2010-2019
Li Ma Tmurx Tinsa
Ottubru 2016


Li Ma Tmurx Tinsa

Inħeġġiġkom biex tiftakru, speċjalment f’ mumenti ta’ kriżi, meta intom ħassejtu l-Ispirtu u meta t-testimonjanza tagħkom kienet waħda b’ saħħitha; ftakru fis-sisien spiritwali li intom bnejtu.

Il-wara nofsinhar it-tajjeb, għeżież ħuti. Kemm kienet għalina barka kbira din il-konferenza. L-ewwel sena tiegħi bħala membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu kienet għalija esperjenza li għallmitni nkun aktar umli. Kienet sena li kienet tirrikjedi minni sforz kbir personali u ħafna talb kontinwu u sinċier lil Missieri tas-Smewwiet, kif ukoll sena li għenitni biex personalment niżviluppa aktar. Jiena stajt inħoss it-talb ta’ sosteniment tal-familja tiegħi, tal-ħbieb u tal-membri tal-Knisja minn madwar id-dinja. Grazzi tal-ħsibijiet u t-talb tagħkom.

Jiena kelli wkoll il-privileġġ li niltaqa’ ma’ għadd ta’ ħbieb għeżież, xi wħud minnhom mill-passat u ħafna oħrajn li ltqajt magħhom riċentiment. Kienet laqgħa li kelli ma’ ħabib għażiż tiegħi li ili naf u ħabbejt għal snin twal li wasslitni biex inħejji d-diskors li se nagħmel illum.

Meta ltqajna, dan il-ħabib tiegħi fetaħ qalbu miegħi u qalli li kien jinsab għaddej minn żmien verament diffiċli. Huwa ħass li kien qed jesperjenza, biex nikkwota kliemu, “kriżi ta’ fidi” u fittex li jikseb il-kunsill tiegħi. Jiena ħassejtni grat li hu kien lest jaqsam miegħi dak li kien qed iħoss u jinkwetah.

Huwa esprima miegħi x-xewqa kbira li kellu li jerġa’ jesperjenza dak li kien iħoss spiritwalment qabel u li issa hu kien beda jaħseb li qed jitlef minn ġo fih. Hekk kif beda jitkellem, jiena bdejt nisimgħu bir-reqqa u tlabt bil-ħerqa biex inkun naf xi jridni ngħidlu l-Mulej.

Sieħbi, forsi bħal xi wħud minnkom, staqsa l-mistoqsija mfassla b’ mod tant profond li nsibu fl-għanja tal-Primarja: “Missier tas-Smewwiet, inti veru tinsab hemm?”1 Għal dawk fostkom li tafu qed tistaqsu l-istess mistoqsija, nixtieq naqsam magħkom il-kunsill li qsamt ma’ sieħbi u nittama li kull wieħed u waħda minnkom taraw il-fidi tagħkom tissaħħaħ u r-riżoluzzjoni tagħkom li tkunu dixxipli dedikati ta’ Ġesù Kristu tiġġedded.

Nibda billi nfakkarkom li intom ulied Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna u li l-imħabba Tiegħu hija waħda kostanti. Jiena naf li huwa diffiċli niftakru f’ dawn is-sentimenti konfortanti ta’ mħabba meta aħna nkunu qed inħabbtu wiċċna mal-isfidi, mad-diżappunt u ma’ ħolm li spiċċa tarilna mar-riħ fil-ħajja personali tagħna.

Ġesù Kristu jaf dwar it-taqbid u l-isfidi mill-aktar diffiċli tagħna. Huwa ta ħajtu għalina. L-aħħar sigħat ta’ ħajtu kienu mill-aktar brutali, ferm aktar milli aħna qatt nistgħu nifhmu, iżda s-sagrifiċċju Tiegħu għalina kien l-espressjoni finali tal-imħabba pura Tiegħu.

L-ebda żball, dnub jew għażla ma jibdlu l-imħabba ta’ Alla għalina. Dan ma jfissirx li huwa jiskuża l-imġieba midinba tagħna, u lanqas ma jneħħi l-obbligu tagħna li nindmu meta aħna naqgħu fid-dnub. Iżda tinsewx, Missierna tas-Smewwiet jaf u jħobb lil kull wieħed minnkom, u Huwa dejjem jinsab lest biex jgħin.

Hekk kif jiena bdejt nixtarr dwar is-sitwazzjoni ta’ sieħbi, moħħi beda jirrifletti dwar l-għerf kbir li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon: “U issa, uliedi, ftakru, ftakru li intom għandkom tibnu l-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, l-Iben t’ Alla; ħalli meta x-xitan jibgħat l-irwiefen qawwija tiegħu, iva, meta jixħtilkom il-lanez tiegħu, iva, meta l-forza tas-silġ u tat-tempesta tiegħu tinżel fuqkom, dan kollu ma jkollu l-ebda qawwa biex lilkom jitfagħkom ‘l isfel sal-abbiss tal-miżerja u l-inkwiet bla tmiem, minħabba l-blata li intom tinsabu mibnijin fuqha, li hija pedament fiż-żgur, pedament li jekk il-bnedmin jibnu fuqu ma jfallu qatt.”(2)

Jiena nixhed li “l-abbiss tal-miżerja u l-inkwiet bla tmiem” huwa post li ħadd ma jixtieq ikun fih. U sieħbi kien qed iħossu li huwa verament kien wasal fit-tarf.

Meta jiena kelli nagħti l-kunsill tiegħi lil xi individwi kif għamilt ma’ sieħbi, jiena esplorajt ftit id-deċiżjonijiet li huma kienu ħadu tul is-snin li wassluhom biex jinsew l-esperjenzi sagri tagħhom, dgħajfuhom u spiċċaw jiddubitaw. Jiena dejjem ħeġġiġthom, kif qed inħeġġeġ lilkom bħalissa, biex tiftakru, speċjalment f’ mumenti ta’ kriżi, meta intom ħassejtu l-Ispirtu u meta t-testimonjanza tagħkom kienet waħda b’ saħħitha; ftakru fis-sisien spiritwali li intom bnejtu fuqhom. Inwegħidkom li hekk kif intom tagħmlu dan, billi tevitaw dawk il-ħwejjeġ li ma jibnux u ma jsaħħux it-testimonjanza tagħkom jew li jwaqqgħu għaċ-ċajt it-twemmin tagħkom, dawk il-mumenti prezzjużi meta rajtu t-testimonjanza tagħkom tiffjorixxi terġgħu tiftakruhom mill-ġdid bl-għajnuna tat-talb umli u s-sawm tagħkom. Niżgurakom li għal darb’oħra intom terġgħu tħossu s-sigurtà u s-sentimenti ħelwin tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Kull wieħed u waħda minna għandna l-ewwel insaħħu lilna nfusna spiritwalment u mbagħad insaħħu lil dawk ta’ madwarna. Xtarru l-iskrittura regolarment u ftakru fil-ħsibijiet u s-sentimenti li intom tesperjenzaw kull meta taqrawha. Fittxu wkoll sorsi oħra ta’ verità, iżda agħtu kas ta’ din it-twissija li nsibu fl-iskrittura: “Iżda tajjeb li jkunu għorrief jekk huma jagħtu kas tal-kunsilli ta’ Alla.”3 Attendu l-laqgħat tal-Knisja, speċjalment il-laqgħa tas-sagrament u ħudu sehem mis-sagrament u ġeddu l-patti tagħkom, inkluż il-wegħda li dejjem tiftakru fis-Salvatur, sabiex l-Ispirtu Tiegħu jkun jista’ jkun dejjem magħkom.

Għamilna x’ għamilna żbalji jew inħossuna kemm inħossuna imperfetti, aħna nistgħu nbierku u nelevaw lil ħaddieħor. Li nippruvaw nilħquhom permezz tas-servizz tagħna li jixbah lil Kristu jista’ jgħinna nħossu l-imħabba ta’ Alla fil-fond ta’ qalbna.

Huwa importanti niftakru l-kunsill mill-aqwa li nisbu f’ Dewteronomju: “Oqgħod attent ħafna għalik innifsek, li ma tmurx tinsa l-ħwejjeġ li rajt b’għajnejk; tħallihomx iwarrbu minn qalbek tul il-jiem kollha ta’ ħajtek, imma għallimhom lil uliedek u ‘l ulied uliedek.”4

Ġenerazzjonijiet sħaħ jiġu effetwati mill-għażliet li aħna nagħmlu. Aqsmu t-testimonjanza tagħkom mal-membri tal-familja tagħkom; ħeġġuhom biex huma jiftakru kif ħassewhom meta huma għarfu l-Ispirtu f’ ħajjithom u biex huma jirreġistraw dawn is-sentimenti fid-djarji u fl-istejjer personali tagħhom sabiex kliemhom ikun jista’, meta jkun meħtieġ, ifakkarkom kemm kien ħanin magħhom il-Mulej.

Tiftakru li Nefi u ħutu reġgħu lura Ġerusalemm biex jiksbu l-pjanċi tal-bronż li kien fihom l-istorja miktuba ta’ nieshom, u waħda mir-raġunijiet għal dan kienet sabiex huma qatt ma jinsew il-passat tagħhom.

Ukoll, fil-Ktieb ta’ Mormon, Ħilaman semma’ lil uliedu s-subien għal “l-ewwel missirijiet” tagħhom ħalli huma qatt ma jinsew kemm kien ħanin magħhom il-Mulej.

“Araw, uliedi, jien nixtieq li intom tiftakru biex iżżommu l-kmandamenti ta’ Alla. … Araw, jiena semmejtkom għall-ewwel ġenituri tagħna li telqu mill-art ta’ Ġerusalemm; u dan jien għamiltu biex meta intom tiftakru f’ isimkom, intom tiftakru fihom; u meta tiftakru fihom tiftakru f’ dak li huma għamlu; u meta tiftakru f’ dak li huma għamlu intom tkunu tafu b’ dak li hemm miktub, li huma kienu nies twajbin.

“Għalhekk, uliedi, nitlobkom tagħmlu dak li hu tajjeb, sabiex jingħad dwarkom, kif ukoll jinkiteb, l-istess kif intqal u nkiteb dwarhom.”5

Illum huma ħafna n-nies li għad għandhom l-istess tradizzjoni li jsemmu lil uliedhom għal xi eroj mill-iskrittura jew għal xi antenat fidil tagħhom bħala mod kif huma jħeġġuhom ma jinsewx il-wirt tagħhom.

Meta jiena twelidt, ġejt mogħti l-isem ta’ Ronald A. Rasband. Kunjomi jonora l-antenati ta’ missieri. L-ittra inizjali tan-nofs A ġiet mogħtija lili biex tfakkarni li għandi nonora l-antenati Daniżi Anderson min-naħa ta’ ommi.

Il-buż-bużnannu tiegħi Jens Anderson kien mid-Danimarka. U fl-1861 il-Mulej mexxa żewġ missjunarji Mormoni lejn id-dar ta’ Jens u Ane Cathrine Anderson, fejn il-missjunarji introduċew l-evanġelju rrestawrat lilhom u lil binhom ta’ 16-il sena, Andrew. Dan ta’ bidu għal wirt ta’ fidi li bbenefikajna minnu jiena u l-familja tiegħi. L-Andersons qraw il-Ktieb ta’ Mormon u tgħammdu ftit żmien wara. Is-sena ta’ wara, il-familja Anderson semgħu mis-sejħa ta’ profeta biex jaqsmu l-Atlantiku biex jingħaqdu mal-Qaddisin fl-Amerka ta’ Fuq.

Sfortunatament, Jens miet waqt li huma kienu qed jaqsmu l-baħar, iżda martu u ibnu komplew sejrin sal-Wied ta’ Salt Lake, fejn hemm waslu fit-3 ta’ Settembru, 1862. Minkejja d-diffikultajiet tagħhom u l-uġigħ il-qalb tagħhom, il-fidi tagħhom qatt ma ddgħajfet, u lanqas il-fidi ta’ bosta dixxendenti tagħhom.

Immaġni
Pittura fl-uffiċċju tal-Presbiteru Rasband

Fl-uffiċċju tiegħi għandi mdendla pittura6 li b’mod mill-isbaħ turi tifkira simbolika ta’ dik l-ewwel laqgħa li l-antenati tiegħi kellhom ma’ dawk il-missjunarji dedikati tal-ewwel żminijiet. Jiena determinat li ma ninsix il-wirt tiegħi, u minħabba ismi jiena se nibqa’ niftakar għal dejjem il-wirt tagħhom ta’ fedeltà u sagrifiċċju.

Qatt tinsew, tiddubitaw jew tinjoraw l-esperjenzi personali sagri u spiritwali tagħkom. It-tattika tal-avversarju hi li jbegħidna mix-xhieda spiritwali, filwaqt li x-xewqa tal-Mulej hi li jdawwalna u jingaġġana fil-ħidma Tiegħu.

Ippermettuli naqsam magħkom eżempju personali ta’ din il-verità. Jiena niftakar sewwa mument partikolari li fih jiena rċevejt ċertu suġġeriment bħala tweġiba għal talba li kont jiena tlabt b’ tant ħerqa. It-tweġiba kienet waħda ċara u qawwija. Madankollu, jiena bqajt lura milli naġixxi immedjatament skont is-suġġeriment li kont irċevejt, u wara perjodu ta’ ħin bdejt niddubita jekk dak li kont ħassejt kienx reali. Jista’ jkun li xi wħud minnkom ukoll spiċċajtu waqajtu għall-qerq tal-avversarju.

Bosta jiem wara, jiena stenbaħt b’ dawn il-versi mill-iskrittura f’ moħħi:

“Fis-sewwa, fis-sewwa, ngħidlek, jekk tixtieq li jkollok aktar xhieda, ftakar fil-lejl li fih inti tlabtni b’ ħerqa f’ qalbek. …

“Ma wassaltlekx jiena l-paċi f’moħħok dwar din il-ħaġa? X’ xhieda akbar jista’ jkollok mili xhieda mingħand Alla?”7

Kien bħallikieku l-Mulej kien qed jgħidli, “Issa, Ronald, jiena diġà għidtlek dak li ridt tkun taf. Issa mur agħmel kif għidtlek!” Kemm kont grat għal dik il-korrezzjoni u d-direzzjoni kollha mħabba! Immedjatament ħassejtni nitfarraġ permezz tas-suġġeriment li rċevejt u kont kapaċi nibqa’ għaddej, bl-għarfien f’ qalbi li t-talba tiegħi kienet ġiet imwieġba.

Jiena qsamt magħkom din l-esperjenza, għeżież ħuti, biex nuri kemm jista’ jinsa malajr moħħna u kif l-esperjenzi spiritwali jistgħu jiggwidawna. Jiena tgħallimt ngħożż mumenti bħal dawn “li ma mmurx ninsa.”

Lil sieħbi, u lil dawk kollha li jixtiequ jsaħħu l-fidi tagħhom, jiena se nagħti din il-wegħda: hekk kif intom tgħixu b’ fedeltà l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u tobdu t-tagħlim tiegħu, it-testimonjanza tagħkom tiġi protetta u tikber. Żommu l-patti li għamiltu, irrelevanti kif jaġixxu dawk ta’ madwarkom. Kunu ġenituri, aħwa, nanniet, zijiet u ħbieb diliġenti li ssaħħu lill-maħbubin tagħkom permezz tat-testimonjanza personali tagħkom u billi taqsmu magħhom l-esperjenzi spiritwali tagħkom. Ibqgħu fidili u sodi, anke jekk il-maltempati tad-dubju jinvadu ħajjitkom permezz tal-għemejjel ta’ ħaddieħor. Fittxu dak kollu li jedifikakom u jiffortifikakom spiritwalment. Evitaw ċerti offerti folooz li jiġu ppreżentati bħala “veritajiet” li jinxterdu fi żmien qasir, u ftakru biex tirreġistraw is-sentimenti tagħkom ta’ “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-manswetudni u t-temperament.”8

F’ nofs l-akbar maltempati tal-ħajja, qatt tinsew il-wirt divin tagħkom bħala wlied Alla jew id-destin etern tagħkom li xi darba se terġgħu lura biex tgħixu Miegħu, li huwa ferm aqwa minn kull ħaġa li d-dinja tista’ toffri. Ftakru l-kliem ħelu ta’ Alma: “Araw, jiena ngħidilkom, ħuti, jekk intom esperjenzajtu bidla f’ qalbkom, u jekk ħassejtu li tgħannu l-għanja tal-imħabba feddejja, jiena nistaqsikom, tħossukom hekk bħalissa?”9

Lil dawk kollha li jħossu l-bżonn li l-fidi tagħhom tkun iffortifikata, b’ ħerqa jiena nitlobkom, qatt tinsew! Jekk jogħġobkom qatt tinsew.

Jiena nixhed li Joseph Smith kien profeta ta’ Alla. Jiena naf li huwa ra u tkellem ma’ Alla l-Missier u ma’ Ibnu, Ġesù Kristu, kif huwa kiteb fi kliemu. Kemm jiena grat li hu qatt ma nesa jikteb dwar dik l-esperjenza, biex aħna lkoll insiru nafu dwar it-testimonjanza tiegħu.

Din naqsam magħkom ix-xhieda solenni tiegħi tal-Mulej Ġesù Kristu. Huwa jgħix; jiena naf li Huwa jgħix u jinsab imexxi din il-Knisja. Dawn il-ħwejjeġ jiena sirt nafhom għaliha nnifsi, indipendenti minn xi persuna jew xhieda oħra, u nitlob li intom u jiena qatt ma ninsew il-veritajiet sagri u eterni—l-ewwel u qabel kollox li aħna wlied Ġenituri tas-Smewwiet ħajjin u li tant iħobbuna, li jixtiequ biss il-ferħ etern tagħna. Dwar dawn il-veritajiet jiena nixhed f’ isem Ġesu Kristu, amen.

Ipprintja