena mill-mewt, kemm fiżika kif ukoll spiritwali, is-sofferenza Tiegħu wasslet biex Hu, “l-istess Alla, l-akbar wieħed fost kulħadd, jirtogħod minħabba l-uġigħ, u li xerred demmu mill-pori kollha tiegħu, u li jsofri kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu—u hekk sabiex Hu ma jixrobx mill-kalċi għal xejn.”36 L-agonija Tiegħu fil-Ġetsemani u fuq is-salib kienet akbar milli kapaċi jsofri kull bniedem mortali.37 Madankollu, minħabba l-imħabba Tiegħu lejn Missieru u lejna, Huwa ġarrab dan kollu u, b’ konsegwenzi ta’ dan, Huwa jista’ joffrilna l-immortalità u l-ħajja eterna.
Huwa profondament simboliku li “demmu ċċarċar mill-pori kollha”38 hekk kif Ġesù sofra fil-Ġetsemani, il-post fejn jiġi magħsur iż-żebbuġ. Fi żmien is-Salvatur, biex kienu jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġ, l-ewwel iż-żebbuġ kien jitgħaffeġ billi kienu jgħaddu minn fuqu blata kbira. Iż-żebbuġ “mgħaffeġ” kien jitpoġġa fi qfief rotob li kienu jitpoġġew fuq xulxin. Il-piż kien iwassal biex miż-żebbuġ joħroġ l-ewwel u l-aktar żejt fin. Imbagħad kienet tiġi applikata aktar pressa billi jitpoġġa seratizz kbir jew zokk ta’ siġra fuq il-qfief li kienu jkunu fuq xulxin, u b’ hekk kien jispiċċa joħroġ aktar żejt. Finalment, biex jirnexxielhom jieħdu l-aħħar qatra żejt li kien ikun hemm fiż-żebbuġ, fuq naħa waħda tas-seratizz kienu jpoġġu l-ġebel biex dan joħloq l-aktar pressa possibbli li tgħaffeġ kollox.39 U iva, il-kulur taż-żejt kif ikun għadu kif ħareġ miż-żebbuġ hu aħmar bħad-demm.
Jiġi f’ moħħi r-rakkont ta’ Mattew dwar is-Salvatur hekk kif Huwa daħal fil-Ġetsemani f’ dak il-lejl deċiżiv—li Hu “beda jsewwed qalbu u jiddejjaq. …
“Mexa kemmxejn ‘il quddiem, nxteħet wiċċu fl-art jitlob u jgħid: “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.”40
Imbagħad, hekk kif it-tbatija tiegħu bdiet ssir aktar severa, Huwa talab għat-tieni darba għall-għajnuna u finalment, probabbilment meta s-sofferenza Tiegħu kienet l-aktar intensa, talab għat-tielet darba. Huwa ġarrab din l-agonija sakemm ssodisfa l-ġustizzja sal-aħħar qatra.41 Huwa għamel dan biex jifdi lili u lilek.
Kemm hu prezzjuż il-prezz tal-imħabba divina! Kollu mħabba Ġesù staqsa, “Intom lesti li terġgħu lura għandi u tindmu minn dnubietkom u tikkonvertu, sabiex jiena nkun nista’ nfejjaqkom?”42 Bil-ħlewwa Huwa jassigurana, “Araw, dan huwa driegħi kollu ħniena lest għalikom, u kull min jiġi … lilu jiena nilqa’; u mberkin dawk li jiġu għandi.”43
Lesti intom tħobbu lil min ħabbkom l-ewwel?44 Mela żommu l-kmandamenti tiegħu.45 Lesti intom tkunu ħbieb ta’ Dak li ta ħajtu għal sħabu?46 Mela żommu l-kmandamenti.47 Lesti intom tibqgħu f’ imħabbtu u tirċievu dak kollu li Huwa joffrilkom b’ tant grazzja? Mela żommu l-kmandamenti Tiegħu.48 Nitlob li aħna nħossu u nibqgħu għal dejjem f’ imħabbtu, f’ isem Ġesù Kristu, amen.