2010-2019
Inressaq id-Dawl tal-Evanġelju f’ Dari
Ottubru 2016


Inressaq id-Dawl tal-Evanġelju f’ Dari

Aħna nistgħu nressqu d-dawl tal-evanġelju fid-djar, fl-iskejjel u fil-postijiet tax-xogħol tagħna jekk aħna nfittxu u naqsmu ma’ ħaddieħor ħwejjeġ pożittivi.

Bi tweġiba għall-istedina ta’ Sister Linda K. Burton waqt il-konferenza ġenerali ta’ April,1 ħafna minnkom involvejtu rwieħkom f’ għemejjel twajba u ġenerużi ta’ karità li l-mira tagħhom huma l-bżonnijiet tar-refuġjati fl-inħawi ta’ fejn intom toqogħdu. Minn ċerti sforzi sempliċi, wiċċ imb wiċċ mal-individwi sa programmi li jilħqu l-komunità kollha, dawk l-għemejjel huma r-riżultat tal-imħabba. Hekk kif intom qsamtu ma’ ħaddieħor il-ħin, it-talenti u r-riżorsi tagħkom, qalbkom—u qalb ir-refuġjati—imtliet bil-ferħ. Il-bini tat-tama u l-fidi u saħansitra ta’ mħabba akbar bejn min jirċievi u min jagħti huma riżultat inevitabbli tal-karità vera.

Il-profeta Moroni jgħidilna li l-karità hija karatteristika essenzjali ta’ dawk li se jgħixu ma’ Missierna tas-Smewwiet fis-saltna ċelestjali. Huwa jikteb, “Jekk intom ma jkollkomx il-karità intom bl-ebda mod ma ssalvaw fis-saltna ta’ Alla.”2

Bla dubju, Ġesù Kristu huwa l-personifikazzjoni perfetta tal-karità. L-impenn Tiegħu fil-ħajja primortali biex ikun is-Salvatur tagħna, il-mod li bih aġixxa ma’ ħaddieħor fil-ħajja mortali Tiegħu, ir-rigal divin Tiegħu tal-Att tal-Fidwa u l-isforzi kontinwi Tiegħu biex jeħodna lura għand Missierna tas-Smewwiet huma l-aqwa espressjoni ta’ karità. Huwa jagħmel dan filwaqt li jiffoka fuq ħaġa waħda: l-imħabba lejn Missieru li jesprimiha permezz tal-imħabba Tiegħu lejn kull wieħed u waħda minna. Meta ġie mistoqsi dwar l-akbar kmandament, Ġesù wieġeb:

“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’ qalbek kollha, b’ ruħek kollha, u b’ moħħok kollu.

“Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed.

“U t-tieni jixbhu, Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”3

Waħda mill-aktar modi sinifikanti kif aħna nistgħu niżviluppaw u nuru l-imħabba lejn għajrna hi billi nkunu ġenerużi fi ħsibijietna u fi kliemna. Xi snin ilu waħda ħabiba għażiża tiegħi nnotat, “Jista’ jkun li l-akbar forma ta’ karità hi meta aħna nżommu ‘l bogħod milli niġġudikaw.”4 Din għadha tapplika anke għal żmienna.

Riċentiment, hekk kif Alyssa li għandha tliet snin kienet qed tara film ma’ ħutha, hija qalet kollha mistagħġba, “Ma, dik it-tiġieġa veru stramba!”

Ommha ħarset lejn l-iskrin u wieġbet bi tbissima, “Qalbi, dak pagun.”

Bħal dik it-tifla ta’ tliet snin li kienet għadha ma tafx, xi kultant aħna nħarsu lejn ħaddieħor mingħajr ma jkollna għarfien sħiħ u ċar. Aħna nafu niffokaw fuq id-differenzi u d-dgħjufijiet li dawk ta’ madwarna naħsbu li għandhom, filwaqt li Missierna tas-Smewwiet iħares lejn uliedu, maħluqin fl-ixbieha eterna Tiegħu skont il-potenzjal meraviljuż u glorjuż tagħhom.

Il-President James E. Faust jibqa’ mfakkar li kien qal, “Aktar ma nixjieħ, anqas sirt ngħaddi ġudizzju fuq ħaddieħor.”5 Din tfakkarni dwar l-osservazzjoni li għamel l-Appostlu Pawlu:

“Meta kont tarbija, kont nitkellem ta’ tarbija, nħoss ta’ tarbija, naħseb ta’ tarbija. Meta sirt raġel warrabt dak li hu ta’ tarbija.

“Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, mċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ. Issa nagħraf biċċa, imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa.”6

Meta aħna nħarsu lejn l-imperfezzjoni tagħna b’ aktar ċarezza, aħna nkunu ferm anqas inklinati li nħarsu lejn ħaddieħor “bħallikieku f’mera, mċajpar.” Aħna rridu nużaw d-dawl tal-evanġelju biex nkunu nistgħu naraw lill-oħrajn kif jarahom is-Salvatur—bil-kompassjoni, bit-tama u l-karità. Għad jasal il-jum meta aħna jkollna għarfien sħiħ ta’ dak li hemm f’ qalb ħaddieħor u nkunu grati tal-ħniena li ntweriet magħna—hekk kif f’ din il-ħajja aħna nestendu l-ħsibijiet u l-kliem karitabbli tagħna lejn l-oħrajn.

Xi snin ilu, jiena mort naqdef bil-kenura flimkien ma’ grupp ta’ tfajliet. L-għadajjar mill-aktar blu mdawrin bl-għoljiet ħodor kollha siġar u l-irdum għoli kienu qed joħolqu ambjent verament mill-isbaħ. L-ilma beda jraxxax fuq l-imqadef tagħna hekk kif bdejna ngħoddsuhom fl-ilma mill-aktar ċar, u x-xemx bdiet tiżreġ hekk kif bil-mod il-mod bdejna naqsmu l-lag.

Madankollu, is-sħab ma damx wisq ma dallam is-sema u riħ qawwi beda jonfoħ madwarna. Biex nibqgħu għaddejjin kellna nibdew naqdfu b’ aktar forza mingħajr ebda interruzzjoni bejn kull qadfa. Wara ftit sigħat diffiċli ta’ ħidma iebsa, aħna finalment dorna mad-dawra tal-lag il-kbir u b’ għaġeb sibna li r-riħ kien qed jonfoħ fid-direzzjoni li ridna mmorru fiha.

Malajr aħna ħadna vantaġġ ta’ din il-barka. Aħna ħriġna biċċa nċirata u rbatna tnejn mill-trufijiet tagħha mal-manku tal-imqadef u t-trufijiet l-oħra mal-pali ta’ saqajn żewġi, hekk kif huwa żammhom imġebdin lejn iż-żewġ naħat tal-kenura. Il-qlugħ beda jiżżaqqaq bir-riħ, u b’ hekk irnexxielna nibdew insalpaw.

Meta t-tfajliet li kien hemm fil-kenuri l-oħra raw kif aħna rnexxielna nibqgħu għaddejjin minn fuq l-ilma b’ ċerta faċilità, huma wkoll bdew jippruvaw jimprovizzaw xi tip ta’ qlugħ. Verament konna ħadna r-ruħ u minħabba f’ hekk spiċċajna nidħqu bejnietna, grati li issa stajna nistrieħu mill-isfidi tal-ġurnata.

Kemm jafu jkunu bħal dak ir-riħ glorjuż, il-kumpliment sinċier li jaf jgħaddilek xi ħabib, il-mod li bih il-ġenituri jilqgħu b’ ferħ lil uliedhom, is-sinal li ħutek jagħmlulek b’ rashom biex juruk l-approvazzjoni tagħhom jew it-tbissima ta’ għajnuna ta’ xi kollega tiegħek jew ta’ xi ħadd minn sħabek tal-klassi, li lkoll kemm huma jissupplixxu “r-riħ fil-qlugħ tagħna” hekk kif aħna nitqabdu mal-isfidi tal-ħajja! Il-President Thomas S. Monson iddeskrivieha b’ dan il-mod: “Ma nistgħux nidderieġu r-riħ, iżda nistgħu ndawru l-qlugħ. Biex ikollna l-milja ta’ ferħ, paċi u kuntentizza, jista’ jkun li jkollna nagħżlu li jkollna attitudni pożittiva.”7

Il-kliem għandu qawwa sorprendenti, kemm biex iqawwi lil dak li jkun kif ukoll biex ikissru. Ilkoll kemm aħna probabbilment niftakru mumenti meta ċertu kliem negattiv wassalna biex naqtgħu qalbna filwaqt li xi kliem li ngħad b’ imħabba wassalna biex nimtlew bil-kuraġġ. Li aħna nagħżlu li ngħidu biss kliem pożittiv dwar—u lil—ħaddieħor iwassal biex aħna ninkuraġġixxu u nsaħħu lil dawk ta’ madwarna u ngħinu lill-oħrajn biex jimxu wara s-Salvatur.

Immaġni
Xogħol bir-rakmu ta’ “Inressaq id-Dawl tal-Evanġelju f’ Dari”

Meta kont għadni tifla tal-Primarja, jiena kont għaddejt ħin mhux ħażin nirrakma bid-diliġenza kollha l-kliem sempliċi, “Inressaq id-Dawl tal-Evanġelju f’ Dari.” Darba waħda wara nofsinhar hekk kif aħna l-bniet konna qegħdin nirrakmaw bil-labra, waħda ‘l fuq u waħda ‘l isfel, l-għalliema tagħna qaltilna l-istorja ta’ waħda tifla li kienet tgħix fuq għolja fuq naħa waħda tal-wied. Kull filgħaxija fuq l-għolja tan-naħa opposta tal-wied hija kienet toqgħod tinnota dar bi twieqi jiddu kulur id-deheb. Id-dar tagħha kienet waħda żgħira u f’ kundizzjoni xejn tajba u t-tifla kienet toħlom li hija tgħix f’ dik id-dar sabiħa bi twieqi tad-deheb.

Darba waħda it-tifla ġiet mogħtija permess li tmur bir-rota san-naħa l-oħta tal-wied. B’ ħerqa hija telqet taqdef ir-rota sakemm waslet fid-dar bit-twieqi kulur id-deheb li kienet ilha tant tammira. Iżda meta hija niżlet minn fuq ir-rota tagħha, hija setgħet tara li d-dar kienet abbandunata u ddeterjorata bil-ħaxix għoli mad-dawra tagħha u t-twieqi kienu mill-aktar ordinarji u maħmuġin. Sfortunatament, hija dawret ħarsitha lejn id-dar tagħha. B’ sorpriża kbira għaliha, hija rat dar bit-twieqi jiddu kulur id-deheb fuq l-għolja fin-naħa l-oħra tal-wied u ma damitx ma rrealizzat li dik kienet l-istess dar tagħha!8

Xi kultant, bħal din it-tifla żgħira, aħna nħarsu lejn dak li hu ħaddieħor jew dak li huwa għandu u nħossu li huwa jew hija aħjar minnha jekk aħna nqabblu lilna nfusna miegħu jew magħha. Aħna nibdew niffokaw fuq il-verżjoni tal-ħajja kif narawha fuq il-midja soċjali jew inkella ninqabdu fin-nasba li noqogħdu nippreokkupaw ruħna bil-kompetizzjoni li hemm fl-iskola tagħna jew fil-post tax-xogħol tagħna. Madankollu, meta nieqfu ftit biex “ngħoddu barkietna,”9 aħna nkunu nistgħu naraw minn perspettiva aktar reali u nagħrfu t-tjubija ta’ Alla lejn kull wieħed u waħda minn uliedu.

Kemm jekk għandna 8 snin jew inkella 108, aħna nistgħu nressqu d-dawl tal-evanġelju fil-post li ngħixu fih, kemm jekk dan huwa appartament fil-għoli ġewwa Manhattan, xi dar mibnija fuq iz-zkuk tal-injam ġewwa l-Malasja jew inkella ġo xi għarix fil-Mongolja. Aħna nistgħu nkunu determinati li nfittxu t-tajjeb li hemm fl-oħrajn u fiċ-ċirkustanzi ta’ madwarna. Nisa li għadhom żgħar kif ukoll mhux daqshekk żgħar ma’ kullimkien jistgħu juru l-karità hekk kif huma jagħżlu li jużaw kliem li jibni l-kunfidenza u l-fidi f’ ħaddieħor.

Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland tkellem dwar wieħed żagħżugħ li kien il-vittma taż-żuffjett ta’ sħabu meta huwa kien jattendi l-iskola. Xi snin wara huwa ma baqax joqgħod hemm, ingħaqad mal-militar, kompla jistudja u sar attiv fil-Knisja. Dan il-perjodu ta’ ħajtu kien mimli b’ esperjenzi ta’ suċċess mill-aqwa.

Wara numru ta’ snin huwa mar lura jgħix fejn kien qabel. Madankollu, in-nies irrifjutaw li jagħrfu kemm kien avvanza u rnexxa. Għalihom, huwa kien għadu dak il- “hekk u hekk,” u bdew jittrattawh b’ dak il-mod. Eventwalment, dan ir-raġel twajjeb waqaf javvanza u ma kienx kapaċi aktar juża t-talenti meraviljużi li huwa kien żviluppa biex ibierek lil dawk li għal darb’oħra reġgħu bdew iwarrbuh u jiżżuffjettaw bih.10 X’ ħasra, kemm għalih kif ukoll għall-komunità!

L-Appostlu Pietru għallem, “Fuq kollox, ħa jkollkom karità sħiħa lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet.”11 Karità sħiħa, li tfisser “mill-qalb,” nuruha meta aħna ninsew l-iżbalji ta’ ħaddieħor minflok ma nibqgħu nżommu ġewwa fina jew infakkru lilna nfusna u lil ħaddieħor dwar ċerti imperfezzjonijiet tal-passat.

L-obbligu u l-privileġġ tagħna huwa li nħaddnu l-avvanz li naraw f’ kulħadd hekk kif nagħmlu l-almu tagħna biex insiru aktar bħas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. X’ meravilja meta naraw id-dawl f’ xi ħadd li beda jifhem l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu u li qed jagħmel tibdil vera f’ ħajtu jew f’ ħajjitha! Dawk il-missjunarji li esperjenzaw il-ferħ li raw lil xi ħadd li kkonverta jidħol fl-ilmijiet tal-magħmudija u mbagħad jidħol mill-bibien tat-tempju huma xhieda tal-barka li jagħtu ċ-ċans—u jħeġġu—lil ħaddieħor biex jinbidel. Il-membri li jilqgħu lil dawk l-ikkonvertiti li forsi ma kinux jidhru wisq li kienu se jkunu kandidati għas-saltna jimtlew b’ sodisfazzjon kbir hekk kif jgħinuhom iħossu l-imħabba tal-Mulej. Il-vera sbuħija tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hija r-realtà tal-progress etern—aħna mhux biss għandna ċ-ċans li ninbidlu għall-aħjar iżda aħna wkoll imħeġġin, u saħansitra kkmandati, biex inkomplu mexjin fit-tfittxija tagħna biex navvanzaw u, ultimament, nilħqu l-perfezzjoni.

Il-President Thomas S. Monson għallem: “B’ mijiet ta’ modi sempliċi, ilkoll kemm intom tilbsu l-mantell tal-karità. … Minflok ma niġġudikaw jew nikkritikaw lil xulxin, jalla aħna nuru l-imħabba pura ta’ Kristu ma’ dawk li bħalna qed jivvjaġġaw f’ dan il-vjaġġ tal-ħajja. Jalla aħna lkoll nagħrfu li lkoll kemm aħna ninsabu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nikkumbattu l-isfidi li jkollna quddiemna u jalla aħna nagħmlu l-almu tagħna biex ngħinu lil xulxin.”12

Il-karità, f’ termini pożittivi, hija paċenzjuża, twajba u kuntenta. Il-karità tpoġġi lil ħaddieħor qabilha, hija umli, teżerċita l-kontroll fuqha nnifisha, tfittex it-tajjeb f’ ħaddieħor u tifraħ meta xi ħadd jirnexxi.13

Bħala aħwa f’ Sijon, aħna lesti li nikkommettu ruħna li “lkoll se naħdmu flimkien … biex nagħmlu dak kollu li hu ġentili u uman, biex inferrħu u nbierku f’ isem is-Salvatur”?14 Nistgħu aħna, b’ imħabba u tama vera, infittxu u nħaddnu s-sbuħija li hemm f’ ħaddieħor, u nagħtuhom iċ-ċans u nħeġġuhom biex javvanzaw? Nistgħu aħna nifirħu bis-suċċess ta’ ħaddieħor filwaqt li nkomplu naħdmu biex aħna stess navvanzaw?

Iva, aħna nistgħu nressqu d-dawl tal-evanġelju fid-djar, fl-iskejjel u fil-postijiet tax-xogħol tagħna jekk aħna nfittxu u naqsmu ma’ ħaddieħor ħwejjeġ pożittivi u ma nibqgħux niffokaw fuq l-imperfezzjonijiet li jista’ jkun hemm. Kemm timtela bil-gratitudni qalbi meta naħseb dwar l-indiema li s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, għamel possibbli għalina lkoll li inevitabbilment waqajna fid-dnub f’ din id-dinja imperfetta u xi kultant diffiċli!

Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi li hekk kif aħna nimxu wara l-eżempju perfett Tiegħu, aħna nistgħu nirċievu d-don tal-karità, li jġibilna ferħ kbir f’ din il-ħajja u l-barka mwiegħda tal-ħajja eterna ma’ Missierna tas-Smewwiet. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Linda K. Burton, “I Was a Stranger,” Liahona, Mejju 2016, 13–15.

  2. Moroni 10:21.

  3. Mattew 22:37–39.

  4. Sandra Rogers, “Hearts Knit Together,” f’ Hearts Knit Together: Diskors mill-konferenza tan-Nisa tal-1995 (1996), 7.

  5. James E. Faust, in Dallin H. Oaks, “‘Judge Not’ and Judging,” Ensign, Aww. 1999, 13.

  6. 1 Korintin 13:11–12.

  7. Thomas S. Monson, “Living the Abundant Life,” Liahona, Jan. 2012, 4.

  8. Addattat minn Laura E. Richards, The Golden Windows: A Book of Fables for Young and Old (1903), 1–6.

  9. Ara “Għodd Barkietek,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, paġna. 8.

  10. Ara Jeffrey R. Holland, “The Best Is Yet to Be,” Liahona, Jan. 2010, 18–19.

  11. 1 Pietru 4:8.

  12. Thomas S. Monson, “Charity Never Faileth,” Liahona, Nov. 2010, 125.

  13. Ara 1 Korintin 13:4–6.

  14. “As Sisters in Zion,” Innijiet, no. 309; enfażi miżjuda.

Ipprintja